Thursday, September 8, 2016

Leo Brincat ivvota kontra Malta

Il-vot li se jittieħed fil-Parlament Ewropew nhar it-Tlieta mhux vot dwar Malta, iżda huwa vot dwar jekk il-Malti nominat minn Joseph Muscat hux tajjeb biex iservi bħala Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Jekk Leo Brincat ma jkunx approvat mill-maġġoranza tal-Parlamentari Ewropej, għal dan il-post ikollu jinstab Malti ieħor. Malta mhux se titlef il-post tagħha f'din il-Qorti.

Huma dawk li qed jipprovaw ibiegħu l-idea li dan huwa xi vot favur jew kontra Malta li konsistentement ivvotaw kontra Malta. Ewlenin fosthom huma Joseph Muscat u Leo Brincat innifsu.

Ibda biex fir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea it-tnejn li huma vvotaw biex Malta ma jkolliex membru f'din il-Qorti.

Imbagħad, minkejja li l-maġġoranza tal-Maltin ivvotaw favur Malta u kontra dak li qalulhom huma, Leo Brincat ġie jaqa u jqum u mar fil-Parlament Malti jivvota kontra t-trattat ta' sħubija. Joseph Muscat dakinhar ma kienx Membru Parlamentari, iżda kien ħeġġeġ (anke bil-kitba) lid-Deputati Laburisti jivvotaw bil-qalb kontra Malta, bħal m'għamel Leo Brincat.

Ftit xhur ilu fil-Parlament Malti Leo Brincat reġa' kellu għażla jivvottax favur Malta. Kellu din l-għażla darbtejn - fil-mozzjoni ta' sfiduċja tal-Oppożizzjoni u fil-mozzjoni ta' sfiduċja mressqa minn Marlene Farrugia.

Fiż-żewġ okkażjonijiet Leo Brincat ivvota kontra Malta.

Meta ġie biex jagħżel bejn Malta u bejn Joseph Muscat, Leo Bricat għażel lil Muscat. Imbagħad, nhar it-Tnejn mar fil-Parlament Ewropew u b'denbu bejn saqajh qalilhom li għamel hekk għax ma kellux għażla oħra.

No comments:

Post a Comment