Friday, April 25, 2014

Il-kontijiet raħsu għax l-impjant tal-BWSC huwa effiċjenti – Vella

Intervista ppubblikata fuq inewsmalta fil-25 ta' April 2014

Skont il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew, Norman Vella, il-Gvern Laburista rnexxielu jraħħas il-kontijiet tad-dawl wara sena, grazzi għall-effiċjenza tal-power station tal-BWSC.

Vella qal li t-traħħis żgur mhux grazzi għall-powerstation ġdida li mistenni jibni l-gvern hekk kif din għadha ma bdietx tinbena għaldaqstant huwa qal li raġunijiet tar-roħs jista' jkunu tlieta jew it-taxxi tal-poplu, l-effiċjenza tal-BWSC jew il-flus li daħħal il-gvern minn dik li Vella sejħilha “privatizzazzjoni” tal-Enemalta.

Dwar l-impjant tal-BWSC, Vella qal li dan mhux biss huwa effiċjenti, iżda l-emissjonijiet tiegħu huma ta' standards Ewropej li huma rigorużi ħafna, “għalkemm huwa minnu li l-gass iħammeġ inqas,” żied Vella.

Mistoqsi għaliex jekk il-PN kien jaf li l-power station tal-BWSC se tkun aktar effiċjenti, għaliex ma kienx wiegħed hu wkoll li se jnaqqas it-tariffi, Vella wieġeb li ma jafx. Hu fakkar li dak iż-żmien kien ġurnalista u qal li jista' jkun li l-PN kellu l-ħsieb li jaqta' d-dejn tal-Enemalta, minflok iraħħas il-kontijiet. “Xi ħaġa kien se jagħmel bihom,” żied jgħid. Fakkar ukoll li l-PN kien wiegħed li se jraħħas il-kontijiet matul il-lejl, grazzi għall-interconnector.

"Fuqi sar character assassination"

Vella qal li ċ-ċirkostanzi kienu li wasluh biex jidħol għall-politika. Qal li hu kien kuntent ħafna bħala ġurnalista u ma kellux f'moħħu jidħol fil-poiltka qal li iżda mbagħad “kif ġew l-affarijiet, wara li tneħħejt mill-PBS, il-PN staqsieni biex nikkunsidra nkun kandidat u wara li ħsiebtha aċċetajt,” qal Vella.

Huwa ddeskrieva dak li sar fil-konfront tiegħu bħala character assasination. Vella qal li fis-snin li dam ġurnalista qatt ma weħel libell u qatt ma sar ilment fuqu. “It-track record tiegħi hu dak li hu, ħriġt mill-ġurnaliżmu nadif tazza,” qal Vella.

Il-PN sar il-vuċi tan-Nofsinhar

Mistoqsi dwar jekk jaħsibx li dwar it-tanker tal-LNG fil-bajja ta' Marsaxlokk l-PN beżża' xi ftit wisq, Vella qal li ma fiha xejn ħażin li titlob li jsiru studji qabel isir it-tanker u li tipproponi li t-tanker isir 'il barra mill-bajja u mhux fil-bajja.

Mistqosi dwar jekk jaħsibx li fuq din il-kwistjoni humiex jurtaw aktar lin-nies tan-nofsinhar li għal snin twal għexu b'impjanti ta' gass jew fjuwil wara biebhom, Vella qal li dan it-tanker se jkompli jżied mal-inkonvenjent li diġà ilhom jgħixu bih tan-naħa t'isfel ta' Malta.

“Illum il-Partit Nazzjonalista qiegħed ikun il-vuċi tan-Nofisnhar. Fuq kollox wieħed ma jridx jinsa l-Park għall-Familja f'Wied il-Għajn, it-triq ta' Ħal Far u kien taħt gvern Nazzjonalista li ħareġ it-tender għall-pitch tal-waterpolo ta' Birżebbuġa,” żied Vella.

Il-gvern Laburista jrid iqabbel lilu nnifsu mal-manifest tiegħu u mhux mal-PN

Dwar il-ħidma tal-gvern Laburista, Norman Vella qal li l-Partit Laburista jagħmel żball jekk iqabbel il-ħidma tiegħu ma' dik ta' amministrazzjoni preċedenti. Dan hekk kif l-amministrazzjoni preċedenti ngħatat vot ta' sfiduċja mill-poplu b'maġġoranza kbira. Għaldaqstant, qal li l-gvern irid iqabbel lilu nnifsu mal-manifest elettorali tiegħu.

Mal-kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-PE tkellimna wkoll dwar ir-reshuffle fejn qal li għallkemm dan kien prerogattiva tal-gvern, kien hemm Ministri li ma kinux sejrin tajjeb li tħallew. “Mallia huwa l-inqas Ministru li sejjer tajjeb u tħalla f'postu,” qal Vella. Intant huwa qal li dak li f'Marzu tal-2013 kien deskritt b'pompożità bħala l-aqwa kabinett li jista' jkollok wara biss sena falla. “F'dan is-super Kabinett kellek żewġ riżenji effettivi dik ta' Franco Mercieca u ta' Godfrey Farrugia. Ma tantx jidher li rnexxa,” qal Vella.

Dwar il-kritika tal-Partit Nazzjonalista anke f'fora Ewropej fuq l-iskema tal-Individual Investor Programme, Vella qal li din imn'alla saret u l-fatt li l-iskema tbidlet erba' drabiet jikkonferma dan.

Id-dritt tal-free movement mal-immigranti mhux jaħdem

Ma' Vella ddiskutejna wkoll il-kwistjoni tal-immigranti llegali u qal li l-aktar ħaġa li jara ħażina fuq livell Ewropej hi li tkisser id-dritt fundamentali tal-Ewropew, dak li jkollok free movement. Vella qal li bit-trattat magħruf bħala Dublin II fejn jidħlu l-ewwel l-immigranti huwa l-post li jridu jibqgħu fih. Vella qal li dan mhux biss qed joħloq aktar pressjoni lill-pajjiżi li qegħdin mal-fruntiera bħal Malta iżda wkoll qed iċċaħħad lill-immigranti l-valur fundamentali ewropew dak ta' free mvement. “Fuq kollox jien niddejjaq ħafna li tintuża l-kelma burden sharing, qed nitkellmu fuq nies u mhux piż,” kompla Vella.

Mistoqsi jekk ikun elett Ewro Parlamentari f'hiex jisħaq l-aktar Vella qal li prijorità għall-Ewropa għall-ħames snin li ġejjin huwa bla dubju l-ħolqien tax-xogħol speċjalment xogħol għaż-żgħażagħ. Dan hekk kif qal Vella l-qgħad speċjalment qalb iż-żgħażagħ qiegħed jiżdied madwar l-Ewropa kollha.

Jidħku bik jekk tgħid Malta Tagħna Lkoll

Vella qal li l-wegħda tal-meritokrazija kienet wegħda li falliet. “Jekk issemmi Malta Tagħna Lkoll fit-triq jiddieħku bik,” qal Vella. “Il-political appointees saru the order of the day, kullimkien bil-position of trust,” kompla Vella.

Mistoqsi dwar id-direct orders li f'amministrazzjoni preċedenti ngħataw lill-kumpanija li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien direttur tagħha, Vella qal li din mhiex storja ġdida u li ma sar xejn bil-moħbi. Qal li huwa Busuttil stess li għandu jwieġeb għalih innifsu.

No comments:

Post a Comment