Friday, February 24, 2017

"Simon Busuttil vjolenti" Franco Mercieca mwerwer

Maqbud fit-traffiku tal-ħamsa ta' wara nofsinhar, ilbieraħ iddeċidejt li nisma' ftit l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista.

Kien qed jitkellem id-Deputat Laburista Għawdxi Franco Mercieca, dak li wara li ġie elett b'numru sabiħ ta' voti nħatar Segretarju Parlamentari imma mbagħad ħaseb li jkun aħjar għalih li jerġa' lura għall-professjoni tiegħu. Biex niftiehmu, illum Mercieca minflok l-paga miżera ta' Segretarju Parlamentari għandu dħul ħafna ikbar mill-professjoni tiegħu, l-onorarja tal-Parlament u xi ħaġa extra pocket money talli jippresjedi l-Kumitat tal-Parlament dwar l-Ambjent.

Mela fuq is-Super One dan Franco Mercieca nstema' mwerwer minn kif qed iġib ruħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, tant li sejjaħlu 'vjolenti'.

Komplejt nisma' biex nipprova nifhem x'qed jgħid. Għal mument ħsibt li kien Simon Busuttil li qam jhedded lil xi Membru Parlamentari li se 'jmur għaliha u jifqagħha'.

Imbagħad ftakart li dak kien Deputat ieħor tal-Labour!

Franco Mercieca kompla jispjega. "Simon Busuttil" qalilna "għamel att vjolenti meta fil-Parlament qatta l-kuntratti tal-enerġija!" Ovvjament kien qed jgħid għal dawk il-gozz karti bojod li tant għamlulhom linji suwed li ġabuhom qishom zebra crossing jew flokk tal-Juventus.

X'ħin smajt din l-istqarrija tal-Onorevoli Mercieca ripetuta għal darbtejn, tlieta, tant bdew jinqalbuli għajnejja li għal ftit ma kellix impatt 'vjolenti' mal-karozza ta' quddiemi! Ħtija tiegħi. Qatt m'għandek tisma' s-Super One u ssuq fl-istess ħin.

3 comments:

  1. Iva mhux hekk ... u SB kien li qal ... Jekk jaghtuna bis-sejf naghtuhom bil-mannara ...

    ReplyDelete
    Replies
    1. Jew li ghal kull daqqa' li jaqla' jaghti tnejn. Kewmm hasibna mzazen dan Mercieca wkoll!

      Delete
  2. Kullhadd kieku jixtieq li ma ihallax Taxxa jien lewwel wiehed ghax anke mill pensjoni jaqtawlhi it taxxa minbarra xi 200 Euro ohra bill 15 percent allura hekk sewwa u haddiehor jizgicca u hadd ma ikellimhom.

    ReplyDelete