Wednesday, August 23, 2017

L-ilpup ta’ Kastilja

Kliem aħrax ferm, sentenzi mimlija mibegħda, stmerrija u insulti ilhom snin jintużaw ta’ kuljum fl-editorjali tal-ġurnal ‘l-orizzont’. Ftit jiem wara l-elezzjoni dan l-istil tant stona mad-diskorsi li bdew isiru kontra l-użu ta’ lingwaġġ daqstant agressiv, li s-sidien tal-istess gazzetta - il-General Workers’ Union - ħassew il-ħtieġa li jiddisassoċjaw irwieħom minnu.
L-editur li kien jikteb u jippubblika dawn l-editorjali ma damx wisq iktar jaħdem mal-Orizzont. Mhux għax tkeċċa, tafux! Josef Caruana, bħal ħafna oħrajn qablu, kien imissu jingħata l-premju għall-ħidma distruttiva li wettaq. U ftit ġimgħat wara l-elezzjoni l-Prim Ministru Joseph Muscat tah job f’Kastilja.

M’iniex infurmat mil-liema uffiċċju qed jaħdem. Forsi ngħata l-iskrivanija ta’ ħdejn Glen Bedingfield li minn Kastilja beda jikteb blogg intiż biex jattakka u jintimida lil kull min kellu l-ardir jiftaħ ħalqu fuq il-korruzzjoni ta’ dal-Gvern. Jista’ jkun ukoll li poġġewh ħdejn Kurt Farrugia, li ma’ Muscat u oħrajn għamel karriera twila jaħdem fil-biċċerija tan-nies meqjusa għedewwa tal-Labour jisimha Super One.
Kif qed taraw, il-propogandisti li Muscat għażel għal miegħu f’Kastilja mhumiex nagħaġ, iżda lpup li nafu li ma jiddejqu xejn jigdmu u jqattgħu bi snienhom lil min hemm bżonn, kemm hemm bżonn, meta hemm bżonn.
Magħhom u bħalhom kemm trid hemm fil-Ministeri u fil-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista. Ma’ dawn hemm riġment ieħor onlajn li l-hena tagħhom imexxu l-propoganda li jkunu bellgħulhom taħt l-artikli u fuq is-siti soċjali.
Ironikament, fl-aħħar snin din l-organizzazzjoni bdiet tbigħ lilha nnifisha bħala ‘pożittiva’. Jgħiduha llum, jgħiduha għada u jgħiduha pitgħada, waqt li fl-istess ħin jirredikolaw u jkissru lill-avversarji politiċi tagħhom bla ebda skruplu, irnexxielhom - il-bumbardament ħadem u ta l-frott.
Muscat u l-ilpup tiegħu bdew ukoll jittimbraw ‘negattiv’ (fost aġġettivi oħra) lil kull min azzarda jitkellem dwar il-ħniżrijiet li bdew jinqabdu li għamlu dawk l-iktar ‘l fuq fil-ġerarkija ta’ din l-organizzazzjoni. Min beda jikxfilhom il-borom u jitkellem dwar l-intiena li bdiet ħierġa minnhom kellu jissikket jew ikun skreditat b’tali mod li kliemu jsir irrilevanti.
Huwa evidenti li l-istrateġija ta’ din l-iktar magna politika distruttiva u b’saħħitha fil-pajjiż, li ħafna minnha hi ffinanzjata minn bwietna stess, hi li tinnewtralizza għal kollox lil kull min jista’ jkun ta’ xkiel għat-tkomplija tax-xalata li għaddej biha dan il-Gvern. Muscat se juża l-ilpup tiegħu kollha biex jilħaq dan l-iskop, f’kull jum li se jagħmel fit-tmexxija.
L-agħar ħaġa li jistgħu jagħmlu l-avversarji politiċi tiegħu hija li huma wkoll jibilgħu din il-propoganda u jispiċċaw jirrepetuha, jiddiskutuha u jagħtuha kredibbiltà. Ix-xogħol u d-dmir tal-forzi tal-oppożizzjoni huwa li jġibu aktar nies f’sensihom għar-realtà, mhux li jingħaqdu fil-gidba li jriduna ngħixu l-ilpup ta’ Kastilja.

