Tuesday, September 13, 2016

Joseph, wake up and smell the coffee

In-numri jitkellmu ċar: kienu biss 30% tal-Membri Parlamentari Ewropew li vvotaw favur in-nomina ta' Joseph Muscat. Is-70% l-oħra jew ivvotaw kontrih, jew astjenew jew lanqas biss attendew għall-vot.

Leo Brincat ma kienx għadu Ministru meta vvota favur Konrad Mizzi

Meta l-Parlament Malti ddibatta l-mozzjoni ta' sfiduċja f'Konrad Mizzi, Leo Brincat ma kienx għadu Ministru tal-Gvern. Kien nhar l-4 ta' Mejju u dakinhar Brincat kien diġa' n-nominat tal-Prim Ministru Muscat għall-post fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Leo Brincat dakinhar kien wieħed mill-backbenchers u kien jinsab f'dik il-pożizzjoni propju għaliex kien qed iħejji għall-grilling fil-Parlament Ewropew. Brincat dakinhar kien konxju li jekk ikun approvat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri kien se jkollu jħalli s-siġġu Parlamentari Malti.

Aktar milli l-vuċi tiegħu issir 'a voice in the wilderness' Brincat kien jaf li jekk ikun approvat din il-vuċi se tisparixxi għal kollox.

Allura huwa ovvju li meta Brincat stqarr li vvota favur Konrad Mizzi għax ma 'kellux għażla' - jew hekk jew ikollu jirriżenja mill-Grupp Parlamenari u jitlef il-vuċi li skontu kienet qed tinsisti internament għal dak li hu sewwa - ma kienx qed jgħid il-verita'.

Il-verita' hi li Leo Brincat konxjament għażel li jbus l-id li ried jiekol minnha. Il-verita' hi li Brincat iddeċieda li ma jigdimx l-id ta' min kien għadu kif innomiah għal job tajjeb fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Il-verita' hi li Brincat dakinhar ġie jaqa u jqum minn dak li hu sewwa, ġie jaqa u jqum mill-interess nazzjonali u għażel l-interessi personali tiegħu, ta' Muscat u ta' sħabu f'Kastilja b'interessi fil-Panama.

Il-verita' hi li Brincat la kien onest mal-poplu Malti u lanqas ma kien onest mal-Parlamentari Ewropej li ntervistawh. U min mhux onest fi kliemu żgur ma jistax jitpoġġa f'pożizzjoni ta' għassies tal-finanzi Ewropej fil-Qorti tal-Awdituri. U wisq inqas ma huwa denju li jirrapreżenta lilna l-Maltin.

Monday, September 12, 2016

Sant ried iħalli lilna lkoll barra imma ra kif għamel biex idaħħal lil Leo

Sirna nafu li nhar it-Tnejn l-MEP Laburista Alfred Sant ra kif għamel biex daħal jivvota favur Leo Brincat fil-grilling quddiem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Budget.

Kieku ma kienx għal Sant, li rnexxielu jieħu post membru ta' dan il-kumitat, jaf Leo kien jeħel mill-eżami kif weħel qablu Toni Abela.

Biex sieħbu Leo jiddaħħal fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Sant ra kif għamel biex akkwista vot u użah.

Għalina storja oħra. Meta aħna lkoll ridna nidħlu fl-Unjoni Ewropea Alfred Sant għamel eżatt l-oppost.

Dakinhar Alfred Sant żamm il-vot fil-but.

Imbagħad meta beda ħiereġ ir-riżultat tar-referendum mar fuq is-Super One u qagħad ixejjirulna f'wiċċna hu u jgħidilna li r-rebħa kienet tal-Partnership.

Sunday, September 11, 2016

Leo Brincat irriżenja ftit wara li ma rriżenjax

Lill-Parlamentari Ewropej Leo Brincat qalilhom li minħabba l-iskandlu tal-Panama Papers, f'April li għadda kien qed jikkunsidra jirriżenja minn Ministru.

