Friday, February 17, 2017

Jien minix Daphne...

...u din hija l-istorja tiegħi, ġurnalist fuq l-istazzjon tal-iStat Malti, fil-qosor.

Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali l-Prim Ministru Joseph Muscat (dakinhar Kap tal-Oppozizzjoni) għedded lili u lil ġurnalist ieħor li għal kull daqqa li jħoss li se nagħtu lill-partit tiegħu se jkun qed jagħtina lura tnejn b'saħħtu kollha, taħt iċ-ċintorin, fejn iweġġa.

Sa mill-għada tar-rebħa elettorali, il-Gvern Laburista beda jaħdem biex ikeċċini mix-xogħol tiegħi fuq l-istazzjon nazzjonali.

Dan minkejja li r-rekord tiegħi kien impekkabbli (qatt, ebda partit, inkluż il-Partit Laburista, ma lmenta dwari) u minkejja li l-programm ta' ġrajjiet kurrenti ta' kuljum li kont bdejt nipproduċi u nippreżenta ftit xhur qabel fuq l-istazzjon nazzjonali kien qed jagħmel is-suċċess mixtieq.

Dan minkejja li ħadd (kif irriżulta anke minn xhieda fil-Qorti) fit-tmexxija tal-istazzjon nazzjonali, inkluż dawk appuntati mill-Gvern Laburista, ma talbu jew ma xtaqu li jiena nitneħħa.

L-unika ħtija tiegħi kienet, kif qalli xi ħadd qrib tal-Prim Ministru, li miegħi 'ma tirranġax'. Darba din il-persuna sabitni u qaltli li jekk irrid inżomm xogħoli fil-PBS, naf x'għandi nagħmel biex nieħu ħsiebu. Ir-risposta tiegħi kienet li ġurnalist li jieħu ħsieb lill-poter biex 'jieħu ħsieb xogħolu' ikun tilef xogħolu minnufih u miegħu d-dinjita`.

U r-risposta ta' Joseph Muscat kienet id-daqqiet taħt iċ-ċintorin u t-tkeċċija.

Tliet xhur wara jiena ftaħt kawża kontra l-Prim Ministru dwar din l-istess tkeċċija. Jgħaddu ftit jiem u l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-istess Joseph Muscat u kollega tiegħu ordnaw lill-Pulizija biex jarrestawni u jissekwestrawli ħwejġi (mobile phone u tablet) fl-ajruport internazzjonali ta' Malta (fejn kont bdejt naħdem) bl-iskuża li kont ħadtilhom ritratt f'post pubbliku, liema ritratt lanqas biss jeżisti.

Ovvjament, il-Pulizija obdew. U mistagħġbin kemm dakinhar Joseph Muscat kien ferħan u paxxut u kemm ċempel nies jiftaħar b'li kien ġara.

Ftit tal-jiem wara l-Qorti ddikjarat li ma kien hemm ebda 'suspett raġunat' li jien dakinhar stajt ikkommettejt xi reat, ħelsitni minn kull akkuża u ordnat li l-mobile u t-tablet jingħatawli lura.

L-arrest kien biss vendikazzjoni oħra maħsuba u magħġuna minn nies f'Kastilja li l-uniku intenzjoni tagħhom kienet li jbeżżgħu u jintimidaw lil kull min jażżarda jgħolli rasu u jieqfilhom.

Dan huwa l-mod kif il-Gvern Laburista jimxi ma' ġurnalist li jrid ikun biss ġurnalist, li mhux lest jinxtara u li mhux lest jilgħaqlu l-warrani.

Bija, fil-bidu tat-treġija tiegħu, Joseph Muscat ried jibgħat messaġġ ċar lill-ġurnalisti kollha. Il-ġurnata minn filgħodu turik.

European Federation of Journalists, International Federation of Journalists, International Press Institute, Index on Censorship and Committee to Protect Journalists please note.

Nota tal-aħħar. Wara dawn l-esperjenzi koroh jiena sseħibt politikament u ġurnalistikament mal-uniku partit politiku f'Malta li jista' jneħħi lil Joseph Muscat u lil sħabu (ħafna minnhom maqbuda fi skandli oxxeni ta' korruzzjoni) mis-siġġijiet tal-poter.

8 comments:

  1. Your case is a typical example of how the chaff has been sparated from the grain. Something that cannot be said for all so called 'journalists '.

    ReplyDelete
  2. Grazzi talli zamejt mal principji sodi li ghandek. Prosit.

    ReplyDelete
  3. Meta gara l-kaz tieghek kien ghadu fil-bidu ta' din il-legislatura. In-nies hasbu li kien zball ghax ghadu gdid, bla esperjenza. Issa n-nies, li tellghetu, taghtu cans bizzejjed u qabzitilha bl-ikrah. Ghada kullmin hu inkwetat li hawn theddida ghal-liberta ghandu jattendi ghada l-Belt!

    ReplyDelete
  4. B'dan l-attegjament il-gvern iktar qieghed jaghmel ghedewwa.

    ReplyDelete
  5. Ma tridx tghid li kont newtrali fil programm tieghek hux ?

    ReplyDelete
  6. Proset Norman, ibqa dejjem sod. Dawn ma jinbidlu QATT.

    ReplyDelete