Saturday, August 19, 2017

Blogg: Kemm-il Franco għandna?

Dan il-blogg kien ippubblikat mis-sit Newsbook

Jekk mit-titlu u mir-ritratt daħħalt f’moħħok li se taqra’ blogg dwar Franco Debono, tista’ tieqaf hawn. Numru kbir ta’ partitarji Nazzjonalisti jaqbadhom ħafna ħakk malli jisimgħu jew jaqraw ismu u żgur ma rridx inkun jien il-kawża ta’ aktar tqattiegħ u grif fuq ġisimhom.

Din l-antipatija lejn Debono mhix ġejja mill-argumenti li kien jagħmel meta kien Deputat tal-PN. Indipendentament minn jekk u kemm kellu raġun fuq ċertu kwistjonijiet, kienet l-imġiba tiegħu li rrabjat lil bosta partitarji, l-aktar lil dawk li kienu vvotawlu.
Għax fil-politika, bħal fil-ħajja, ma tistax tgħaddi dejjem tiegħek.
Filwaqt li huwa tajjeb li jkun hemm diskussjoni; filwaqt li huwa mistenni li ma jkunx hemm qbil unanimu f’kull deċiżjoni li tittieħed; filwaqt li huwa normali li wieħed jew aktar ma jkunux dejjem l-eku tal-Kap tal-partit; żgur mhux aċċettabbli t-tisbit tas-saqajn kontinwu, l-insulti lejn kollegi tiegħek fl-istess partit, it-theddid bil-vot u li jekk ma jsirx kif trid int, tkisser biex ma jsir xejn aktar.
B’dispjaċir qed ninnota li din l-attitudni li tant għamlet ħsara lill-PN u lil Franco nnifsu qed tittieħed minn bosta, qisha l-influwenza fl-eqqel ta’ xitwa kiesħa.
Dawra fuq Facebook tlaqqgħek ma’ bosta li qed jgħidu pubblikament li jekk il-kandidat favorit tagħhom ma jsirx Kap tal-partit se jirriżenjaw minn tesserati jew saħansitra ma jivvotawx iktar jew jivvotaw lil partit ieħor!
Forsi qed jgħidu hekk minħabba s-sħana ta’ Luċifru jew għax tiela' xi ftit id-deni tal-kampanja elettorali jew għax għadna ġejjin minn telfa li ħalliet togħma ħażina ħafna. Allura jkun aħjar li dawn jixorbu xi ħaġa kiesħa, ipoġġu ftit għall-frisk tal-fan jew tal-aircondition u jekk qed iħossu li qed jinħakmu minn din l-influwenza, ifittxu t-tilqima għaliha.
M’għandix dubju li wara ftit riflessjoni se jifhmu li l-partit mhuwiex biss il-Kap u li l-Kap mhuwiex il-partit. Se jifhmu wkoll li jekk ma jsirx il-Kap li jridu huma, żgur m’għandhomx iħallulu l-partit tagħhom biex jagħmel bih li jrid u li jogħġbu. Anzi, bil-maqlub, se jifhmu li se jkollhom jaħdmu iktar minn qatt qabel biex jiżguraw li l-partit jissaħħaħ u jerġa’ jirbaħ.
U meta ngħid ‘jirbaħ’ m'iniex qed ngħid għall-elezzjonijiet. Ir-rebħ ta’ elezzjoni jew oħra mhux u qatt m’għandu jkun il-punt tal-wasla ta’ proġett politiku, iżda l-punt tat-tluq.
Ir-rebħa l-kbira tal-PN ma kinitx l-elezzjoni tal-1962 imma l-kisba tal-Indipendenza sentejn wara. Ir-rebħa tal-1987 ma kinitx iċ-ċelebrazzjonijiet fit-toroq f’dawk il-jumejn ta’ Mejju, imma l-kisba tal-libertà u r-rivoluzzjoni li bidlet lil pajjiżna mill-qiegħ fis-snin ta’ wara. Ir-rebħa tal-2003 ma kinitx il-bnadar blu bl-istilel sofor f’idejn żewġ żgħażagħ jitbewsu, imma l-opportunitajiet li nkisbu għalihom u għal ġenerezzjoni wara oħra ta’ Maltin imwielda fl-Unjoni Ewropea.
Pajjiżna, il-poplu tagħna, aħna u min ġej warajna għandna bżonn proġett politiku ġdid li jiftaħ il-bibien ta’ għada u jwassalna għal pitgħada.
Ikun min ikun Kap tal-Partit Nazzjonalista x-xahar id-dieħel, jien se nkun qed naħdem miegħu fuq dan il-proġett. Se nagħmel l-almu tiegħi biex dan il-proġett ikun l-aħjar li nistgħu noħolmu u nwettqu għal dan in-nazzjon, għal dan il-poplu, kollu kemm hu.
Nittama, nixtieq, li int tkun magħna wkoll.