Aħna nafu għal liema konklużjoni wassluh il-kunsiderazzjonijiet tiegħu. Leo Brincat iddeċieda li minflok jivvota favur is-sewwa, jivvota favur Joseph Muscat u sħabu f'Kastilja Konrad Mizzi u Keith Schembri. B'hekk Leo seta' jibqa Ministru tal-Gvern.

Ftit tal-jiem wara, Leo Brincat reġa' kellu x'jikkunsidra. Jibqa' Ministru jew jaċċetta n-nomina ta' Muscat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri?

Din id-darba Leo ġie jaqa u jqum mill-Ministeru.

Issa li l-alternattiva saret job tajjeb 'il bogħod minn xtutna, Leo Brincat għażel il-job u ma ddejjaq xejn iħalli l-Kabinett.

Għal Leo il-job il-ġdid huwa iktar importanti milli jibqa' Ministru. Iżda li jivvota għas-sewwa fil-Parlament Malti ma kienx iktar importani. Huwa ċar li l-kunsiderazzjonijiet li tkellem dwarhom Leo Brincat fil-Parlament Ewropew kienu biss dwar x'jaqbel lil Leo Brincat innifsu u mhux dwar x'inhu tajjeb għal pajjiżna.

Saturday, September 10, 2016

Għall-ġid ta' Leo u tal-Labour

Fil-grilling tat-Tnejn Leo Brincat qal lill-Ewro-Parlamentari li kienu qed jintervistawh li ddeċieda li ma jirreżenjax (minħabba l-iskandlu tal-Panama Papers) għax kieku għamel hekk kien ikun "eroj ta' ġurnata għal xi wħud" bir-riżultat aħħari jkun li jispiċċa "a voice in the wilderness".

La darba Leo Brincat tant xtaq (u nissopponi li għadu jixtieq) jibqa jkollu vuċi b'saħħitha biex, kif qal hu, jibdel l-affarijiet għall-aħjar minn ġewwa tal-Gvern u tal-Partit Laburista, tkun tassew ħasra jekk il-Parlament Ewropew japprova n-nomina tiegħu u jpoġġieh fil-Qorti tal-Awdituri.

Tkun ħasra li l-Gvern u l-Partit Laburista jitilfu din il-vuċi qawwija li l-ħitan biss jafu kemm irbumbjat fit-tmeninijiet, imbagħad fid-diskussjonijiet interni dwar l-isħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u dan l-aħħar, kontra l-korruzzjoni sfaċċata li qed nisimgħu biha ta' kuljum!

U la Leo jrid ikun din il-vuċi, ma jagħmlux sewwa jiksrulu xewqtu!

Friday, September 9, 2016

Thursday, September 8, 2016

Leo Brincat ivvota kontra Malta

Il-vot li se jittieħed fil-Parlament Ewropew nhar it-Tlieta mhux vot dwar Malta, iżda huwa vot dwar jekk il-Malti nominat minn Joseph Muscat hux tajjeb biex iservi bħala Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Jekk Leo Brincat ma jkunx approvat mill-maġġoranza tal-Parlamentari Ewropej, għal dan il-post ikollu jinstab Malti ieħor. Malta mhux se titlef il-post tagħha f'din il-Qorti.

Huma dawk li qed jipprovaw ibiegħu l-idea li dan huwa xi vot favur jew kontra Malta li konsistentement ivvotaw kontra Malta. Ewlenin fosthom huma Joseph Muscat u Leo Brincat innifsu.

Ibda biex fir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea it-tnejn li huma vvotaw biex Malta ma jkolliex membru f'din il-Qorti.

Imbagħad, minkejja li l-maġġoranza tal-Maltin ivvotaw favur Malta u kontra dak li qalulhom huma, Leo Brincat ġie jaqa u jqum u mar fil-Parlament Malti jivvota kontra t-trattat ta' sħubija. Joseph Muscat dakinhar ma kienx Membru Parlamentari, iżda kien ħeġġeġ (anke bil-kitba) lid-Deputati Laburisti jivvotaw bil-qalb kontra Malta, bħal m'għamel Leo Brincat.

