Tuesday, May 17, 2016

Fejn hi l-email li ssemmi d-dar ta' Konrad Mizzi?

Il-Ministru Konrad Mizzi ilu sa mill-ewwel ġurnata li faqqa l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama jgħid li ħoloq dawn l-istrutturi għad-dar li għandu f'Londra u propjeta oħra.

Issa li qed jiġu pubblikati l-emails kollha li għaddew bejn il-konsulenti finanzjarji ta' Mizzi u Mossack Fonseca għadha ma dehritx email waħda li tgħid li raġuni għal din il-kumpanija sigrieta hija l-propjeta li għandu Konrad Mizzi.

Issemmew konsulenzi, senseriji, kumpaniji ta' riċiklaġġ, kumpaniji tal-gaming, imma qatt ma ssemmew id-dar f'Londra u l-flat f'Tas-Sliema tal-koppja Mizzi.

Xi partitarju Laburist li jrid jemmen kull ma jgħidlu Mizzi jista' jissuspetta li l-media qed tkun selettiva x'emails tippubblika. Iżda hemm dettall li minħabba fih lanqas il-Laburisti l-iktar akkaniti ma jistgħu jemmnu iktar lil Mizzi:

Bħal m'għandhom aċċess għall-emails il-konsorzju tal-ġurnalisti, ovvjament għandom aċċess ukoll l-istess Mizzi u l-konsulent finanzjarju tiegħu. Għaldaqstant, kieku teżisti mqar email waħda li tikkonferma dak li qal Mizzi kienu jippublikawha. Imma dan m'għamluhx.

U ma jistgħux jagħmluh. Għax m'hemm ebda email li ssemmi d-dar ta' Konrad Mizzi.

Wednesday, May 11, 2016

Il-Partit Laburista jwaqqaf lill-kandidati għal Deputat Mexxej milli jieħdu sehem fi programm fuq l-istazzjon nazzjonali

It-tliet kandidati għall-kariga ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista illejla ma tħallewx jieħdu sehem f'intervista fil-programm Dissett ta' Reno Bugeja fuq l-istazzjon nazzjonali.

Fil-ftuħ tal-programm Bugeja qal li Stefan Zrinzo Azzopardi, Chris Cardona u Owen Bonnici kienu aċċettaw l-istedina tiegħu iżda fl-aħħar ħinijiet il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista ordnat lit-tliet kandidati biex ma jmorrux fil-programm.

Id-deċiżjoni tal-Partit Laburista li jaħbi lill-kandidati tiegħu għat-tieni l-għola kariga fil-Partit turi li ma jridux iwieġbu d-domandi leġittimi tal-ġurnalisti. Tant il-Partit Laburista inħakem mill-paranoja u mill-biża li lanqas lil Reno Bugeja m'għadhom jafdaw jagħmlilhom il-mistoqsijiet.

Huwa ċar li l-Partit Laburista qed ikompli jingħalaq fih innifsu u qed jibni madwaru l-ħitan ta' fortizza.

PS: Din l-aħbar m'intix se ssibha fil-website ta' TVM li s-soltu jogħxa jirraporta dwar dak li jkun intqal fil-programm tal-Kap tal-Aħbarijiet u lanqas m'inti se ssibha fuq il-paġna tal-Facebook ta' Dissett. Minkejja li llejla deher irrabjat ħafna, Reno Bugeja xorta ra kif għamel biex jgħattilhom.

Monday, May 2, 2016

L-iktar deċiżjonijiet importanti li ħa l-Prim Ministru Joseph Muscat

L-iktar deċiżjoni importanti li ħa l-Prim Ministru wara iktar minn xaharejn li faqqa l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama hija li żamm taħt il-kontroll esklussiv tiegħu, ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi s-settur tal-enerġija.

Il-Prim Ministru ddeċieda wkoll li hu, Schembri u Mizzi jkollhom kontroll assolut anke fuq il-proġetti multi-miljunarji kollha tal-Gvern.

