Friday, October 27, 2017

Arrestawni minħabba Daphne

Bħal lum 4 snin ilu, kont xogħol l-airport. Kien għada baqali l-aħħar siegħa minn tnax biex intemm ix-xift tiegħi u mmur lura d-dar, mal-familja.
F’daqqa waħda tfaċċa grupp imdaqqas ta’ pulizija li bdew mexjin fid-direzzjoni ta’ fejn jien u l-kollegi tiegħi konna bilqiegħda. Ħsibna li ġara xi ħaġa fuq xi ajruplan għax dak il-ħin ma kienx għad hemm passiġġieri fit-terminal.
Iżda l-mixja tal-pulizija waqfet ħdejna. Bdew iduruna wieħed wieħed u waħda waħda, jitolbuna l-mobile. Lili ħallewni għall-aħħar. Iżda kien biss il-mobile tiegħi li riedu.
Kien ġara li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia u l-kollega tiegħu fil-Ministeru tal-Intern Ramona Attard irraportawni lill-Kummissarju tal-Pulizija. L-akkuża kienet li ħadtilhom ritratt waqt li kienu sejrin lejn Londra u li dar-ritratt bgħattu lil Daphne Caruana Galizia.
Minkejja li m’hemm ebda liġi tipprojbixxi li xi ħadd jieħu ritratt fl-ajruport u minkejja li Daphne Caruana Galizia qatt ma ppublikat ritratt ta’ Farrugia u Attard huma u jsiefru, il-Kummissarju Peter Paul Zammit qagħad fuq li qalulu u minn barra minn Malta (inzerta kien imsiefer) ordna l-arrest immedjat tiegħi u s-sekwestru tal-mobile u ta’ kull apparat elettroniku ieħor li kelli fuqi.

Norman Vella ħiereġ mill-Qorti mal-avukati
Therese Comodini Cachia u Karol Aquilina 
Din hi l-Malta ta’ Joseph Muscat: fejn jiġu jiġru jarrestawk għal ħmerija bħal din iżda r-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers, ir-rapporti tal-FIAU, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni u l-għexieren ta’ stejjer ta’ korruzzjoni u abbużi mxandra f’dawn l-aħħar erbgħa snin jinkinsu taħt it-tapit biex jintesew.
Ħmistax-il ġurnata qabel dan l-arrest, kont ftaħt kawża lill-Prim Ministru Muscat għall-vendikazzjoni politika li għamel miegħi meta temmli l-impjieg mal-istazzjon nazzjonali. Dakinhar iddikjarajt bil-ġurament li dil-vendikazzjoni Muscat kien wegħdieli qabel l-elezzjoni, meta kont mort niltaqa’ miegħu bħala ġurnalist fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
“Għal kull daqqa li nħossu li qed tagħtu lill-Partit Laburista jien se nagħtikom tnejn, b’saħħti kollha, taħt iċ-ċintorin, fejn iweġġa” kien wissiena Muscat meta kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni. Dan huwa l-mod li bih Muscat kien ikellem lill-ġurnalisti li kien iħoss li qed jistaqsu wisq mistoqsijiet.