Wednesday, August 16, 2017

L-aqwa żmien għal Egrant

Dan il-blogg kien ippubblikat mis-sit Newsbook

Ftit tal-jiem qabel l-elezzjoni bosta rċevew messaġġ fuq il-mowbajl jew fuq Facebook jgħidilhom li l-inkjesta ‘Egrant’ kienet konkluża u li sabet li Muscat m’għandu xejn x’jaqsam ma’ din il-kumpanija sigrieta fil-Panama.
Fin-narrativa Laburista kien jagħmel sens li l-inkjesta tingħalaq daqstant malajr. Għax jekk hemm provi ‘awtentikati’ li Egrant hija ta’ xi ħaddieħor (ta’ Brian Tonna) huwa ovvju li ma tistax tkun ta’ Michelle u Joseph Muscat ukoll.
Irriżulta li dan il-messaġġ kien gidba oħra ħoxna minn dawk li l-partitarji Laburisti mdorrijin jisimgħu mill-mexxejja tagħhom, bħal meta qalulhom li l-‘partnership’ kien rebaħ ir-referendum u ħarġuhom jiċċelebraw għax Malta kienet se tibqa’ barra mill-Unjoni Ewropea.
Li mhix gidba hi li din il-kumpanija - Egrant - teżisti u li nfetħet ftit jiem wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013 flimkien mal-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Hemm imejls jixhdu dan u f’imejl minnhom jingħad li isem is-sid ta’ Egrant ma kienx se jinkiteb u minflok se jkun ikkomunikat bi Skype.
Huwa stat ta’ fatt ukoll li ebda waħda minn dawn il-kumpaniji fil-Panama ma kienet reġistrata kif titlob il-liġi ta’ pajjiżna. Huwa pruvat li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, il-Ministru favorit tiegħu u s-sid ta’ Egrant kisru l-liġi biex iżommu dawn il-kumpaniji moħbija mill-Istat Malti.
Kull min għandu ftit għarfien bażiku jaf li min jagħmel dawn l-istrutturi finanzjarji moħbija f’pajjiż bħall-Panama ma jagħmilhomx biex fihom iġemma’ l-bolol, is-santi jew il-ħelu.
Dawn isiru biex fihom jinħbew il-flus - ħafna drabi flus maħsula minn attivitajiet kriminali bħall-korruzzjoni - u għall-flus dawn il-kumpaniji jkollhom bżonn il-banek.
Għalhekk ma nħsadniex meta rajna imejls (provi) li juru li għall-kumpaniji fil-Panama ta’ Mizzi u Schembri saru tentattivi madwar id-dinja kollha biex jinfetħu kontijiet bankarji, b’imejl minnhom saħansitra titkellem fuq depożitu minimu ta’ miljun fis-sena.
Għall-Pulizija ta’ Malta - li meta xi ħadd irrappurtani li ġbidtlu ritratt fl-ajruport ġew bi ħġarhom jarrestawni fuq il-post tax-xogħol - dan kollu ma kienx jimmerita investigazzjoni. Għall-Prim Ministru Muscat dan kollu kien jimmerita promozzjoni għall-Ministru Konrad Mizzi - l-ewwel għamlu d-Deputat Mexxej tiegħu u mbagħad Ministru f’Kastilja - u difiża bl-għeruq u x-xniexel taċ-Chief of Staff u ħabib kbir tiegħu Keith Schembri, li sa ftit tal-jiem ilu kien qed jixxala miegħu f’vaganza privata (ritratt).
Iżda kien hemm min investiga. Nafu li saru rapporti mill-FIAU li tħallew jiġbru t-trab fuq xi xkaffa fid-Depot. Intant irriżenja Kummissarju tal-Pulizija, irriżenja d-Direttur tal-FIAU u wara l-elezzjoni tneħħa min f’din il-Unit ma żifinx mad-diska li jrid li tindaqq u titkanta l-ħin kollu Muscat.
Hija din id-diska li f’sena u nofs ta’ Panama tielgħa u Panama nieżla kkonvinċiet lil bosta li Muscat jaf dwar dan l-iskandlu daqs Mizzi, Schembri u l-accountant ta’ Kastilja Brian Tonna. Il-verità sagrosanta hi li ma kont tiltaqa’ ma’ ħadd b’naqra melħ f’moħħu li ma kienx konvint li l-uniku spjegazzjoni għall-imġiba ta’ Muscat kienet li hu jaf aktar dwar din l-istorja minn dak li ħareġ fil-Panama Papers.
Imbagħad tfaċċa Bank imsemmi għal Pilatu, b’sid b’ħafna passaporti li għandu ħabta jidħol għax-xogħol fis-satra tal-lejl u joħroġ minn bieb sekondarju b’bagalja miegħu, tfaċċa rapport tal-FIAU jgħid li f’dan il-bank għadda miljun f’kont ta’ persuna involuta fil-politika, tfaċċat xhud li kienet taħdem f’dan il-bank... u d-diska ta’ Muscat kompliet tindaqq u tidwi bl-aqwa żmien għal Mizzi, Schembri u Egrant ikompli fit-tmun ta’ din l-art ħelwa qisu qatt ma kien xejn.

