Thursday, June 23, 2011

Daħna ta’ 180,000


Għadna kif sirna nafu li l-Arċidjoċesi tat 180,000 Ewro lil dawk li lill-miżżewġin rieduhom jibqgħu tewmin siamiżi. Għal dawk li għadhom jirraġunaw bil-Liri, id-donazzjoni ekkleżjastika issarraf fi ftit aktar minn Lm77,000. U li kieku s-sassla kienet ftit aktar mimlija, l-Arċisqof qal li kien inewwlilhom xi ftit tips ukoll.

Wara din l-istqarrija fil-venda hemm min beda jgħid li f’Malta se jkollna d-Divorzju minħabba l-kriżi finanzjarja. “Minjaf bi ftit Ewro oħra f’idejhom kienux jikkonvinċu aktar lapsijiet jimmarkaw il-kaxxa tal-LE? Minjaf x’billboards oħra kienu joħorgu bihom? Minjaf minflok b’Ludvig kienux jagħmlu reklam b’Madonna (il-kantanta mhux ta’ Borg in-Nadur).”

Kien hemm ukoll dawk il-Kattoliċi ffissati li tkażaw bl-ikrah. “Mhux aħjar infaqnihom bombi jew irdieden għal lejlieta? Mhux aħjar b’dawk il-flus indurajna l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira? Mhux aħjar xtrajna qanpiena ġdida għall-kampnar? Ara b’Lm77,000 x’sett kolonni konna nżanżnu fil-pjazza! Kienu jiġu faqa sew mal-planċier il-ġdid.”

Imbagħad kien hemm dawk li bdew jgħidu li kien ikun aħjar li kieku tawhom lill-istituti, lid-Dar tal-Providenza, lill-Caritas, lill-immigranti, lis-sorijiet tal-klawsura, lill-ħabsin, lill-morda, lill-annimali abbandunati u lil dawk il-parruċċani li wara li lagħbu kollox Super 5 m’għadx baqalhom għall-kont tad-dawl u l-ilma.

Lm77,000 bejn dawn kollha u oħrajn li bdew isemmu ma nafx kemm kienu se jsolvu problemi, imma nsomma, kull qatra tghodd.

Kien hemm ukoll wieħed li staqsiena x’naħsbu li kien jagħmel Kristu b’dawk il-flejjes. Xi ħadd ġibidlu saqajh u wieġbu li kien jagħmel bihom bħal m’għamel bil-ħames ħutiet u ż-żewġ ħobżiet u b’hekk konna nsolvu l-problema tad-deficit, insalvaw l-Air Malta, inraħħsu d-dawl u l-ilma, nibdew inqassmu l-petrol u l-gas b’xejn u x’aktarx kien jibqgħalna biżżejjed għal saqaf fuq it-teatru u toqba bejn Malta u Għawdex. Imbagħad Gonzi kien jerġa jirbaħ l-elezzjoni u tal-Labour kienu jwaħħlu fil-Knisja!

Jien ukoll għidt tiegħi fuq il-venda. Għidtilhom li l-Knisja mhix Cremona u lanqas Gouder. Il-Knisja hija magħmula minn dawk li jħossuhom u jridu jkunu parti minnha. L-Arċidjoċesi daħnet Lm77,000 fuq xi ħaġa li ilha temmen fiha sa minn qabel twieldet. Aħna, flimkien, inġibu daħna ħafna iktar minn hekk. L-għażla f’idejna. Il-Knisja hija aħna. Se ninvestu fid-duħħan jew f’persuni li tassew għandhom bżonn?

U billi waqt li nkunu nofna patata nisimgħu l-banda u naraw il-kaxxa nfernali niftakru li ħafna minn dawn il-persuni mhu qed jieħu ħsiebhom ħadd għajr il-Knisja, dik uffiċjali li tant sirna nħobbu nħaġġru, ma nkunux qed nidinbu.

No comments:

Post a Comment