Friday, March 25, 2016

Thursday, March 24, 2016

Il-PN ma tilifx minħabba t-Times

Il-Partit Nazzjonalista ma tilifx l-elezzjoni li għaddiet għax it-Times kienet qed issawwat wisq lill-Gvern tal-ġurnata.

L-edituri u l-ġurnalisti tat-Times bħal dawk ta' kull ġurnal jew programm indipendenti ieħor kellhom id-dmir li jżżommu lill-Gvern Nazzjonalista kontabbli ta' għemilu u jikkritikawh, anki bl-aħrax, meta jiżgarra.

Jiżbalja min jipprova jsib ir-raġuni għat-telfa kbira li ġarrab il-PN f'xi storja ta' korruzzjoni li qed nisimgħu biha llum. Ir-raġunijiet kienu oħrajn u kienu bosta.

Il-verita' hi kien ilu li wasal iż-żmien li l-Partit Nazzjonalista jmur fl-Oppożizzjoni.

Huwa minnu li l-kriżijiet internazzjonali bħall-kollass finanzjarju, il-prezz taż-żejt u r-rivoluzzjoni Libjana fixklu mhux ftit il-ħidma tal-Gvern.

Imma huwa veru wkoll li ttieħdu ħafna deċiżjonijiet żbaljati li daħħlu lill-Gvern u lill-Partit fi sqaq li lanqas intervent divin ma seta' joħroġhom minnu, aħseb u ara xi artiklu jew xi editorjal!

Wednesday, March 23, 2016

Terroriżmu, luttu nazzjonali u l-Premier tagħna lkoll imur holiday

Nifhmu li bl-inkwiet li għandu bi skandli ta' korruzzjoni jfaqqsu wieħed wara l-ieħor għandu bżonn jistrieħ ftit mhux ħażin.

Imma mmaġinaw ftit kieku meta miet il-Perit Mintoff ma qaddisx l-Arċisqof biex ma jipposponix il-holiday, x'kien iqum! Kieku ħoll xagħrek u ġib iż-żejt! U bir-raġun.

Jew mur ġibu l-għada li bdiet ir-rivoluzzjoni fil-Libja l-Prim Ministru Gonzi rħiela għal xi cruise jew għal xi tour fuq l-Alpi. Kemm kienu jgħidu, bir-raġun, li abbanduna 'l pajjiżu f'mument mill-aktar delikat.

Imma llum ikollna naċċettaw li fil-kariga ta' Prim Ministru għandna li xi ħadd li aktar iriidha ta' salesman milli ta' statesman. U għandu raġun.

X'naqgħu u nqumu li l-Ewropa tinsab għarkubtejha.

X'jimpurtana mil-luttu nazzjonali u l-funeral statali tal-Arċisqof.

La bbukjajna l-holiday, immorru l-holiday.


Tuesday, March 22, 2016

Kjarifika għad-diskors ta' Glenn Bedingfield f'Times Talk

Din il-kjarifika nqrat fil-programm Times Talk tal-lejla:

Fil-programm Times Talk ta’ nhar it-Tlieta 15 ta' Marzu s-Sur Glenn Bedingfield semma diversi drabi l-impjieg ta’ Norman Vella fiċ-Ċivil b’rabta mal-kitbiet tiegħu fuq is-social media u l-ħidma tiegħu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u l-media tiegħu.

Fil-grad li Norman Vella jokkupa fiċ-Ċivil ma teżisti ebda restrizzjoni għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-politika. Fil-fatt huwa seta’ jikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Diversi ħaddiema oħra taċ-Ċivil fil-grad tiegħu u fi gradi oħrajn ukoll jieħdu sehem attiv u jipparteċipaw fil-politika b’uħud minnhom saħansitra jokkupaw karigi pubbliċi, bħal Deputati, Sindki, Kunsilliera Lokali u ankeuffiċjali ta' kull partit politiku li jeżisti f'Malta.

Biex Norman Vella jkun jista' jaħdem fil-ġurnaliżmu u jippreżenta programmi mal-media tal-Partit Nazzjonalista huwa ngħata il-permess meħtieġ wara li applika għalih skont ir-regolamenti li japplikaw għall-ħaddiema kollha taċ-Ċivil fil-grad tiegħu.

Norman Vella huwa awtorizzat jaħdem bħala ġurnalist ta’ Media.Link Communications anke mid-Dipartiment tal-Informazzjoni li kull sena jagħtih Press Card.

Norman Vella jifhem li l-kliem li ntqal mill-konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-programm Times Talk huwa ntiż biss biex jintidimah u jxekklu fil-ħidma tiegħu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u fil-media.

Sunday, March 20, 2016

Imġieba inaċċettabbli fuq ix-xandir tal-istat

Fil-programm tiegħu fuq ix-xandir nazzjonali l-preżentatur Saviour Balzan iddikjara għal iktar minn darba li ma jridx li tissemma Daphne Caruana Galizia. Kull mistieden li jazzarda jikkwota l-blog tagħha (li fih inkixef l-iskandlu PanamaGate) u jsemmiha qed ikun ċensurat minnufih minn dan il-preżentatur.

