Wednesday, May 28, 2014

Il-PN għandu 'problemi kbar li jinħtieġu soluzzjonijiet kbar' - Vella

Rapport ta' inewsmalta

Norman Vella, li kien wieħed mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tas-Sibt li għadda għall-Parlament Ewropew, qal li l-PN għandu problemi kbar li jinħtieġu soluzzjonijiet kbar. Huwa saħaq ukoll li t-telfa tal-PN din id-darba kienet saħansitra akbar minn dik tal-elezzjoni ġenerali tal-2013.

Fi status li tella' fuq Facebook dallejl, Vella qal hekk: “Inqis it-telfa tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt bħala telfa ikbar minn dik tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Indipendentement minn x'għamel u m’għamilx il-Gvern Laburista f’din l-ewwel sena tiegħu, huwa stat ta’ fatt li l-partit tagħna għandu problemi kbar mal-elettorat. Problemi kbar jeħtieġu soluzzjonijiet kbar. Kuraġġ.”

Mistoqsi fuq Facebook stess minn xiex jaħseb li l-PN għandu jibda, Vella wieġeb li, “X'naħseb jien mhux importanti. L-iktar importanti f'dan l-istadju hu li naċċettaw li għandna problemi li jeħtieġu soluzzjoni u li nkunu lesti għall-bidliet li hemm bżonn isiru.”

Żied jgħid li, “Jeħtieġ nifhmu iktar is-soċjetà Maltija u l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tagħha u nipprovdu politika u viżjoni għaliha filwaqt li nibqgħu viġilanti għal dak kollu li jkun qed jagħmel il-Gvern.”

Vella qal li kieku ma jemminx f'Simon Busuttil ma kienx jikkontesta l-elezzjoni. B'referenza għal dak li qal Busuttil ilbieraħ fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti, Vella sostna li “jeħtieġ iktar żerriegħa li jekk jista' jkun ittina l-frott f'inqas żmien.”

No comments:

Post a Comment