Ftit xhur ilu fil-Parlament Malti Leo Brincat reġa' kellu għażla jivvottax favur Malta. Kellu din l-għażla darbtejn - fil-mozzjoni ta' sfiduċja tal-Oppożizzjoni u fil-mozzjoni ta' sfiduċja mressqa minn Marlene Farrugia.

Fiż-żewġ okkażjonijiet Leo Brincat ivvota kontra Malta.

Meta ġie biex jagħżel bejn Malta u bejn Joseph Muscat, Leo Bricat għażel lil Muscat. Imbagħad, nhar it-Tnejn mar fil-Parlament Ewropew u b'denbu bejn saqajh qalilhom li għamel hekk għax ma kellux għażla oħra.

Wednesday, September 7, 2016

La coppia piu bella del mondo

Il-Ministru Joe Mizzi dalgħodu qal lill-gazzetta Malta Today li ma jsib ebda problema bil-fatt li James Piscopo - Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta mħallas €85,000 fis-sena - fettillu jibda jopera l-kumpanija privata tiegħu.

Mizzi jifhem li b'salarju ta' iktar minn €7,000 fix-xahar, Piscopo jrid jara kif jagħmel biex idawwal Ewro żejjed. Mhux hekk!

B'dak is-salarju miżeru - id-doppju ta' Ministru - Mizzi ma jippretendix li Piscopo jgħaddi l-ġurnata kollha jaħdem biex isolvi l-problemi tat-traffiku u tat-trasport pubbliku fost oħrajn.

Ma tarax! Xi ftit ħin għal part-time irid iħallilu, hux?

Għax Joe Mizzi lil James Piscopo jħobbu. Tant iħobbu li meta kien għadu se jiddeċiedi lil min se jagħti l-kuntratt tat-trasport pubbliku ħadu miegħu Spanja.

U oħroġ il-għaġeb, ftit ġimgħat wara, il-kuntratt ta' iktar minn 30 miljun fis-sena ngħata propju lill-Ispanjoli.

Is-safra tinten ta' Mizzi u Piscopo fi Spanja kienet saret minkejja li waħda mill-kundizzjonijiet fl-Espressjoni ta' Interess kienet tgħid ċar u tond li l-Ministru ma seta' jitkellem ma' ebda kumpanija li tefgħet offerta.

Imma għall-koppja Mizzi Piscopo lanqas il-kundizzjoni li kitbu huma stess ma kienet problema.

Tuesday, September 6, 2016

M'hemmx flus għan-nurses

L-ekonomija b'saħħitha li tant jiftaħar biha l-Prim Ministru Joseph Muscat mhix b'saħħitha biżżejjed biex jitħaddmu in-nurses kollha li se jiggradwaw din is-sena.

Fil-jiem li għaddew l-istudenti tlaqqgħu mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) li qaltilhom ċar u tond li l-Gvern m'għandux flus biex iħaddem lin-nurses kollha.

Minn madwar 160 nurse ġdid/a, il-Gvern informa lill-MUMN li għandu flus biex iħaddem 100 biss.

Minn dak li ntqal jirriżulta li lill-Ministru Fearne tawh budget biex iħaddem biss 100 infermier u 100 tabib.

U l-oħrajn? Jidher li se jitħallew isaffru!

Dan aktarx ifisser li l-Ministeru tas-Saħħa lanqas mhu se jkollu flus biex jimpjega professjonisti oħra tas-saħħa bħal ma huma Radjografi, Fiżjoterapisti, Tekniċi tal-Laboratorju eċċetera.

Monday, September 5, 2016

Qatt smajtuh jitkellem hekk fuq il-ONE?

Wara li kellna lil Karmenu Vella imur quddiem il-Parlament Ewropew jiftaħar li vvota favur l-isħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, illum assistejna għal spettaklu ieħor li qatt ma rajna fuq il-ONE.