Din hija l-istess deċiżjoni li Joseph Muscat kien ħa wara l-iskandli tal-Cafe' Premier u ta' Strada Zekka (ta' Gaffarena). Niftakru kif wara xhur ikaxkar saqajh, anke wara dawk l-iskandli, il-Prim Ministru ddeċieda li d-Dipartiment tal-Artijiet jibqa' fid-dekasteru tiegħu.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien maż-żewġ idejn (jew tlieta) li għandu f'Kastilja huma l-fattur komuni tal-ikbar skandli li kellna f'dawn it-tliet snin.

Għad jiġi żmien mhux wisq fil-bogħod li fih nintebħu li dawn id-deċiżjonijiet huma omm l-iskandli kollha.

Sunday, May 1, 2016

Il-kontijiet tad-dawl huma l-ikbar gidba ta' dan il-Gvern

Il-wegħda elettorali ewlenija ta' dan il-Gvern kienet li jraħħas il-kontijiet tad-dawl b'25% bil-flus li se jkun qed jiffranka permezz ta' power station ġdida taħdem bil-gass li kellha tkun lesta u qed taħdem sena u xahrejn ilu.

Din il-wegħda ma nżammitx. Min jiftaħar mod ieħor qed jigdeb. Il-verita' li kulħadd jista' jara b'għajnejh hija li dan il-pjan ma seħħx.

Huwa ovvju li r-roħs fil-kontijiet seta jsir mhux għax irnexxa l-pjan tal-Gvern ta' Joseph Muscat u ta' Konrad Mizzi, iżda għal raġunijiet li dawn it-tnejn ma kellhom ebda kontroll fuqhom.

L-ewwel raġuni hija r-roħs qawwi fil-prezz internazzjonali taż-żejt.

It-tieni raġuni hija t-tlestija u t-tħaddim tal-interconnector bejn Malta u Sqallija.

It-tielet raġuni hija l-power station tal-BWSC li tant kritika Joseph Muscat u li bl-effiċjenza tagħha qed tiffranka mal-50 miljun Ewro fis-sena lill-Enemalta. Din il-power station bdiet taħdem ftit ġimgħat biss qabel l-elezzjoni.

Biex inkun għidt kollox hemm żewġ affarijiet li għamlu Joseph Muscat u Konrad Mizzi li setgħu għenu biex raħħasu l-kontijiet.

L-ewwel waħda hija li biegħu parti sostanzjali mill-Enemalta liċ-Ċiniżi għal 320 miljun. It-tieni hija li ħelsu lill-Enemalta mill-pagi ta' bosta ħaddiema u għabbewhom fuq it-taxpayer Malti.

Ebda waħda minn dawn it-tnejn ma kienet imwiegħda qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.

Saturday, April 30, 2016

Jason, int taf xi jfisser!

Lejliet id-dimostrazzjoni kbira ta' appoġġ bla kundizzjoni li se ssir għada lil Joseph Muscat, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista ħareġ il-kanuni kontra dawk l-untouchables li skontu 'taqqbu l-vapur' tal-Gvern Laburista.

It-timing tal-istqarrija ta' Jason Micallef fih x'tomgħod. Jason jaf x'se jiġri għada, jaf għaliex se jiġri u jaf għal xiex se jwassal. U dan kollu jafu għax hu diġa' għadda minnu.

Ħa mmorru lura 13-il sena. Kien l-ewwel ta' Mejju 2003. Il-Partit Laburista kien għadu kif tilef l-elezzjoni ġenerali wara li tilef ir-referendum għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.

Il-Mexxej Laburista Alfred Sant kien għadu kif irreżenja mill-kariga u ħabbar li mhux se jerġa jikkontesta.

Il-klikka li kienet tmexxi l-Partit Laburista indunat li għall-kariga ta' mexxej kien se jidħol l-avukat Ġorġ Abela.

Wara li telaq minn Deputat Mexxej ħames snin qabel, Abela kien tkeċċa vilment mill-GWU u mpenja ruħu b'mod indipendenti favur is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, Lil Abela, il-magna tal-Partit Laburista kienet tarah theddida. Ma riduhx jersaq 'l hemm, akkost ta' kollox.

