Friday, August 5, 2011

Dawk l-2,800 kannol bla krema


Tiftakruhom dawk l-2,800 kannol li ħallewhom bla krema meta ġejna biex nivvotaw għad-divorzju? X’paniku kien qam! Tat-torċa moderna akkużaw lill-Gvern li ċaħħad 2,800 żgħażugħ mill-vot għax hekk kien jaqbillu u tal-maduma iddefendew bl-attakkanti u ħarġu jgħidu li l-froġa kien għamilha Muscat. Tinkwetaw xejn, m’iniex se noqgħod inħabblilkom moħħkom b’ħafna teknikalitajiet legali. L-argument huwa aktar sempliċi milli taqli żewġ bajdiet imħabbtin ma’ ftit faqqiegħ, bżar u melħ.

Mela, din tal-krema fil-kannoli tispjega ruħha hekk. Darbtejn fis-sena joħroġ reġistru elettorali, wieħed f’Ottubru u ieħor f’April. Meta ssir elezzjoni jew referendum, ikunu jistgħu jivvotaw biss dawk li jkunu għalqu 18-il sena sa meta jkun ħareġ l-aħħar reġistru. Jiġifieri jekk issir elezzjoni f’Awwissu ikunu jistgħu jivvotaw dawk li jkunu għalqu t-18-il-sena sa April. Dawk li jkunu għalqu żmienhom bejn April u Awwissu jibqgħu kannoli bla krema.

Din ilha tiġri s-snin - f’kull elezzjoni u referendum li kellna. Numru ta’ żgħażagħ li jkunu għalqu 18 jitħallew bla vot għax hekk tgħid il-liġi. Fil-każ tar-referendum tad-divorzju, minn dawn kellna 2,800. U tgħidx kemm bkew għalihom iż-żewġ partiti! Tant ħaduha bi kbira li ħadd minnhom ma ried jieħu responsabbilta` ta’ din il-bawxata u nfexxu jisparaw fuq xulxin.

Issa għal din hemm soluzzjoni sempliċi ħafna. Kull ma jrid isir huwa li meta tissejjaħ elezzjoni jippubblikaw reġistru ġdid, updated sad-data tal-elezzjoni. Dan jista’ jsir b’sempliċi emenda fil-liġi elettorali. B’hekk tassew id-dritt tal-vot ikun għal dawk kollha minn 18-il sena ‘l fuq.

U ejja ma noqgħodux inġibu skużi li din fiha xi biċċa xogħol ta’ barra minn hawn u li se tiswiena xi balla Ewro. Ilna tant niftaħru bis-sistemi kompjuterizzati li għandna, u din se narawha bi kbira! Wieħed minn sħabi tal-venda qalli li llum il-ġurnata malli tirreġistra tarbija saru jtuha n-numru tal-Karta tal-Identita`. Mill-ewwel. Dak il-ħin. Allura m’għandiex tkun daqstant diffiċli biex malli l-Prim Ministru jgħid “Bye Bye, issa f’idejkom” nagħfsu ‘Print New Register’.

Jekk sal-elezzjoni li ġejja dan il-Gvern ma jkunx irranġa biex il-kannoli kollha jkollhom il-krema, għalija jkun ċertifikat li d-dmugħ li beka għall-2,800 li baqgħu iħarsu fir-referendum mhux għajr dmugħ tal-kukkudrilli. U l-kukkudrilli ma jieklux frejjeġ.

2 comments:

  1. Il PN ikkonferma illum li d dmugh tieghu ma kienx tal kukkudrilli. Mhux hekkJoseph Muscat. Wara il plejtu shih li ghamel fir-referendum imbaghad ma rega qatt semma xejn. Muscat rega wera li hu iparla biss biex jimpressjona u jirbah il voti u mhux ghax ghandu principju u jemmen fih.

    ReplyDelete
  2. mela issa kulhadd jaf min jibki bhal kukkudrilli!!

    ReplyDelete