Tuesday, August 1, 2017

Il-‘klikka’ fil-PN li għażlet lil Marlene u lil Godfrey

Dan il-blogg kien ippubblikat mis-sit Newsbook

Lil Marlene Farrugia ilni nafha minn bosta snin qabel ma rfist l-għatba tal-Partit Nazzjonalista. Bejnietna hemm ħbiberija u rispett li ma naqsu qatt, anke meta ma qbilna assolutament xejn dwar għażliet u deċiżjonijiet li ħadna.

Quddiem il-Parlament liebsa l-kappell ta’ Kap tal-Partit Demokratiku, ilbieraħ Marlene tkellmet dwar dak li qed tosserva fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Semmiet ‘klikek’ li qed jaħdmu biex jaħtfu l-partit u jagħmlu minnu estensjoni tal-Gvern f’dak illi sejjħet one-party state b’żewġt irjus.
Din il-kelma ‘klikek’ tiltaqa’ magħha sikwit fid-djalettika politika. Kull kandidat li jikkontesta elezzjoni jkollu madwaru persuni li jgħinuh, jappoġġjawh u jakkumpanjawh fil-kampanja. Ma jistax ikun mod ieħor. U hija ovvja għal kulħadd li f’każ li dak il-kandidat jirbaħ l-elezzjoni, dawk li l-aktar appoġġjawh imbagħad se jkunu dawk l-aktar qrib tiegħu. Lil dawn in-nies il-kandidati jsejjħulhom ‘it-tim’ tagħhom. Iżda lil dawk imdawwrin mal-avversarji tagħhom, għandhom ħabta jsejħulhom ‘il-klikka’!
Huwa stat ta’ fatt li t-tim li sal-lum għadu jmexxi lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur ta palata nobis lil Marlene u lill-partit żgħir tagħha. Huwa ovvju għal kulħadd li mingħajr l-appoġġ ta’ din il-‘klikka’ Marlene Farrugia ma kienet qatt tkun eletta fil-Parlament.
Anke wara t-telfa tal-elezzjoni, l-Eżekuttiv tal-PN (se nsejjħulu klikka wkoll?) tħeġġeġ jivvota u vvota sabiex minflok iċedi distrett fejn kien se jiġi elett kandidat ieħor tal-PN, iċedi d-distrett fejn kien se jkun elett it-tabib Godfrey Farrugia tal-PD!
Nagħmilha ċara li minkejja l-ħbiberija li teżisti bejni u t-tabib Farrugia, din id-deċiżjoni jien ma qbiltx magħha u qabel ittieħed il-vot tkellimt u wissejt dwarha lill-membri tal-Eżekuttiv li kienu se jivvotaw. 
Għadni sal-lum ma nistax nifhem kif partit politiku - li l-għan tiegħu f’elezzjoni hu li jeleġġi l-ikbar ammont ta’ Deputati possibbli - jista’ qatt jasal biex iċedi siġġu parlamentari lil kandidat ta’ partit politiku ieħor, f’koallizzjoni u mhux. Iżda jien mhux se noqgħod inwaħħal fi klikek.
Fil-politika jittieħdu deċiżjonijiet li magħhom tista’ taqbel jew ma taqbilx, li tista’ tifhem jew ma tifhimx. Li hu żgur hu li llum jew għada min jeħodhom ikollu jġorr ir-responsabbiltà tagħhom, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.
Dawk li se jivvotaw għall-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista dan jafuh sewwa. Jafu li huma wkoll mgħobbija b’responsabbiltà kbira u għandhom il-ħin u r-riżorsi kollha meħtieġa biex jixtarru u jieħdu l-aħjar deċiżjoni. M’għandix dubju li hekk se jkunu qed jagħmlu.

No comments:

Post a Comment