Illum kellna lil Leo Brincat jgħid li minħabba l-iskandu tal-Panama Papers kien qed jaħsibha jirriżenjax minn Ministru. LOL!

Leo qalilna wkoll li ma vvotax favur il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni kontra l-Gvern u favur il-mozzjoni ta' Marlene Farrugia kontra Konrad Mizzi għax il-Prim Ministru Joseph Muscat ma ħallilux għażla oħra. Tħassartu!

Fuq il-kejk, imbagħad ġiet iċ-ċirasa. Leo stqarr li kieku hu kien flok Konrad Mizzi kien jitlaq minn Ministru u jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari sakemm ismu jitnaddaf. Kos hux, dak l-audit li tant kien isemmi Joseph Muscat x'sar minnu?

Il-Laburisti l-iktar akkaniti li kienu qed isegwu lil Leo Brincat live żgur ħasbuh qiegħed f'Xarabank waqt il-programm ta' ipnożi ta' Alan Bates.

Surreali.

Sunday, September 4, 2016

Kuljum fuq Radio 101 fil-5pm

Minn għada se nibda nkun magħkom kuljum, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bil-programm 'Mhux Għax Jimpurtani' fuq Radio 101 bejn il-5pm u s-6pm.

Thursday, August 25, 2016

Hazard A (Major)

Hazard A (Major) - hekk huwa deskritt mill-website internazzjonali Marine Traffic it-tanker second hand (għandu iktar minn tletin sena) li Joseph Muscat u sħabu tal-kumpaniji fil-Panama Konrad Mizzi u Keith Schembri se jġibulna fil-port ta' Marsaxlokk.

Wednesday, August 24, 2016

Qżieqeż

Huma l-qżieqeż li jirraġunaw li għalihom huwa biżżejjed li żaqqhom tkun mimlija u ma jinteressahom minn xejn aktar ħlief li l-għada jerġgħu isibu min jgħalifhom.

Ilkoll nafu x'futur hemm jistenna lill-qżieqeż: zokk imniffed minn wara għal quddiem, xiwja u festa ta' nies iqattgħu, jomgħodu u jibilgħu laħamhom.

Dawk l-iktar xortihom tajba, waqt li jixwuhom ipoġġulhom tuffieħa f'ħalqhom!


L-għażla tkunx qażquż jew bniedem tagħmilha int.

Tuesday, July 5, 2016

Grazzi għal Glenn

Il-blog ta' Kastilja, miktub fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru minn ħabib intimu tal-Prim Ministru, ingaġġat/imħaddem mill-istess Prim Ministru pero mħallas minna lkoll, qed iservi ta' għodda utli ħafna. Ftit tal-ħin ilu ħallejt dan il-kumment fl-istess blog:

"Għażiż Glenn ... intenni li jien m'għandi assolutament ebda problema li inti jkollok blog u li tesprimi ruħek fih kif trid u kif jogħġbok.

Anzi, nistqarr miegħek li dan il-blog huwa tassew utli u nħeġġek tibqa' għaddej bih.

Bis-saħħa tiegħek id-demokrazija tista' taħdem aħjar għax ħafna nies li kienu għamew bit-tlellix tal-kampanja elettorali Laburista, bis-saħħa tiegħek jistgħu jaraw iswed fuq l-abjad li f'Kastilja d-diskursati ma jkunx dwar kif se jsir il-ġid għall-poplu kollu, iżda dwar lil min se ssir il-vendikazzjoni li jmiss.

Naturalment, dan apparti d-diskussjonijiet li jsiru dwar kemm se jinfetħu kumpaniji l-Panama u kontijiet bankarji madwar id-dinja, imma dawk int ma tidħolx fihom!"

Friday, June 24, 2016

Imnalla ma smajniex minnkom

Dawk li qed jistgħaġbu bil-Brexit, għax forsi nsew il-Partnership...