Saturday, December 14, 2019

If you follow the real media, my dear, tkun taf

Ippubblikat minn NEWSBOOK
“Il-media ma tgħinx,” qalet Michelle Muscat waqt li lbieraħ kienet qed tiġi intervistata fuq l-istazzjon tat-televixin tal-partit tagħha li għandu wkoll stazzjon tar-radju, gazzetta, website, kontroll assolut fuq mill-inqas żewġ gazzetti oħra u fuq ix-xandir kollu tal-istat u budget infinit għall-propoganda fuq kull media soċjali li teżisti.
Kien ikollha raġun biex tbigħ Michelle Muscat kieku qalet hekk dwar dik il-media li hija mmexxija minn żewġha: dak li fil-ħabs ta’ Kordin isibuh ‘ix-xiħ’.
Dik il-media qatt ma għenet biex il-poplu jifhem dak li kien għaddej minn wara dahru. Anzi, dik il-media serviet ta’ paraventu għall-ħniżrijiet li kienu qed jagħmlu dawk li l-President tar-Repubblika sejħilhom ‘il-klikka li ġabet għajb fuq pajjiżna’. Dik il-media ntużat biex il-fatti ssejħilhom gideb, biex lil min kien qed jiftaħ l-għajnejn issejjaħlu negattiv u għajjur u biex il-ġurnalista li ma beżgħetx tikxef il-ħmieġ titpinġa f’moħħ in-nies bħala saħħara.
Iżda Michelle Muscat mhux għal dik il-media kienet qed tirreferi lbieraħ. “Aħna dejjem kellna l-media kontra tagħna,” kompliet tgħid. B’hekk iċċarat li l-media li skontha ‘ma tgħinx’ hija, pereżempju, ta’ dawk li sakkruhom fit-tlieta ta’ filgħodu f’kamra f’Kastilja, ta’ dawk li fetħulhom kemm-il kawża ta’ libell biex isikktuhom u mbagħad meta kellhom jixhdu ħarbu jiġru b’saqajhom ma’ daharhom, jew il-media tal-ġurnalista li sentejn ilu splodewha u qatluha l-ħbieb korrotti tax-xiħ żewġha.
Kieku din il-media għenet ftit lil Michelle qatt ma konna nsiru nafu li malli rebħu l-elezzjoni tal-2013 l-accountant ta’ żewġha għamel tliet kumpaniji fil-Panama u li dar id-dinja kollha jipprova jiftaħ kontijiet bankarji għalihom. Kieku l-media internazzjonali ma kinetx kontra Michelle, qatt ma kienet tazzarda tonfoq nofs miljun ewro biex insiru nafu ta’ min hi l-kumpanija 17 Black li nħolqot biex tagħti €5,000 kuljum lill-kollegi u ħbieb tal-qalb tax-xiħ żewġha.
Kieku l-media riedet tgħin lil Michelle, ir-ritratt ġo Kastilja ta’ dak li rranġa għall-qtil ta’ Daphne mal-ikbar ħabib tax-xiħ żewġha qatt ma kien ikun ippubblikat. Lanqas ma konna nsiru nafu li tawh xogħol li ma kien jinvolvi ebda xogħol jew li wieħed mill-bodyguards tax-xiħ żewġha mar iwiegħed li l-qattiela se jinħelsu u li se jingħataw €3 miljun biex kollox jinżamm mistur.
Kieku l-media mhix kontrihom ma tgħidilniex li Daphne nqatlet biss minħabba l-ħniżrijiet li x-xiħ żewġha ilu tliet snin jgħatti u jipproteġi. Lanqas ma tgħidilna li l-ordni biex tinqatel Daphne ngħata dakinhar li tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni, xħin ix-xiħ żewġha u ‘l-klikka tal-għajb’ serrħu moħħhom li se jibqgħu joperaw minn Kastilja. Kieku l-media tgħin lil Michelle ma tistaqsix x’involviment jew x’għarfien seta’ kellu f’dan kollu x-xiħ żewġha, minkejja li llum nafu xi nħema fl-uffiċċju tiegħu.
Jien u nisma’ lil Michelle Muscat titkellem dwar kemm il-media m’għenithiex ftakart f’konferenza għall-aħbarijiet li kienet tat tliet snin u nofs ilu, fiż-żmien meta bdejna nsiru nafu bl-iskandlu tal-Panama. Dakinhar, b’henna tattoo daqshiex fuq idha, Michelle Muscat wieġbet lill-ġurnalisti bi frażi li baqgħet imwaħħla magħha. “If you follow the media, my dear, you would know that I was on holiday,” qaltilhom.
Illum nistħajjel lil dawk il-ġurnalisti jduru fuq Michelle Muscat u jgħidulha “If you follow the real media, my dear, u mhux dik ikkontrollata mix-xiħ, tkun taf li l-aqwa żmien tal-‘klikka li ġabet għajb fuq pajjiżna’ wasal biex jintemm”.