Sunday, May 1, 2016

Il-kontijiet tad-dawl huma l-ikbar gidba ta' dan il-Gvern

Il-wegħda elettorali ewlenija ta' dan il-Gvern kienet li jraħħas il-kontijiet tad-dawl b'25% bil-flus li se jkun qed jiffranka permezz ta' power station ġdida taħdem bil-gass li kellha tkun lesta u qed taħdem sena u xahrejn ilu.

Din il-wegħda ma nżammitx. Min jiftaħar mod ieħor qed jigdeb. Il-verita' li kulħadd jista' jara b'għajnejh hija li dan il-pjan ma seħħx.

Huwa ovvju li r-roħs fil-kontijiet seta jsir mhux għax irnexxa l-pjan tal-Gvern ta' Joseph Muscat u ta' Konrad Mizzi, iżda għal raġunijiet li dawn it-tnejn ma kellhom ebda kontroll fuqhom.

L-ewwel raġuni hija r-roħs qawwi fil-prezz internazzjonali taż-żejt.

It-tieni raġuni hija t-tlestija u t-tħaddim tal-interconnector bejn Malta u Sqallija.

It-tielet raġuni hija l-power station tal-BWSC li tant kritika Joseph Muscat u li bl-effiċjenza tagħha qed tiffranka mal-50 miljun Ewro fis-sena lill-Enemalta. Din il-power station bdiet taħdem ftit ġimgħat biss qabel l-elezzjoni.

Biex inkun għidt kollox hemm żewġ affarijiet li għamlu Joseph Muscat u Konrad Mizzi li setgħu għenu biex raħħasu l-kontijiet.

L-ewwel waħda hija li biegħu parti sostanzjali mill-Enemalta liċ-Ċiniżi għal 320 miljun. It-tieni hija li ħelsu lill-Enemalta mill-pagi ta' bosta ħaddiema u għabbewhom fuq it-taxpayer Malti.

Ebda waħda minn dawn it-tnejn ma kienet imwiegħda qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.

No comments:

Post a Comment