Thursday, May 30, 2019

Malta m’għadhiex f’qalbu

Ilna minn ftit wara l-Għid il-Kbir nisimgħu kemm l-esponenti tal-Partit Laburista għandhom lil Malta f’qalbhom. L-2019 se tibqa’ mfakkra bħala s-sena li fiha iktar rajna qlub fuq Facebook, fuq it-televixin u fit-toroq Maltin matul ix-xahar ta’ Mejju, milli rajna fi Frar. Kważi kważi Joseph Muscat jista’ jibda jiftaħar li rnexxielu jirbaħ anke lil San Valentinu!
Fost dawn l-esponenti Laburisti – m’iniex se nuża l-kelma ‘Soċjalisti’ għax dan il-Gvern uriena li huwa kollox barra Soċjalist – hemm wieħed li l-vuċi tiegħu ilha tpaxxi lil widnejna fuq ir-radju mill-ewwel jiem tal-liberalizzazzjoni fis-snin disgħin. Qed ngħid għal Emanuel Cuschieri, li kemm ilu jeżisti l-internet żied il-kitba fuq il-Facebook mal-kurrikulu komunikattiv tiegħu.

L-esperjenzi ta’ Cuschieri fl-arena politika kienu bosta u minnhom m’għandix dubju li tgħallem ħafna. Tant tgħallem li meta nhar il-Ħadd il-partitarji Laburisti – bir-raġun – kienu qed jiċċelebraw rebħa oħra kbira huwa kien diġà qed jaħseb fil-kampanja elettorali li jmiss.

Minflok fetaħ flixkun xampanja Cuschieri fetaħ il-laptop, daħal fil-Facebook u kiteb messaġġ lil grupp nies li tant iħobbu lil Malta li jsejħu lilhom infushom ‘Laburisti sal-Mewt’. Lil dawn appellalhom biex waqt li qed jifirħu, jindirizzaw il-kritika tagħhom biss lill-Partit Nazzjonalista u mhux lill-Kap tal-partit Adrian Delia. Qalilhom “Sentejn oħra malajr jaslu u l-Partit Laburista jaqbillu li (Adrian Delia) ikun għadu fit-tmun tal-PN. Użaw moħħkom!”

Ibda biex irrid inrodd ħajr lil Cuschieri talli żvelalna li l-elezzjoni ġenerali li jmiss se terġa’ ssir sena qabel iż-żmien: sentejn oħra mhux tlieta, qal. Imma l-punt prinċipali ta’ dan l-artiklu huwa dan li ġej.

Indipendentement jekk wieħed jaqbilx ma’ Cuschieri jew le dwar il-Kap tal-PN, żgur kulħadd jaqbel li min tassew iħobb lil Malta ma jridx li l-Oppożizzjoni tkun iktar dgħajfa milli hi llum. Anzi, min vera għandu lil Malta f’qalbu jrid li Malta jkollha Oppożizzjoni b’saħħitha, jekk jista’ jkun daqs il-Gvern. Imma l-iskop ta’ Cuschieri mhuwiex li Malta jkollha demokrazija b’saħħitha. Bil-kitba tiegħu wera li l-uniku interess tiegħu huwa li meta tasal elezzjoni ġenerali oħra l-Partit Laburista jibqa’ fil-Gvern.Naturalment jien m’għandi ebda dritt nindaħal lil Cuschieri u sħabu lil min għandhom iħobbu l-iktar bejn Malta u l-Partit Laburista. Dik hija għażla li jridu jagħmlu huma. Huwa ċar għalija li dik l-għażla ilhom li għamluha u dan mhux qed ngħidu biss għax rajt din il-kitba ta’ Cuschieri imma għax osservajt kif ġab ruħu l-Partit Laburista fl-aħħar snin meta ma ddejjaq xejn idgħajjef isem Malta biex jipproteġi lil dawk li jmexxuh.

Dawk li waqt il-kampanja elettorali immaġinaw li jekk jittieħed ECG tal-Partit Laburista jibda jinstema’ l-Innu Malti fl-isfond kienu, ovvjament, qed joħolmu. Huwa f’dan l-isfond li wieħed għandu jqis il-kritika u l-pariri li dawn l-esponenti qegħdin u se jkunu qed jagħmlu fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. Huwa evidenti li dawn mhumiex u mhux se jkunu ġenwini iżda huma biss parti minn strateġija biex iżommu l-poter taħt idejhom, jekk jista’ jkun “sal-mewt” kif semmew il-grupp ta’ Facebook.

