Jekk hemm nitfa verità f’dak
li qed ikun allegat dwar ir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono, l-uniku
triq ‘l quddiem għaliha hija r-riżenja u t-tmiem tal-karriera politika tagħha.
Sal-lum kull ma smajna huma allegazzjonijiet.
Għaldaqstant huwa kmieni wisq biex wieħed jgħaddi ġudizzju fuq dak li qed
jingħad. Allaħares niġu fl-estremita li nitolbu r-riżenja jew inkeċċu lil xi
ħadd sempliċiment għax xi ħadd qed jallega xi ħaġa dwaru jew dwarha.
Dan ma jfissirx li biex
tittieħed azzjoni fuq stejjer bħal dawn għandna nistennew it-tmiem tal-proċessi
legali li jista’ jkun hemm.
Ir-responsabbiltà politika u r-responsabbiltà kriminali huma żewġ affarijiet għal kollox distinti minn xulxin u ma jistgħu qatt jitpoġġew fl-istess qoffa. Ir-rwol tal-politiku hu li jieħu deċiżjonijiet politiċi, mhux legali.
L-allegazzjoni dwar Debono
dehret għall-ewwel darba ftit ġranet
biss wara li l-Awditur Ġenerali kkonferma dak li kienet ilha tgħid
l-Oppożizzjoni dwar l-iskandlu tal-Kafè Premier. Din mhix l-ewwel darba li
l-Gvern sab ruħu dahru mal-ħajt u dlonk faqqset xi allegazzjoni dwar eks
Ministru Nazzjonalista.
Ma nagħtix tort lil dak
il-ġurnalist jew editur li meta tiġi f’idejh storja bħal din jippubblikaha.
Imma jkun skandlu kbir fih innifsu jekk hemm nies fil-Gvern li qed iżommu xi
sensiela ta’ allegazzjonijiet fil-komma biex jgħadduhom lill-gazzetti u
għall-investigazzjoni tal-pulizija meta jkun jaqbel politikament lill-Partit
Laburista.
Mhux aċċettabbli li politiku
jkun jaf b’xi ‘skandlu’ u jżommu għalih biex jużah meta jħoss il-bżonn li jikkontrattakka.
Mhux aċċettabbli aktar u
aktar jekk hemm min qed jipprova jibgħat messaġġ lill-Oppożizzjoni biex tibqa
siekta quddiem il-ħażin li qed jagħmel il-Gvern, għax jekk ma tagħmilx hekk se jkunu
qed jinkixfu aktar stejjer mill-passat.
Dan mhux għajr theddid li
jmur kontra kull sens ta’ demokrazija u kull sens ta’ ġustizzja.
Fuq kollox dan huwa insult
għall-poplu Malti kollu kemm hu li għandu d-dritt sagrosant ikun jaf b’kull
abbuż li seta’ sar jew qed isir bil-poter li fada f’idejn il-politiċi tal-lum u
tal-bieraħ.
Mela Joey haseb li ser isib lil Giovanna fil lista tal kontijiet fl Isvizzera ,ghax gietu hazina qed jara kif jghamel biex zgur ihammiga.
ReplyDelete