Waslet il-ġurnata tal-ewwel ta' Mejju. Wasal Jum il-Ħaddiem. U bħal kull sena, il-Partit Laburista organizza d-dimostrazzjoni tiegħu fil-Belt Valletta. Din id-dimostrazzjoni l-magna tal-partit dawwritha f'turija ta' appoġġ lill-eks Mexxej Alfred Sant. Ħeġġew lill-partitarji jattendu u tawhom f'idejhom posters jappellaw lil Alfred Sant jerġa jaħsibha u jirritorna bħala Mexxej.

U hekk ġara. Alfred Sant reġa bdielu u reġa kkontesta għal Mexxej. Ġorġ Abela ma resaqx 'l hemm. Iddeċieda li ma jieħux sehem f'tellieqa li r-riżultat tagħha kien diġa miktub.

Fl-2003 għaddiet tal-klikka. Għaddiet ta' dawk li riedu jżommu l-kontroll tal-Partit Laburista, fosthom ta' Jason Micallef li ftit wara nħatar Segretarju Ġenerali. U għaddiet tagħhom billi użaw u abbużaw b'dawk l-aktar leali - il-partitarji.

Illum Jason Micallef qed jara lill-klikka l-ġdida li ħakmet lill-Partit Laburista (u warrbet lilu) tagħmel l-istess kif kienu għamlu hu u sħabu tlettax-il sena ilu.

Micallef jaf ukoll x'se jkun ir-riżultat finali ta' dak li se jiġri għada. Jaf li wara għada dak li ġara fl-2008 se jiġri fl-2018 u dan ma jridux jiġri, akkost ta' kollox.

Il-Whip Laburista għada mhux sejjer il-Belt iċapċap lil Muscat


Għada Jum il-Ħaddiem mhux Jum Joseph Muscat

Il-magna tal-Partit Laburista bħalissa qed taħdem bla heda biex tħeġġeġ kemm jista' jkun partitarji, ħafna minnhom ħaddiema, biex għada jinġabru l-Belt Valletta ħalli jingħata sinjal kbir ta' appoġġ lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Jinsew jew iridu jnessu dawn it-talin li ħatfu lill-Gvern u lill-Partit Laburista li għada hija l-festa tal-ħaddiema kollha u mhux ta' Joseph Muscat.

Il-ħaddiema - dawk li suppost twieled biex jirrapreżenta u jaħdem għalihom dan l-istess partit.

Il-ħaddiema - dawk li jaqilgħu l-għixien ta' kuljum bl-għaraq ta' xbinhom, b'onesta' u bi tbatija.

Il-ħaddiema - dawk li jħallsu sal-inqas ċenteżmu taxxa u li qatt ma kienu ħolmu li tista' tiftaħ pompa tal-petrol li tkun bnejt kontra l-permess u mbagħad tbiegħ nofs dar fil-Belt Valletta lill-Gvern għal aktar minn 3 miljuni.

Il-ħaddiema - dawk li meta jitilfu x-xogħol jew ifallu jkollhom jerġgħu jibdew mill-bidu u ma jsibu lil ħadd li jagħtihom xi 4 miljuni u aktar b'daqqa ta' pinna bħal ma ngħataw tal-Cafe' Premier.

Il-ħaddiema - dawk li l-ftit li jġemmgħu jiddepozitawh fil-banek għal imgħaxxijiet daqs il-loqom u qatt ma kienu semgħu b'shell companies fil-Panama, trusts fi New Zealand, banek f'Dubaj u f'ma nafx kemm-il pajjiż ieħor qabel daħlu f'Kastilja Konrad Mizzi u Keith Schembri u l-konsulent finanzjarju tagħhom.

Il-ħaddiema - dawk li għada, fl-ewwel ta' Mejju, kellha ssirilhom festa; dawk li dil-festa nsterqitilhom biex issir festa għal min qed jitradixxi l-fiduċja tagħhom u qed jaħdem biss għall-interessi tal-ftit ta' madwaru.

