Wednesday, October 30, 2013

Wara l-każ Norman Vella: min qiegħed imexxi l-korp?

Blog ta' Carmel Cacopardo

Li l-Pulizija jinvestigaw suspett ta’  reat hu sewwa.  Imma li wara li teżamina l-affarijiet u ma issib xejn tibqa’ tippersisti mhux sempliċi żball iżda abbuż.

Is-sentenza tal-Maġistrat il-lejla illi ma kien hemm l-ebda suspett raġjonevoli li Norman Vella wettaq xi reat hu ċertifikat ċar li l-Pulizija abbużat mill-poteri tagħha.

Huwa inkwetanti  li l-Pulizja sa dal-għodu, fi kliem il-Kummissarju tal-Pulizija, kienu għadhom qed jinvestigaw xi ħaġa li ma kienitx teżisti.

Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati hemm bżonn li l-Kummissarju tal-Pulizija jispjega ftit x’ġara. Jeħtieġ li jispjega x’rapporti saru u x’ser jagħmel issa li irriżulta li r-rapporti li l-Pulizija irċeviet mingħand żewġ persuni identifikati  kienu rapporti foloz.

Sfortunatament minn dan il-każ jidher ċar li dan m’huwiex każ ta’ inkompetenza imma iktar każ ta’ abbuż.

Ikun tajjeb jekk il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit jirrealizza li b’dan il-każ li sar taħt it-tmexxija tiegħu tal-Korp tal-Pulizija beda jkun ċar li l-korp m’huwiex immexxi sewwa.

Il-mistoqsija li tagħha tinħtieġ tweġiba hi: min qiegħed imexxi l-korp fir-realta’? Żgur li mhux Peter Paul Zammit !

Bla dubju l-abbuż ikompli. Prosit Norman.

No comments:

Post a Comment