Fil-programm tat-Tnejn li għadda għamilha lil Arnold Cassola. Malli Cassola semma lil Caruana Galizia, Saviour mill-ewwel sikktu u qallu ċar u tond li hu ma jridx li Daphne tissemma fil-programm tiegħu.

Qal li hu jagħmel sforz biex Daphne ma tissemma qatt u nfexx f'attakk isteriku fuqha mingħajr hi ma kienet preżenti biex tirrispondih.

Qaluli li fil-programm ta' ġimgħa qabel għamel l-istess lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Din l-imġieba ta' Saviour Balzan fuq ix-xandir li suppost huwa ta' kulħadd hija sempliċiment inaċċettabbli. Fuq il-gazzetti tiegħu Balzan jista' jiddeċiedi li jiċċensura lil min irid, imma TVM mhux propjeta' tiegħu u fuqu m'għandu ebda dritt jaġixxi b'dan il-mod.

L-aħħar darba li fuq ix-xandir tal-istat kien ġie deċiż li ma jissemmiex isem xi ħadd kien fis-snin tmenin. Dak l-isem kien ta' Eddie Fenech Adami.


Saturday, March 19, 2016

Muscat jgħid li Toni Abela m'għandux ikun kandidat minħabba l-kaz tal-blokka l-bajda

F'intervista lil The Sunday Times ftit jiem qabel l-elezzjoni ġenerali, Joseph Muscat tkellem dwar l-istorja skandaluża tal-blokka l-bajda - il-blokka kokaina li kienet qed titqatta' fil-każin Laburista ta' Ħal Safi u ... isma r-recording ta' Toni Abela hawn taħt.

Dakinhar Joseph Muscat qal ċar u tond li minħabba kif ġab ruħu, kieku Toni Abela kien kandidat Laburista għall-elezzjoni ġenerali kien iġgħalu jirtira.

Tajba din! Mela skont Muscat xi ħadd li ma jixraqlux jikkontesta l-elezzjoni ġenerali ta' Malta jixraqlu jkun il-kandidat ta' pajjiżna għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Ippretenda li xi ħadd li lanqas hu ma kien japprova, japprovawh il-Membri Parlamentari Ewropej. U le!


Saturday, March 12, 2016

L-aħbar prinċipali ta' TVM illum: l-ilma tad-drenaġġ u proġett li se jkun lest fis-sajf!

Illum l-aħbarijiet ta' TVM fetaħ bl-aħbar li sas-sajf se jitlesta x-xogħol fl-impjanti tad-drenaġġ biex l-ilma tad-drenaġġ ikun jista' jerġa jintuża minflok jintrema fil-baħar.

M'hemmx dubju li din hija l-iktar aħbar importanti li ġrat f'Malta llum - xi ħaġa li forsi se tiġri mill-inqas 4 xhur oħra!


Tuesday, March 8, 2016

Konfoffa jew miraklu?

Mela l-aħbarijiet tas-Super One ilbieraħ qalulna li l-istorja bażwija u mqanżħa li biha qed jipprovaw iċappsu lil Ann Fenech mal-Panama saru jafu biha l-Ħadd mill-gazzetta Malta Today.

U allajbierek il-Ħadd filgħodu stess, fi ftit minuti, il-Partit Laburista rnexxielu jiddisinja, jistampa u jimla t-toroq Maltin bil-billboards b'wiċċ Ann Fenech fuqhom.

Just in time għall-protesta nazzjonali!

U allajbiereħ, fl-istess ftit minuti, rnexxielhom jipproduċu wkoll sett ta' reklami ta' kwalita' tajba għat-televixin u l-internet.

Issa jew dawn tal-Labour f'daqqa waħda saru jagħmlu l-mirakli jew il-Malta Today ta' Salvu Balzan u l-Partit Laburista kienu miftehmin u allura huma parti minn konfoffa.

Missjunarju, miġnun jew ħalliel?

Dan hu dak li qal Joseph Muscat meta kien għadu ġurnalist militanti kontra s-sħubija ta Malta fl-Unjoni Ewropea (tiftakruh Made in Brussels?) u kien għadu ma kkontesta ebda elezzjoni.

Tgħid illum x'ħin iħares fil-mera x'jara? Jara missjunarju, jara miġnun jew jara ħalliel?


Monday, March 7, 2016

Tgħid se tikkwotah Janice tal-ONE lil Franco Debono?

Isa Janice Bartolo tal-ONE, mur għamlu ma' dan il-voxpop dwar Ann Fenech.

Jekk ma tafx fejn issibu, saqsi lill-Ministru.

Jafu sew in-numru tiegħu!

Evarist Bartolo dwar il-'maltemp' u min jipprova jidħak bih innifsu

Il-Ministru Bartolo jaf kif għandu jwassal messaġġ. Għaldaqstant inħoss li m'għandi nżid xejn mal-kumment li kiteb aktar kmieni llum l-għada tal-protesta nazzjonali kontra l-korruzzjoni.

Kulħadd jista' jaqra, jifhem jixtarr u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.