Wednesday, May 11, 2016

Il-Partit Laburista jwaqqaf lill-kandidati għal Deputat Mexxej milli jieħdu sehem fi programm fuq l-istazzjon nazzjonali

It-tliet kandidati għall-kariga ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista illejla ma tħallewx jieħdu sehem f'intervista fil-programm Dissett ta' Reno Bugeja fuq l-istazzjon nazzjonali.

Fil-ftuħ tal-programm Bugeja qal li Stefan Zrinzo Azzopardi, Chris Cardona u Owen Bonnici kienu aċċettaw l-istedina tiegħu iżda fl-aħħar ħinijiet il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista ordnat lit-tliet kandidati biex ma jmorrux fil-programm.

Id-deċiżjoni tal-Partit Laburista li jaħbi lill-kandidati tiegħu għat-tieni l-għola kariga fil-Partit turi li ma jridux iwieġbu d-domandi leġittimi tal-ġurnalisti. Tant il-Partit Laburista inħakem mill-paranoja u mill-biża li lanqas lil Reno Bugeja m'għadhom jafdaw jagħmlilhom il-mistoqsijiet.

Huwa ċar li l-Partit Laburista qed ikompli jingħalaq fih innifsu u qed jibni madwaru l-ħitan ta' fortizza.

PS: Din l-aħbar m'intix se ssibha fil-website ta' TVM li s-soltu jogħxa jirraporta dwar dak li jkun intqal fil-programm tal-Kap tal-Aħbarijiet u lanqas m'inti se ssibha fuq il-paġna tal-Facebook ta' Dissett. Minkejja li llejla deher irrabjat ħafna, Reno Bugeja xorta ra kif għamel biex jgħattilhom.

No comments:

Post a Comment