Wednesday, August 16, 2017

L-aqwa żmien għal Egrant

Dan il-blogg kien ippubblikat mis-sit Newsbook

Ftit tal-jiem qabel l-elezzjoni bosta rċevew messaġġ fuq il-mowbajl jew fuq Facebook jgħidilhom li l-inkjesta ‘Egrant’ kienet konkluża u li sabet li Muscat m’għandu xejn x’jaqsam ma’ din il-kumpanija sigrieta fil-Panama.
Fin-narrativa Laburista kien jagħmel sens li l-inkjesta tingħalaq daqstant malajr. Għax jekk hemm provi ‘awtentikati’ li Egrant hija ta’ xi ħaddieħor (ta’ Brian Tonna) huwa ovvju li ma tistax tkun ta’ Michelle u Joseph Muscat ukoll.
Irriżulta li dan il-messaġġ kien gidba oħra ħoxna minn dawk li l-partitarji Laburisti mdorrijin jisimgħu mill-mexxejja tagħhom, bħal meta qalulhom li l-‘partnership’ kien rebaħ ir-referendum u ħarġuhom jiċċelebraw għax Malta kienet se tibqa’ barra mill-Unjoni Ewropea.
Li mhix gidba hi li din il-kumpanija - Egrant - teżisti u li nfetħet ftit jiem wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013 flimkien mal-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Hemm imejls jixhdu dan u f’imejl minnhom jingħad li isem is-sid ta’ Egrant ma kienx se jinkiteb u minflok se jkun ikkomunikat bi Skype.
Huwa stat ta’ fatt ukoll li ebda waħda minn dawn il-kumpaniji fil-Panama ma kienet reġistrata kif titlob il-liġi ta’ pajjiżna. Huwa pruvat li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, il-Ministru favorit tiegħu u s-sid ta’ Egrant kisru l-liġi biex iżommu dawn il-kumpaniji moħbija mill-Istat Malti.
Kull min għandu ftit għarfien bażiku jaf li min jagħmel dawn l-istrutturi finanzjarji moħbija f’pajjiż bħall-Panama ma jagħmilhomx biex fihom iġemma’ l-bolol, is-santi jew il-ħelu.
Dawn isiru biex fihom jinħbew il-flus - ħafna drabi flus maħsula minn attivitajiet kriminali bħall-korruzzjoni - u għall-flus dawn il-kumpaniji jkollhom bżonn il-banek.
Għalhekk ma nħsadniex meta rajna imejls (provi) li juru li għall-kumpaniji fil-Panama ta’ Mizzi u Schembri saru tentattivi madwar id-dinja kollha biex jinfetħu kontijiet bankarji, b’imejl minnhom saħansitra titkellem fuq depożitu minimu ta’ miljun fis-sena.
Għall-Pulizija ta’ Malta - li meta xi ħadd irrappurtani li ġbidtlu ritratt fl-ajruport ġew bi ħġarhom jarrestawni fuq il-post tax-xogħol - dan kollu ma kienx jimmerita investigazzjoni. Għall-Prim Ministru Muscat dan kollu kien jimmerita promozzjoni għall-Ministru Konrad Mizzi - l-ewwel għamlu d-Deputat Mexxej tiegħu u mbagħad Ministru f’Kastilja - u difiża bl-għeruq u x-xniexel taċ-Chief of Staff u ħabib kbir tiegħu Keith Schembri, li sa ftit tal-jiem ilu kien qed jixxala miegħu f’vaganza privata (ritratt).
Iżda kien hemm min investiga. Nafu li saru rapporti mill-FIAU li tħallew jiġbru t-trab fuq xi xkaffa fid-Depot. Intant irriżenja Kummissarju tal-Pulizija, irriżenja d-Direttur tal-FIAU u wara l-elezzjoni tneħħa min f’din il-Unit ma żifinx mad-diska li jrid li tindaqq u titkanta l-ħin kollu Muscat.
Hija din id-diska li f’sena u nofs ta’ Panama tielgħa u Panama nieżla kkonvinċiet lil bosta li Muscat jaf dwar dan l-iskandlu daqs Mizzi, Schembri u l-accountant ta’ Kastilja Brian Tonna. Il-verità sagrosanta hi li ma kont tiltaqa’ ma’ ħadd b’naqra melħ f’moħħu li ma kienx konvint li l-uniku spjegazzjoni għall-imġiba ta’ Muscat kienet li hu jaf aktar dwar din l-istorja minn dak li ħareġ fil-Panama Papers.
Imbagħad tfaċċa Bank imsemmi għal Pilatu, b’sid b’ħafna passaporti li għandu ħabta jidħol għax-xogħol fis-satra tal-lejl u joħroġ minn bieb sekondarju b’bagalja miegħu, tfaċċa rapport tal-FIAU jgħid li f’dan il-bank għadda miljun f’kont ta’ persuna involuta fil-politika, tfaċċat xhud li kienet taħdem f’dan il-bank... u d-diska ta’ Muscat kompliet tindaqq u tidwi bl-aqwa żmien għal Mizzi, Schembri u Egrant ikompli fit-tmun ta’ din l-art ħelwa qisu qatt ma kien xejn.

No comments:

Post a Comment