Friday, February 14, 2014

Minn ma' Franco għall-PBS (2)

Wara li l-bieraħ żvelajt li xi ħadd telaq impjieg tajjeb f’Ministeru biex iddaħal jaħdem bla ebda sejħa għall-applikazzjoniet mal-PBS, xi ilsna ħżiena qaluli li dan qabeż mill-vapur tas-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca u sab postu band’oħra għax dan il-vapur mistenni jkun wieħed minn dawk li se jegħrqu fir-reshuffle li mistenni jagħmel Muscat fil-ġimgħat li ġejjin.

Jekk dan hux vera jew le nkunu nafuh fiż-żmien li ġej. Li hu żgur huwa li fil-PBS kien hemm ħafna tgergir mill-ħaddiema li dehrilhom li kienu nqabżu biex iddaħħal dan tal-qalba.

Għaldaqstant dalgħodu l-ħaddiema ġew infurmati li din il-persuna ġiet ingaġġata bħala konsulent tal-Kap Eżekuttiv b'kuntratt ta' self-employed biex tieħu ħsieb il-kontenut tal-website ta’ TVM. Allura, skont il-loġika ‘tagħna lkoll', ħadd ma nqabeż!

Naħseb li huwa fl-interess pubbliku li nsiru nafu kemm qed titħallas din il-persuna ta’ din il-‘konsulenza’ ħalli naraw jekk inqabżux l-ammonti li skont il-ftehim kollettiv għandu jitħallas min jagħmel dan ix-xogħol.

No comments:

Post a Comment