Wednesday, August 9, 2017

Ebda tkaxkira ma tkaxkar magħha l-oxxenitajiet li tkun għamilt

Bħal lum 43 sena, irriżenjat l-iktar persuna politikament b’saħħitha fid-dinja. Kien it-8 ta’ Awwissu 1974, meta l-President Amerikan Richard Nixon kellu jitlaq minħabba l-iskandlu Watergate.
Dan l-iskandlu kien feġġ fl-ewwel leġiżlatura ta’ Nixon. Iżda minkejja l-akkużi li kellu fuq rasu, Nixon xorta waħda kkontesta b’suċċess l-elezzjoni tal-1972 u kien konfermat President.
Ir-riżultat ta’ dik l-elezzjoni kien rebħa rekord għal Nixon u l-partit tiegħu, rebħa li qatt ma kien hemm waħda bħala fl-Istati Uniti tal-Amerika. Hawn Malta rebħa ta’ dan it-tip insejħulha ‘tkaxkira’.
Iżda ebda tkaxkira elettorali ma tkaxkar magħha l-oxxenitajiet li tkun għamilt. L-elezzjonijiet ipoġġuk fil-poter u jneħħuhulek, iżda ma jagħtukx assoluzzjoni għal dnubietek, speċjalment dawk l-aktar ħoxnin. U inqas minn sentejn wara ċelebrazzjonijiet kbar, Nixon, issa umiljat, kellu jdabbar rasu.
Dak li kien l-iktar persuna potenti fid-dinja, dak li rebaħ bil-kbir minkejja l-istejjer fil-midja, minkejja l-iskandli u minkejja kollox, ħa tisbita liema bħalha u ismu daħal fil-kotba tal-istorja b’tebgħa kbira fuqu; tebgħa li għattiet dawk is-suċċessi kollha li kien għamel qabel.
Għall-kumplament ta’ dik il-leġiżlatura kien il-viċi ta’ Nixon, Gerald Ford, li ħa f’idejh ir-riedni tal-ikbar superpotenza dinjija. Imbagħad fl-1976 kien hu l-kandidat Repubblikan għall-Presidenza. Iżda r-riħ issa kien dar bil-kbir.
Ebda Ford u ebda ħadd ma seta’ jaqla lir-Repubblikani mill-qiegħ li kienu missew. F’dik l-elezzjoni r-Repubblikani tilfu l-maġġoranza enormi li kienu kisbu erba’ snin qabel u kellhom iħallu l-White House għad-Demokratiċi ta’ Jimmy Carter.

