Friday, May 5, 2017

Qed jiksru sfaċċatament ir-regoli tal-imparzjalità f'TVM

"Produtturi, ġurnalisti u preżentaturi ta' programmi ta' ġrajjiet kurrenti fuq l-istazzjon nazzjonali m'għandhomx jipparteċipaw f'dibattiti pubbliċi dwar suġġetti ta' kontroversja politika."

Il-'Linji Gwida dwar l-Obbligu tal-Imparzjalità' (ara taħt) jagħmluha ċara li l-preżentaturi ta' TVM m'għandhomx jiktbu ittri jew artikli f'gazzetti, u lanqas blogs jew kummenti fuq siti soċjali bħal Facebook u Twitter.

Dawn ir-regolamenti qed jinkisru sfaċċatament mill-preżentaturi Saviour Balzan (Xtra) u Brian Hansford (Networks).

Minkejja li jippreżentaw programmi ta' ġrajjiet kurrenti fuq l-istazzjonijiet nazzjonali dawn qatt ma qagħdu lura milli jidħlu f'kontroversji politiċi. Balzan baqa' għaddej jikteb l-artikli u jikkummenta fuq Facebook u Twitter u Hansford  ma waqaf qatt jippromwovi l-aġenda tal-Labour ta' Muscat, l-aktar fuq Facebook.

Lanqas il-bidu ta' kampanja elettorali ma rażżnithom. Anzi, Hansford dan l-aħħar żied id-doża u sar il-portavuċi mhux uffiċjali tal-Pilatus Bank f'kampanja ta' tfigħ ta' tajn fuq il-whistleblower li kixfet u xehedet bil-ġurament dwar dokumenti li juru r-rabta bejn Egrant u Michelle Muscat.

Huwa evidenti li l-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet Reno Bugeja mhux qed jinforza dawn ir-regoli u qed iħalli lil Balzan u Hansford jagħmlu li jridu u li jogħġbhom, anke issa li bdiet il-kampanja elettorali.

M'għandix dubju li jekk xi preżentatur jew ġurnalist ieħor ta' TVM jazzarda jikkummenta favur xi proposta tal-PN jew kontra l-korruzzjoni tal-klikka ta' Muscat, Bugeja ma jdumx ma jiftakar f'dawn il-Linji Gwida u jmur itemmagħhomlu.

No comments:

Post a Comment