Qabel xi ħadd jakkużani li qed nivvinta, infakkar li din il-ġrajja kienet konfermata fil-Qorti bil-ġurament minn żewġ xhieda, fosthom l-istess Kurt Farrugia.
Waqt li kont arrestat ħsibt li din kienet it-tpattija ta’ Muscat għax-xhieda tiegħi, li kif mistenni kienet għamlet il-headlines tal-gazzetti kollha. Iżda ma domtx wisq ma ntbaħt li kien hemm iktar minn hekk.
Meta jumejn wara tlajna l-Qorti, kontra tiegħi tela’ l-Kummissarju tal-Pulizija nnifsu. Lanqas fl-iktar każ ikrah ta’ delitt ma jitla’ l-Kummissarju, imma fuq dar-ritratt li qatt m’eżista inħasset il-ħtieġa li jiġi l-Kap tal-Korp tal-Pulizija in persona. U peress illi ta’ dar-ritratt ma kien hemm ebda traċċa mkien, il-Kummissarju Zammit dlonk biddel l-akkuża.
F’daqqa waħda talab lill-Maġistrat tħallieh jaċċessa l-mobile tiegħi biex jinvestiga jekk jien kontx ikkomunikajt b’xi mod ma’ Daphne Caruana Galizia. Lill-Qorti qalilha li ried jiskopri jekk jien kontx is-sors ta’ storja li Caruana Galizia kienet ippubblikat dakinhar tal-arrest. Il-Kummissarju hedded li jekk isib li jien tkellimt ma’ Caruana Galizia, kien se jitlob li nintbgħat massimu ta’ sentejn ħabs u neħel multa ta’ ħamsin elf Ewro!
Norman Vella jpoġġi s-sentenza tal-Qorti fuq l-għatba ta' Kastilja
Għal ftit perspettiva, infakkar li hawn kien qed jitkellem fuq storja mill-aktar banali ta’ żewġ uffiċjali tal-Gvern li qabdu ajruplan għall-Ingilterra u mhux fuq xi każ ta’ korruzzjoni jew xi kumpanija moħbija l-Panama.
Issa kien ċar li l-arrest tiegħi kien ġara minħabba Daphne. Riedu jkunu jafu jekk kontx sors tagħha u riedu jwasslu messaġġ lil kull sors li kellha biex jieqaf jgħaddilha l-informazzjoni.
Il-Maġistrat tat is-sentenza dakinhar stess u lill-Kummissarju Peter Paul Zammit qaltlu ċar u tond li ma kien hemm ebda suspett raġjonevoli li għalih kellu jsir l-arrest u l-pantomima kollha li segwiet.
Fl-2013 din l-istorja kienet waħda mill-iktar moqrija fuq il-gazzetti online. Illum, fir-raba’ anniversarju tagħha, tidher ridikola ħdejn dak kollu li segwa.
Ewlenin fost ħafna oħrajn il-bejgħ taċ-ċittadinanza, il-Cafè Premier, l-art fiż-Żonqor, is-suldat tal-azzar Cyrus Engerer, l-Australia Hall, ix-xufier tal-Ministru li ħareġ jispara fuq karozza, Strada Zekka, Sai Mizzi, karozza bomba wara l-oħra u ħadd ma jinqabad, visas u permessi ta’ residenza bil-korruzzjoni, iż-żjarat fl-Ażerbajġan mingħajr uffiċjali tal-Gvern u ġurnalisti, il-bejgħ tal-isptarijiet lil kumpanija b’sidien moħbija, it-tanker tal-gass u l-bejgħ tal-Enemalta liċ-Ċiniżi, il-Panama Papers, ir-riżenja tad-Direttur tal-FIAU, il-korruzzjoni fil-bini tal-iskejjel, tnejn, tlieta, erbgħa, ħames Kummissarji tal-Pulziija, commissions fuq it-tenders tal-Kunsilli Lokali, Egrant, il-Bank Pilatus, l-elezzjoni ġenerali sena qabel iż-żmien u issa l-assassinju brutali ta’ Daphne Caruana Galizia.
Sentejn ilu ddeċidejt li naħfer lil min għaddieni minn dil-bawxata tal-arrest. Onestament ma sibtiex wisq diffiċli, anke għaliex danni kbar ma sofrejtx u din l-istorja mmotivatni nimpenja ruħi fil-politika.
Ħfirt iva, iżda ma nsejtx. Ikun baħnan min jinsa u min ma jitgħallem xejn dwar il-karattri tal-protagonisti fi storja li jkun għadda minnha. Ma nsejtx u wara dak kollu li ġara nħoss il-bżonn li nfakkar x’ġara meta arrestawni minħabba Daphne.

No comments:

Post a Comment