Tuesday, August 1, 2017

Il-‘klikka’ fil-PN li għażlet lil Marlene u lil Godfrey

Dan il-blogg kien ippubblikat mis-sit Newsbook

Lil Marlene Farrugia ilni nafha minn bosta snin qabel ma rfist l-għatba tal-Partit Nazzjonalista. Bejnietna hemm ħbiberija u rispett li ma naqsu qatt, anke meta ma qbilna assolutament xejn dwar għażliet u deċiżjonijiet li ħadna.

Quddiem il-Parlament liebsa l-kappell ta’ Kap tal-Partit Demokratiku, ilbieraħ Marlene tkellmet dwar dak li qed tosserva fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Semmiet ‘klikek’ li qed jaħdmu biex jaħtfu l-partit u jagħmlu minnu estensjoni tal-Gvern f’dak illi sejjħet one-party state b’żewġt irjus.
Din il-kelma ‘klikek’ tiltaqa’ magħha sikwit fid-djalettika politika. Kull kandidat li jikkontesta elezzjoni jkollu madwaru persuni li jgħinuh, jappoġġjawh u jakkumpanjawh fil-kampanja. Ma jistax ikun mod ieħor. U hija ovvja għal kulħadd li f’każ li dak il-kandidat jirbaħ l-elezzjoni, dawk li l-aktar appoġġjawh imbagħad se jkunu dawk l-aktar qrib tiegħu. Lil dawn in-nies il-kandidati jsejjħulhom ‘it-tim’ tagħhom. Iżda lil dawk imdawwrin mal-avversarji tagħhom, għandhom ħabta jsejħulhom ‘il-klikka’!
Huwa stat ta’ fatt li t-tim li sal-lum għadu jmexxi lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur ta palata nobis lil Marlene u lill-partit żgħir tagħha. Huwa ovvju għal kulħadd li mingħajr l-appoġġ ta’ din il-‘klikka’ Marlene Farrugia ma kienet qatt tkun eletta fil-Parlament.
Anke wara t-telfa tal-elezzjoni, l-Eżekuttiv tal-PN (se nsejjħulu klikka wkoll?) tħeġġeġ jivvota u vvota sabiex minflok iċedi distrett fejn kien se jiġi elett kandidat ieħor tal-PN, iċedi d-distrett fejn kien se jkun elett it-tabib Godfrey Farrugia tal-PD!
Nagħmilha ċara li minkejja l-ħbiberija li teżisti bejni u t-tabib Farrugia, din id-deċiżjoni jien ma qbiltx magħha u qabel ittieħed il-vot tkellimt u wissejt dwarha lill-membri tal-Eżekuttiv li kienu se jivvotaw. 
Għadni sal-lum ma nistax nifhem kif partit politiku - li l-għan tiegħu f’elezzjoni hu li jeleġġi l-ikbar ammont ta’ Deputati possibbli - jista’ qatt jasal biex iċedi siġġu parlamentari lil kandidat ta’ partit politiku ieħor, f’koallizzjoni u mhux. Iżda jien mhux se noqgħod inwaħħal fi klikek.
Fil-politika jittieħdu deċiżjonijiet li magħhom tista’ taqbel jew ma taqbilx, li tista’ tifhem jew ma tifhimx. Li hu żgur hu li llum jew għada min jeħodhom ikollu jġorr ir-responsabbiltà tagħhom, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.
Dawk li se jivvotaw għall-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista dan jafuh sewwa. Jafu li huma wkoll mgħobbija b’responsabbiltà kbira u għandhom il-ħin u r-riżorsi kollha meħtieġa biex jixtarru u jieħdu l-aħjar deċiżjoni. M’għandix dubju li hekk se jkunu qed jagħmlu.