Tuesday, September 20, 2011

Joe Grima u d-DNA Nazzjonalista sal-Mewt


Dalgħodu l-eks Ministru Laburista Joe Grima kiteb ittra fil-ġurnal indipendentissimu l-orizzont biex jiċċara li hu qatt ma ssieħeb fil-grupp ta’ Facebook ‘DNA Nazzjonalist Biss u sal-Mewt’. Joe Grima qal li ismu spiċċa fil-lista tal-membri ta’ dan il-grupp mingħajr hu lanqas biss kien jaf. Allura, bir-raġun kollu Joe Grima ħass li kellu jikteb din l-ittra biex jiddisassoċja ruħu mill-kitbiet oxxeni li kienu qed jinkitbu f’din il-paġna. Għal min ma jafx x’kien qed jinkiteb f’din il-paġna ngħidlu li din kienet miżgħuda b'kummenti razzisti u kontra minoritajiet sesswali fost oxxenitajiet oħra.

Intom temmnuh lil Joe Grima? Jien nemmnu għax naf li f’dan il-grupp setgħu idaħħlu lil min fettlilhom mingħajr ma jitolbu l-permess tiegħu jew tagħha. “Mela għalfejn qed tagħmel għaġeb b’din is-sempliċi ittra?” staqsewni fuq il-venda.

Sempliċi ħafna. Għax minkejja li tal-orizzont kienu jafu li f’dan il-grupp setgħu idaħħluk bla ma int tkun taf, fil-jiem li għaddew tgħidx x’xalata għamlu għax sabu li fih kien hemm ismijiet prominenti fil-Partit Nazzjonalista. Ovvjament lil dawn ippublikawlhom isimhom u kunjomhom fuq il-gazzetta tagħhom mingħajr lanqas biss talbu kumment jew reazzjoni. Mhux hekk isiru l-affarijiet!

U ovvjament ukoll, tal-orizzont ma qalu qatt li f’dan il-grupp kien hemm ukoll il-preżentatur ta’ ONE TV Joe Grima. U kieku ma kienx Joe Grima nnifsu li dalgħodu kiteb lill-orizzont lanqas jien ma kont inkun naf li anke hu kien safa vittma ta’ min ħoloq dan il-grupp u beda jdaħħal in-nies fih bl-addoċċ u mingħajr permess ta’ xejn.

Lil Joe Grima l-orizzont ħbieh u ma semmieh qatt, imma mhux hekk għamel ma’ sieħbi Peppi Azzopardi li bħal Joe Grima spiċċa b’ismu mniżżel f’din il-paġna. La Peppi mhux preżentatur tal-ONE, mhux eks Ministru tal-Labour tat-tmeninijiet u mhux ħabib kbir ta’ Manuel Cuschieri, tal-orizzont tgħidx kemm għoxew iċappsulu ismu u mingħajr skruplu ta’ xejn assoċjawh ma’ din il-miżbla ta’ grupp. X’jimpurtahom mill-etika! X’alabiebhom li qed iħammġu kollega ġurnalist b’xi ħaġa li jafu li hija gidba! L-aqwa li jkissru u jfarrku lil dawk li mhumiex magħhom!

Fuq sieħbi Peppi dawn tal-orizzont iħobbu jivvintaw u joħolqu, u kultant isibu xi ċuċ jemminhom. Imma din id-darba nqabdu fl-ovvju. Għax li Peppi b’xi mod jassoċja ruħu mar-razzisti u ma’ min għandu l-lanzit għall-persuni gay, lesbjani u transesswali lanqas l-ikbar mazzun f’Malta ma jasal jemminha!

Ħabib tiegħi li jkun fuq il-venda qalli li din lil Peppi ġid biss se tagħmillu. Spjegali “Meta tal-orizzont se jerġgħu jitfgħu t-tajn fuq dan sieħbek Peppi, ħafna se jiftakru f’dak il-qawl Ingliż li jgħid: Fool me once, shame on you. Fool me twice, shame on me!”

Imma nsomma, dawn tal-orizzont mhux lil Peppi biss pruvaw iċappsu. Tgħidx kemm tkażaw ukoll b’persuni b’karigi differenti fil-PN li ġralhom eżatt bħal Peppi u bħal Joe Grima. Bl-uniku skop tagħhom ikun li jħammġu, tal-orizzont għamlu l-għażla konxja li lil dawn il-persuni jippublikawlhom isimhom fuq l-ewwel faċċata, imbagħad f’editorjal u f’artikli oħra mingħajr lanqas tentattiv wieħed biex jiċċekjaw il-fatti kif kienu. L-editur tal-orizzont sa kellu l-wiċċ jasal iqajjem id-dubju li l-Pulizija ma ħaditx passi kontra min kiteb kummenti razzisti f’dan il-grupp għax fih kien hemm dawk fil-qalba tal-PN.

Jekk lil dawn tal-orizzont isejjħulhom ġurnalisti, napprezza ħafna jekk lili ma tibqgħux issejħuli hekk.

5 comments:

  1. L-ittra ta' Joe Grima:

    Sur Editur,

    Nirreferi għall-kumment Edi­torjali tiegħek “B’kejl diffe­renti”, tal-ħarġa ta’ l-orizzont tal-Ħamis, 15 ta’ Settembru, dwar in-Nazzjonalista “DNA Nazzjonalist Biss u sal-Mewt”.