Friday, April 29, 2016

Dak li mhux tajjeb għall-partit, mhux tajjeb għalina

Bid-deċiżjoni li ħa Joseph Muscat li jneħħi lil Konrad Mizzi minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u l-istess ħin iżommu bħala Ministru tagħna lkoll, qed jgħidilna ċar u tond li dak li mhux tajjeb għall-partit tiegħu, iridu jkun tajjeb għalina. Insult ieħor lill-poplu Malti mill-Prim Ministru.


Thursday, April 28, 2016

Jekk mhux ħabsi, Ministru

Spiss nisimgħu esponenti Laburisti lagħqa ta' Joseph Muscat jgħidulna li s'issa mhemmx provi konkreti ta' korruzzjoni fil-konfront ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Ibda biex diffiċli jkollok il-provi jekk ma jkollokx investigazzjoni tal-pulizija li ma tħares lejn wiċċ ħadd kif isir f'kull pajjiż ieħor ċivilizzat fid-dinja. Għalkemm niddubita, nittama li din l-investigazzjoni qed issir bla ma nafu u li qed issir bis-serjeta'. Imma dak mhux l-argument li rrid nagħmel illum.

Illum irrid ngħid biss li jekk ikun hemm provi konkreti ta' korruzzjoni, Schembri u Mizzi jiġu proċessati fil-Qorti u jekk jinstabu ħatja jmorru l-ħabs.

Is-sempliċi fatt li Schembri u Mizzi mhumiex ħabsin ma jagħmilhomx tajbin għar-rwoli pubbliċi li jokkupaw, dak ta' Kap tal-Uffiċju tal-Prim Ministru u dak ta' Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru.

Fil-Malti għandna espressjoni tgħid 'Jekk mhux ħmar, felu'.

Muscat u sħabu din dawwruha f''Jekk mhux ħabsi, Ministru!'

Tafu x'number plate se jkollha l-karozza tal-Ministru l-ġdid Manuel Mallia? ...

... ma jmurx nolqotlu l-mera u nispiċċa ħażin!

OK sieħbi?



Reshuffle Update: Jaħasra, Michael Falzon biss baqa barra


Biex qed jistgħaġbu ż-żgħażagħ?

Taħt it-tinda trasparenti li poġġew quddiem Kastilja, Joseph Muscat qal liż-żgħażagħ preżenti li kemm dam student fl-Universita' qatt  ma vvota għall-elezzjonijiet tal-KSU.

Jien li għandi ftit żmien iktar minn dawn iż-żgħażagħ ma stagħġibt xejn b'dak li qal Muscat.

Dan huwa l-istess bniedem li meta pajjiżna kellu jiddeċiedi l-futur tiegħu hu ħeġġeġ lin-nies ma jivvotawx jew iħassru l-vot.

Kif tista' tistenna aħjar minn min ġab ruħu hekk fir-referendum dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Lil min tafu tistaqsix għalih.


Saturday, April 9, 2016

Solidarjetà mal-GWU u ma' din il-ħaddiema

Jekk għad baqa' min għandu xi dubju li l-Partit Laburista m'għadux il-partit tal-ħaddiema u minflok sar il-partit tal-istanding ovations lil min iħammar wiċċ pajjiżna b'xi kumpanija l-Panama moħbija fi trust New Zealand li lanqas f'Dubaj ma jridu jiftħu kont bankarju għaliha, nissuġġerilu jaqra din l-istorja fuq il-website tal-General Workers' Union, inews.

Friday, April 8, 2016

Il-paroli fil-vojt ta' Janice

Dil-ġimgħa Janice Bartolo tal-ONE kienet ma' grupp ġurnalisti tieħu l-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Mhux kuntenta bit-tweġibiet li kien qed jagħtiha Dr Busuttil, qaltlu li dak li kien qed jgħid kien 'paroli fil-vojt' (ara l-filmat hawn taħt).

U minflok marret tistaħba bil-misħija għall-pastażata li kienet għadha kif għamlet, ħassitha kburija biha u xandritha fis-servizz tal-ONE!