Wednesday, June 22, 2011

Il-logika li nghid LE basta nghidu IVA

a

Fiz-zmien meta l-Izlandizi kienu jaqraw l-artikli ta’ Joseph Muscat u l-Maltin kellhom lil Simon Busuttil fil-verzjoni tal-‘anglu li habbar lil Marija’ jwasslina l-bxara t-tajba tal-ishubija fl-Unjoni Ewropea, fuq il-venda kont niltaqa’ ma’ wiehed Nazzjonalist li kull meta jarani kien ikun irid jghidli li din id-darba ma kienx se jivvota.


Xejn stramb f’li ma kienx se jivvota. Kellu dritt jaghmel li jrid bil-karta mkeffna fil-plastik li wassallu d-dar kuntistabbli tal-Pulizija skortat minn zewg suldati tal-azzar. Li kont nara stramb f’dan in-Nazzjonalist kien li fl-istess nifs li kien jghidli li ma kienx se jivvota, kien jghidli li ried li l-Partit Nazzjonalista jirbah il-Gvern.

Biex iktar iqallibli l-garigori ta’ mohhi dan ir-ragel kien jaghmel propoganda lill-PN fuq il-venda kwazi daqs kemm kien jaghmel Busuttil lill-EU fuq l-iskrins tat-televixin. Hawwadni ha nifhem! Jinsisti mieghi u mal-ohrajn biex nivvotaw lill-kandidati tal-PN ma jmorrux jispiccaw isahhnu s-siggijiet tal-oppozizzjoni u fl-istess hin jiftahar li hu se jastjeni.

Qatt ma fhimta l-logika tieghu. Minn dakinhar iddecidejt li ma nahlix iktar hin nisma' c-cucati u fejn rajtu skartajtu. Izda kelli nerga’ mmur infittxu meta smajt lill-Prim Ministru Gonzi juza l-istess logika tieghu. Gonzi qalilna li filwaqt li se jizgura li jkun hemm bizzejjed Membri Parlamentari jivvotaw favur il-ligi tad-Divorzju biex din tidhol fis-sehh, hu u shabu se jzommu d-dritt li jastjenu jew jivvotaw kontra l-ligi skont kif tghidilhom il-kuxjenza.

Mela, jekk fhimt sew il-Prim Ministru qed ihalli bieb miftuh biex hu jkun jista’ jivvota le jew imur ghal btala qasira fuq l-Alpi meta nigu ghall-vot, basta fil-Parlament ikun hemm bizzejjed Deputati Nazzjonalisti li d-Divorzju mhux fil-vokabolarju tal-kuxjenza taghhom u jtuh il-kelma bil-quddiem li huma se jivvotaw iva.

Ir-ragel li kont niltaqa’ mieghu fuq il-venda probabbli qatt ma hassu Nazzjonalist daqs illum li l-Kap tieghu qed juza l-istess logika li hu gharaf tmien snin qabel. Hu biss jista’ jispjegali dan ir-ragunament ghax jien ma nistax nifhem kif fl-istess hin li tivvota kontra xi haga, jew tahsel idejk minnha, taghmel zgur li din tidhol fis-sehh.

Fuq il-venda lil dan ir-ragel Nazzjonalist sibtu fuq l-istess bank li kien ikun fuqu tmien snin ilu. Kos hux, mhux il-Partit fil-Gvern biss ma nbidilx minn tmien snin ‘l hawn.

Poggejt hdejh u staqsejtu l-ghaliex filwaqt li hu ried lill-PN jitla’ fil-Gvern u prova jhajjar lili nghinu bil-vot tieghi, hu kien baqa’ d-dar bil-vot merfugh fil-gradenza mar-ritratti tat-tieg. Spjegali li l-problemi personali li kellu dak iz-zmien Gvern tal-PN biss seta’ jsolvihomlu u kien ghalhekk li kellu bzonn li jirbhu l-elezzjoni. Irraguna li bil-PN fil-Gvern u bil-vot f’idu, wara l-elezzjoni seta’ juri li hu kien jasal ma jivvotax u allura, skont il-logika tieghu, iktar jaghtu kasu.

Qomt minn hemm iktar imhawwad minn kemm kont meta poggejt. Allura Gonzi se jivvota le jew se jmur igawdi l-Alpi ghal xi jumejn biex wara li jidhol id-Divorzju nibdew naghtu kasu iktar?

Bilhaqq, kont insejt nghidilkom li n-Nazzjonalist ta’ fuq il-venda qalli wkoll li ghadu ma nqediex. Irrakkontali li wara l-elezzjoni li tatna l-Ewropa mar Kastilja bil-glekk u bl-ingravata, bil-vot f’idu l-leminija u b’xi noti mharbxin fuq karta fix-xellugija. Izda minflok laqghuh bil-fjuri u qatghulu kull xewqa li kellu kif kien qed jistenna, tawh tghajjira papali u urewh it-tarag li jaghti ghall-kanuni.

Nhar ta’ Gimgha malli jibda Xarabank nisimghu lil Fr Peter Serracino Inglott jghidilna li l-futur ma jezistix. Jien umilment inzid li ghal kull decizjoni li tkun se tiehu jezistu hafna passati li juruk car kristall x’se jigrilek fil-futur.

No comments:

Post a Comment