Iktar ma naqra u
nisma dwar l-allegazzjonijiet fuq il-konsum tal-
fuel tal-karozza tal-Kap
tal-Oppożizzjoni, iktar nikkonvinċi ruħi li din hija storja minfuħa b’mod
eżaġerat biex tattakka l-integrita tiegħu.
Minkejja li kull
ħażin, żgħir jew kbir, huwa ħażin, inqisha tad-daħk (jew tal-biki) li
allegazzjoni bħal din tiddomina l-aħbarijiet daqs jew aktar mill-iskandli
miljunarji li qed idarruna bihom xi Ministri u Deputati Laburisti.
Is-sempliċi fatt
li dwar allowance ta’ ftit Ewro fuel fil-ġimgħa nħasset il-ħtieġa ta’
investigazzjoni tal-pulizija u inkjesta bil-Maġistrat bil-konsegwenza ovvja ta’
bumbardament medjatiku, lili jgħidli biss li Busuttil m’għadux jitqies bħala
avversarju kkundannat li jitlef l-elezzjoni li jmiss.
Malli l-Kap Nazzjonalista sar jaf b’dak li kien qed jinħema talab li x-xufier tiegħu ikun sospiż
minn xogħolu.
Irrid ngħid li nifhem
ir-raġunament kollu wara d-deċiżjoni li ħa Simon Busuttil u nifhem ukoll x’messaġġ ried jibgħat biha.
Bdanakollu nħoss li dwarha għandi nagħmel ftit riflessjonijiet.
Anke lili dan
il-Gvern għaddieni minn arrest u investigazzjoni bla bażi bl-uniku skop ikun li
jħammiġni u jiskreditani. Għaldaqstant, jekk huwa tassew akkużat għalxejn,
nista’ nifhem minn xiex inhu għaddej dan ix-xufier bħalissa.
Minkejja li
għadda ż-żmien u ħfirt, dawk il-ġranet tal-arrest ma ninsihom qatt. U l-iktar
li ma ninsiex huwa lil dawk li ħarġu għonqhom jiddefenduni.
Allura, minkejja
li ma nafx id-dettalji kollha tal-każ, illum irrid inkun fost dawk li jemmnu lix-xufier
ta’ Simon, li bħali għandu isem, kunjom u ġieħ x’jiddefendi u familja x’jieħu
ħsieb.
Inżid ngħid li
jekk tassew m’hemmx suspett raġunat li dan ix-xufier abbuża, huwa m’għandux
ikun sospiż u għandu jitħalla jkompli jaqdi d-dmirijiet tiegħu.
Jekk vera
nemmnu li din l-istorja hija biss attakk infondat ieħor, il-pożizzjoni politika
tagħna għandha tkun li niġġieldu s-sors ta’ dan l-attakk, hu min hu jew hi min
hi.
Wisq nibża li
jekk kull darba li xi ħadd ifettillu jabbuża mill-poter u jattakka lil wieħed
jew waħda minna, isib Oppożizzjoni li tissospendik minflok tiddefendik b’saħħitha
kollha, dawn l-episodji se jibqgħu jirrepetu ruħhom.
Il-kisba ta’ governanza
tajba tibda bi ġlieda qalila kontra l-abbużi, il-gideb u l-inġustizzji.
Ma
nistgħux inħallu l-iżbalji li saru fil-passat jikkundizzjonawna tant li biex il-partit
jidher onest aktar minn qatt qabel nagħtu daharna lil dawk li biex jimxu
għandhom bżonn riġlejna.
Iva, min fostna jiżbalja
għandu jpatti proporzjonalment ta’ għemilu. Bl-istess mod dawk fostna li jkunu
attakkati u mżebilħa għandhom isibuna spalla ma’ spalla magħhom.
Jekk l-Oppożizzjoni
mhux se tkun tarka tal-azzar għall-vittmi ta’ dan il-Gvern u mhux se turi li lesta tiġġieled
għalihom bil-mezzi kollha tagħha, se nispiċċaw kollha għarkuptejna quddiem Kastilja
nitolbu lil Muscat u sħabu jkollhom ħniena minna.
U din tkun il-kundanna tagħna. Hekk, inkunu
tlifna kull ċans li sentejn oħra naraw lill-PN fil-Gvern u lil Simon Busuttil
Prim Ministru.