Sunday, April 30, 2017

Azerbajġan fil-Mediterran

Elezzjoni bikrija, sena qabel żmienha, mhi se ssolvi xejn mill-kriżi politika li Joseph Muscat daħħal lill-pajjiż fiha.

Il-gazzetta 'Illum" irrapurtat li l-elezzjoni se ssir f'Ġunju
Jekk kif qed jingħad li se jiġri Muscat iħabbar elezzjoni ġenerali għal Ġunju jkun iffisser biss li huwa ma jistax ikompli jiggverna. Din tkun l-ikbar ammissjoni ta' Muscat li mhux kapaċi jwettaq il-mandat sħiħ li tah il-poplu erbgħa snin ilu minħabba kriżi ta' korruzzjoni li ġabha kollha kemm hi b'idejh.

B'elezzjoni issa, Muscat ikun iċċertifika l-falliment totali tal-Gvern tiegħu, li minkejja li beda l-leġislatura b'maġġoranza enormi, ma jkunx irnexxielu jwassal sal-aħħar. U l-għaliex ta' dan jafu kulħadd.

Agħar minn hekk, Muscat ikun qed jipprova juża l-għodod tad-demokrazija biex mingħalih jinħafrulu dnubietu u d-dnubiet ħoxnin tal-klikka korrotta ta' Kastilja.

Sistema demokratika mhix biss dwar min jirbaħ maġġoranza ta' voti jew siġġijiet fil-Parlament. F'demokrazija ebda maġġoranza, kbira kemm hi kbira, ma tibdel dak li hu ħażin f'tajjeb.

Ebda maġġoranza ma tiddeċiedi kontra min għandhom jittieħdu passi kriminali u kontra min le. F'demokrazija ebda maġġoranza ma tista' ssikket il-vuċijiet tar-raġuni, il-vuċijiet ta' dawk li jridu ġustizzja, ta' dawk li jridu li l-liġijiet ikunu l-istess għal kulħadd.

Jekk Muscat bi ħsiebu jsejjaħ elezzjoni biex isir omnipotenti, biex ikun 'il fuq mil-liġi, biex iwerwer lil min għandu l-poteri jieħu passi kontrieh jew kontra sħabu, ikun qiegħed biss jinsulenta u jikser il-prinċipji bażiċi tad-demokrazija u tas-saltna tad-dritt; ikun qiegħed jibda l-proċess biex jagħmel minn Malta, Ażerbajġan fil-Mediterran.

No comments:

Post a Comment