Wednesday, August 3, 2011
Borg Olivier ma ridiex ta’ demokristjan
Il-bieraħ filgħaxija kont qed inqalleb minn stazzjon għall-ieħor u waqaft ftit fuq TVM fejn kienet qed issir intervista mat-tabib Alexander Cachia Zammit. “Min?” staqsewni fuq il-venda. Għidtilhom li dan Cachia Zammit kien Ministru tal-Gvern Nazzjonalista ta’ Borg Olivier. Kien Ministru tas-Saħħa, tal-Edukazzjoni, tal-Ġustizzja Soċjali, tax-Xogħol u tal-Emigrazzjoni fi żmien li l-bnedmin konnha nesportawhom mhux nimportawhom.
Imma nsomma, dan Cachia Zammit kien minn ta’ ġewwa sewwa. Tant kien spalla ma’ spalla ma’ Borg Olivier li kien wieħed mis-sitta li baqgħu miegħu meta fil-Parlament telqu kważi kulħadd u Malta saret Repubblika. Allura dak li smajtu jgħid il-bieraħ ta’ min joqgħod fuqu. Huwa minnu li llum dan it-tabib Zejtuni jgħodd mas-87 sena, imma għadu luċidu sewwa.
Wara din l-introduzzjoni kemmxejn twila, fuq il-venda qaluli biex naqlagħha u ngħidilhom x’qal dan Cachia Zammit. Ħadt żewġ nifsijiet ‘l ġewwa u għidtilhom li t-tabib qal ċar u tond li Borg Olivier ma riedx li l-PN ikun Partit Demokristjan. Skont it-tabib, il-viżjoni ta’ Borg Olivier għall-PN kienet li jkun partit Popolari u Nazzjonalista u mhux Demokristjan.
Wara li sħabi tal-venda għaddew ftit sekondi jomogħdu din l-istqarrija tal-fidi, wieħed minnhom qalli bi tbissima “Veru każ li l-passat mhux garanzija tal-futur!”
Għax il-futur tal-PN li kien joħlom bih Borg Olivier huwa issa u issa għandna lil Lawrence Gonzi li lill-PN jarah u jridu Partit Demokristjan. Naturalment il-PN jista’ jieħu l-forom kollha li jrid u jista’ wkoll jibdel ismu u jibdel l-arma kif għamlu l-Laburisti. Imma żgur ħadd ma jista’ jgħid li l-PN minn dejjem kien Partit Demokristjan.
Tkun inġustizzja storika jekk Borg Olivier ikun imfakkar biss għall-kisba tal-Indipendenza.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
Illum il-gurnata jista facilment jibdel ismu u jsir Partit Konservattiv. Jekk xejn, il-Konservattivi Inglizi qeghdin fil-poter jigifieri altru milli jkun isem antikwat ghall-PN.
ReplyDeleteDak il-Program kien Vicin il-Poplu. Jiprezenta Sergio Grech Produzzjioni Horizons. Grazzi.
ReplyDeleteProsit Norman. Blog post relevanti hafna. Tlabt lil producer biex japlowdja din il-clip fuq Youtube. Jien dan it-tip ta' Partit Nazzjonalista nissottoskrivi... popolari u nazzjonalista. Il-politika hijja evoluzzjoni u l-Partit Nazzjonalista irid imur lura ghall-gheruq popolari jew inkella jirriskja li jispicca rrelevanti ghal zmien twil.
ReplyDeleteU halluna Wayne u Norman! Inti Norman qed tiprova terga tikteb l-istorja minhabba l-lenti ideologika tieghek. Kien kontra l-isem Demokristjan mhux ghax ma kienx kristjan u kattoliku imma minhabba kunsiderazzjonijiet geopolitici u xejn aktar. Dak iz-zmien il-partiti demokristjani kienu centro-sinistra mentri Borg Olivier mhux biss kien centro-destra imma destra destra! Mela nsejt kemm Gorg Borg Olivier hadha qatta bla habel kontra s-sitt punti ta Mintoff u li ivvota kontra z-zwieg civili?!?!?
ReplyDelete