Tuesday, January 13, 2015

Bojkott

25 sena ilu, fit-3 ta’ Ġunju 1990, fl-Italja ġara dak li se jiġri f’Malta 3 xhur oħra - sar referendum dwar il-kaċċa wara li nġabret petizzjoni b’biżżejjed firem.

92% ta’ dawk it-Taljani li marru jivvotaw, ivvotaw kontra l-kaċċa.

Iżda ġara li kienu biss 43% tal-eletturi li ħarġu jivvotaw. 

Dan kien ifisser li l-quorum meħtieġ biex ir-referendum ikun validu ma ntlaħaqx u dawk li marru jivvotaw kienu marru għalxejn.

Il-liġi Maltija wkoll tipprovdi li jekk fir-referendum ma jivvotawx mill-inqas 50% u wieħed tal-elettorat il-vot ma jkunx validu.

Il-gazzetta l-orizzont ilbieraħ qaltilna li l-kaċċaturi qed jikkunsidraw jibbojkottjaw ir-referendum tal-11 ta' April. Dan biex in-numru tagħhom jiżdied ma’ dawk li għal raġuni jew oħra mhux se jmorru jivvotaw. B’dan il-mod il-vot jew in-nuqqas ta’ vot ta’ dawn in-nies jiżdied ma’ tal-kaċċaturi fit-tentattiv tagħhom li n-numru ta’ voti fil-kaxxi ma jaqbiżx il-50%.

Biex nagħti idea ta' kemm għandhom bżonn astensjonijiet il-kaċċaturi nfakkar li fir-referendum dwar id-divorzju kienu kważi 28% dawk li ma marrux jivvotaw.

Ikun interessanti x’jgħid li se jagħmel il-Prim Ministru Joseph Muscat jekk l-għaqdiet tal-kaċċaturi jordnaw bojkott.

Tgħid xorta jmur jivvota kif qal li se jagħmel jew jobdi mill-kaċċaturi u jastjeni?

No comments:

Post a Comment