Monday, May 1, 2017

Kriżi totali: Muscat se jsejjaħ elezzjoni fit-3 ta' Ġunju

It-3 ta' Ġunju 2017: din se tkun id-data tal-elezzjoni ġenerali.

Il-kriżi totali ta' korruzzjoni ġabet fix-xejn ir-rebħa kbira li Joseph Muscat għamel erbgħa snin ilu u issa se jkollu bilfors isejjaħ elezzjoni ġenerali sena qabel iż-żmien.

Joseph Muscat qatt ma kellu l-intenzjoni jew il-ħsieb li jxolji l-Parlament daqshekk kmieni, tant li kemm-il darba ġie kwotat jgħid li l-elezzjoni se jagħmilha f'Marzu 2018.

Żgur ħadd ma kien qed jistenna lanqas li l-elezzjoni ssir fil-mument storiku meta pajjiżna għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Iżda llum jew għada Muscat se jkun qed iħabbar li l-kriżi li ħoloq hu stess ġabitu fi stat li m'għandux għażla oħra biex isalva ġildtu ħlief dik li jdaħħal lill-pajjiż f'kampanja elettorali u elezzjoni ġenerali barra minn żmienha.

Dan se jkun ifisser li l-aħħar żewġ Gvernijiet Laburisti, dak ta' Sant (1996-98) u ta' Muscat (2013-17) mhux se jkun irnexxielhom jagħmlu legiżlatura sħiħa.


No comments:

Post a Comment