    Ftit ġranet ilu telespettatur li jsegwi l-programm tiegħi “INKONTRI” fuq ONE bagħatli imejl  fejn għarrafni li ismi kien qiegħed fil-lista ta’ membri ta’ din il-websajt. Jien m’inix fil-prattika li nsegwi websajts Nazzjonalisti u ma kontx naf bih.

    Fittixt il-websajt imma ma stajt insibu b’xejn. Bgħatt SMS lil Frank Psaila, Assistent Segretarju tal-PN. Għedtlu ċar u tond li jew ineħħu ismi minn dan il-websajt jew kont se nfittixhom legalment. Għed­tlu wkoll li jien qatt ma kont razzist u qatt ma kont Nazzjonalist u allura ismi qatt ma kellu jiddaħħal  f’dik il-websajt.

    Frank Psaila għoġbu li ma jweġibx, forsi għax anki hu jistħi minn dan il-websajt stil faxxista. Websajt bħal dak ma jistax ma jfakkarx lil min ja­rah fl-għeruq Mussolinjani tal-PN, u iktar u iktar fis-simpatizzanti tal-Partit Nazzjona­lis­ta tal-lum li wħud min­n­hom,  jesprimu d-DNA tagħ­hom b’espressjonijiet razzisti si­mili għal dawk tal-faxxisti ta’ qabel u ta’ żmien il-gwerra.

    Issa qrajt fil-ġurnal tiegħek  li l-websajt tneħħa. Jekk xi ħadd mill-qarrejja tiegħek isib dan il-websajt u jsib ismi fuqu, nitolbu jgħarrafni ħalli nieħu passi legali bl-ikbar gost u pjaċir. Biex waslu għal daqshekk bilfors li l-PN qed iqaxxar il-qiegħ tal-kartell.

    ReplyDelete
  2. Ittra ta' Peppi Azzopardi lill-orizzont:

    Sur Editur,

    Nirreferi għall-artikli u għall-Edi­torjal ippubblikati fil-ġur­nal tiegħek l-orizzont dwar il-grupp fuq Facebook “DNA Nazzjonalist biss u sal-mewt”, li fihom intqal li jien kont membru ta’ dan il-grupp.

    Kif jaf żgur l-Editur, f’dawn it-tip ta’ gruppi jistgħu jdaħħluk mingħajr ma tkun taf. Jien sirt naf li qiegħed f’dan il-grupp minn dan il-ġurnal u la qatt tlabt u lanqas qatt m’aċ­ċet­tajt li nkun membru f’dan il-grupp.

    Bħal kull min għandu tele­viż­joni f’Malta u f’Għawdex, l-Editur jaf ukoll x’inhi l-po­żizzjoni tiegħi dwar il-persuni LGBT u l-immigranti.

    L-Editur jaf li kien “Xarabank” li xandar l-ewwel żwieġ bejn koppja omosesswali fuq it-televiżjoni Malti. L-Editur jaf tajjeb ukoll li jien ilni mill-inqas 20 sena nħambaq li l-koppji tal-istess sess għandhom ikollhom dritt jiżżewġu u anke jadottaw it-tfal u jrabbuhom bħala familja.

    L-istess fuq l-immigranti. L-Editur jaf li kien “Xarabank” li xandar filmati li wrew kif xi immigranti kienu ġew aggredi­ti mis-suldati Maltin waqt pro­testa. Kien “Xarabank” ukoll li daħal b’kamera moħbija fiċ-ċentri ta’ detenzjoni u wera f’liema stat kienu qegħdin jin­żammu l-immigranti f’paj­jiż­na.

    L-Editur jaf ukoll li kull meta jien tkellimt fuq l-immig­razzjoni dejjem insistejt li aktar ma jkollna immigranti iktar ikun aħjar għax inkunu qegħdin niċċelebraw id-diver­si­tà.

    Kieku qabel kienu ppubbli­kati l-artikli, l-Editur kellu d-diċenza jistaqsini, l-affarijiet kienu jkunu ċari mill-ewwel u kien ikun jaf kif ismi spiċċa mdaħħal fi grupp li kulħadd jaf li jien ma naqbel assolutament xejn miegħu.

    ReplyDelete
  3. U hallina! Qass Alla ma hamilkom ghax baghat buffuri qawwija ta' majistral u xita li kissrilhom kollox fuq il-fosos. W izjed kemm nara lilek u lil Peppi fl-ispotlight izjed milli l-gvern, iktar niddeciedi bis-sahha biex l-elezzjoni li jmis ma mmurx nivvota ... ghax il-principju tal-lesser evil qas ghadu jghodd daqs kemm sirt ma niflahkomx.

    Nazzjonalist

    ReplyDelete
  4. Joe Grima ghandu jirringrazja lil Nazzjonalisti talli tawh programm fuq NET TV. Grazzi hadnieh billi mar fuq Super1!!!!! misthija!!!

    ReplyDelete
  5. Ghandu jkun kulhadd jinsa l-passat. Biex tiskongra trid tkun pur. Hemm jew kien hemm xi politikant pur?Il-poter kulhadd joghgbu.

    ReplyDelete