Tuesday, May 28, 2019

Żewġ ħwienet tal-ħjata fil-pjazza

Fil-pjazza tar-raħal kien hemm żewġt iħwienet ibigħu l-magni u l-aċċessorji tal-ħjata. Kienu eżatt faċċata ta’ xulxin: wieħed fuq il-lemin tal-knisja u l-ieħor fuq ix-xellug. Kien ilhom snin twal hemm. Tal-lemin dejjem nafu iktar imfittex min-nies tar-raħal. Ġieli kien ikollu kju sa fuq il-bankina. Tax-xellug ukoll kellu bejgħ tajjeb imma qatt ma rnexxielu jkun popolari daqs ta’ quddiemu.
Imbagħad ġie żmien fejn il-bejgħ beda jbatti għat-tnejn li huma. L-ikbar daqqa għall-ewwel ħadha l-ħanut tax-xellug li l-ftit bejgħ li kellu spiċċalu kważi fix-xejn. Is-sid ma kellux għażla ħlief li jżarma n-negozju li kien ilu f’idejn il-familja minn żmien bużnannuh.

Is-sid tal-ħanut tal-lemin kien dara fil-ġid. Kull meta kien jara l-ħanut vojt kienet titlagħlu fawra għal rasu. Meta l-ħanut ta’ faċċata għalaq reġa’ ħa ftit tar-ruħ imma ma damx wisq igawdi mill-monopolju li kien kiseb fir-raħal. In-nies ma baqgħetx tixtri magni tal-ħjata, suf, labar u l-bqija bil-kwantità ta’ dari. Għalxejn imbagħad biddel il-vetrina u għalxejn biddel kemm-il impjegat: il-bejgħ xorta baqa’ jonqoslu. Intant ta’ faċċata fetaħ ħanut tal-ħwejjeġ u bil-mod il-mod beda jżid fil-popolarità u fil-bejgħ.

Is-sid tal-ħanut tal-lemin iktar beda jħossu frustrat. Ma’ kull min kien jiltaqa’ kien jitkaża li n-nies tar-raħal ma kienx għadhom bieżla bħal dari għax saru jippreferu jixtru l-ħwejjeġ lesti milli jħituhom. Kien igerger ħafna anke kontra l-fatt li aktar nisa fir-raħal bdew isibu impjieg u li ma kienx għad għandhom ħin iħitu. In-nies kienu jisimgħuh, jitbissmulu u jkomplu b’ħajjithom.

Biex iktar tgħaxxaqhielu ż-żgħażagħ tar-raħal lanqas baqgħu jitgħallmu l-ħjata. Din kienet iddejqu wisq. Wara li qata’ qalbu li dawn jitgħallmu mingħand ommijiethom kien saħansitra mar ikellem lill-Ministru tal-Edukazzjoni biex idaħħal il-ħjata fil-kurrikulu. Meta ra li l-Ministru ma tax kasu ma baqax jivvota.

Eventwalment il-ħanut beda jiftħu għalxejn. Kulma kienu jmorru għandu kienu ftit anzjani ħbieb tiegħu, iktar biex jgħidu kelma u jgħaddu siegħa milli biex jixtru xi ħaġa. Meta xeba’, għalaq u beda jintefa’ l-każin tal-banda li jinsab bieb ma’ bieb. Tmur xħin tmur issibu hemm; igerger kontra l-moderniżmu u kontra kif saru n-nies tar-raħal hu u jlegleg tazza te bil-ħalib tal-bott wara l-oħra.

Intant il-ħanut tax-xellug ma baqax ibigħ il-ħwejjeġ. Illum minfloku hemm uffiċċju mmexxi mit-tfal tas-sid. F’dan l-uffiċċju hemm jaħdmu xi nofs tużżana żgħażagħ quddiem kompjuter. Ma nafx eżatt x’jagħmlu ġo fih imma naf żgur li għandhom negozju tajjeb ħafna. Mhux l-ewwel darba li tard filgħaxija, jien u għaddej mill-pjazza, ilmaħthom mit-tieqa għadhom għaddejjin b’xogħolhom.

Tant għandhom negozju tajjeb li dan l-aħħar it-tfal tas-sid ta’ dak li kien il-ħanut tal-lemin daħlu jaħdmu magħhom. Kienu qatgħu qalbhom jipprovaw jikkonvinċu lil missierhom jagħtihom il-ħanut tal-ħjata biex jiftħu għal rashom huma wkoll. Kull meta kienu jżerżqulu xi kelma ħlief fuq kemm kien glorjuż il-passat u kemm kienu aħjar ilbieraħ u lbiraħtlula ma kinux jisimgħu mingħandu.

Fil-pjazza llum għad hemm il-knisja fin-nofs, uffiċċju ġdid mimli nies u ħajja fuq ix-xellug u ħanut dejjem magħluq u mimli għanqbut fuq il-lemin.

Il-karattari u l-postijiet imsemmija f’din l-istorja huma kollha fittizji.