Tuesday, August 9, 2011
L-Arriva bomba mat-Twin Towers
Dawn tal-Arriva ilhom jgħidulna li se jkollna servizz tal-linja bomba minn qabel ma bdew jibnu l-King Long biċ-cheap labour taċ-Ċiniżi. Issa, wara li rnexxielhom iżidu drastikament ir-rata tal-ksur tat-tielet kmandament u fl-istess nifs ħxew il-vaganzi ta’ dawk li xbajna nisimgħu kemm għandna nieħdu ħsiebhom, reġgħu ħarġu b’wiegħda oħra. “Sal-11 ta’ Settembru se nkunu bomba.”
Iva, dawn il-ġenji tal-Arriva għażlu l-għaxar anniversarju ta’ meta ajruplani mgħobbija bin-nies intużaw bħala bombi miċidjali biex jibdew ituna servizz tal-linja bomba. Imn’alla s-sidien tal-uniku skyscraper li għandna f’Malta huma mdaħħlin ma’ tal-Arriva għax kieku kien ikollna wisq kumbinazzjonijiet u fil-paniku konnha nibdew inċemplu ‘l hawn u ‘l hinn.
F’dan ix-xahar u ġimgħa li ilhom magħna dawn tal-Arriva, bil-kollaborazzjoni ta’ Transport Malta u tal-Ministeru rebbieħ tal-premju ‘Qrib il-Poplu’, irnexxielhom jagħmlu miraklu. Irnexxielhom ikunu agħar minn dawk li kellna qabilhom!
U l-bużilliż minn ta’ qabilhom beda. Għax min iddisinja r-rotot il-ġodda ħadem qisu qabel ma kien jeżisti xejn. Qisu qabel it-3 ta’ Lulju kellna l-baħħ ta’ Ground Zero. Imma l-verita` hi li qabel l-Arriva kellna servizz li bl-iskossi u bil-bużullotti kollha tiegħu kien qed jaqdi bosta nies u kien qed jaqdihom tajjeb. Ikollna nammettu li t-tgergir li konna nisimgħu kellu parti sostanzjali minnu li jaqa’ fil-kategorija ta’ Maltese gemgem.
Il-fatt li matul is-snin il-passiġġieri minn fuq il-yellow buses naqsu drastikament mhux relatat biss mas-servizz li kellna. Għax fl-aħħar snin ġara wkoll li sibna aktar flus fil-but u aktar banek lesti jsellfuna u t-total investejnieh f’karozzi. U l-karozza tant saret parti mill-familja tagħna li mingħajra ma mmorru mkien, lanqas meta mmorru nixtru gazzetta u pakkett sigaretti minn żewġ kantunieri bogħod ma nħalluha warajna. Aħseb u ara kemm se nħallu l-karozza d-dar biex immorru ftit iktar bogħod minn hekk!
Vera wkoll li x-xarabanks tal-bieraħ kellhom id-difetti l-kbar tagħhom - karozzi skomdi u antiki, xufiera sploduti u mbażwrin u duħħan iswed kienu fil-quċċata tal-lista. Kieku min ħa ħsieb ir-riforma kellu s-sens li jirranġa dawn u mbagħad jibda jirfina s-sistema bil-mod, kieku fit-3 ta’ Lulju Malta kienet tisbaħ b’servizz tat-trasport pubbliku li qisu f’daqqa waħda ntlaqat mill-id tar-Re Mida. Imma le, riedu joħolqu sistema ġdida li mill-ewwel fuljetti li waslulna d-dar deher biċ-ċar li mhix se taħdem.
Qalulna li l-iskop kien li jintlaħqu iktar nies biex b’hekk ikun hemm iktar fuq il-buses u inqas fil-cars. L-aġenti tal-karozzi u tal-pompi tal-fuel twerwru. Beżgħu li se jmutu bil-ġuħ għax il-Maltin se jibdew jgħaddu inqas ħin wara l-istearing la bl-Arriva se jkun jaqbillek ta’ vera. Imma oħroġ il-għaġeb, minflok il-ħinijiet tal-vjaġġi qsaru biex jikkompetu mal-ħinijiet tal-cars, dawn twalu tant li kien hemm min ħaseb li mil-lejl għan-nhar Malta kibret b’xi 20 kilometru!
U ħa ngħiduha kif inhi, lanqas kieku ma twalux il-ħinijiet, għaliex għandek tħalli l-car fil-garaxx biex minflok iddum 10 minuti ssuq u kwarta tipparkja, iddum siegħa u aktar fl-airconditioning tal-Arriva wara xi nofs siegħa tixxemmex u tgħereq fuq stage mudell ta’ greenhouse?
Il-ħsad ta’ dan il-kapolavur ta’ pjanar huwa li aħna tal-private car bqajna ġo fiha bis-seatbelt aktar issikkat minn qatt qabel ma jmurx xi ħadd iniżżilna u jkollna naqbdu l-Arriva, u dawk li tal-linja kienet saqajhom spiċċaw bil-krozzi.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
Sfortunatament f'dan il-pajjiz l-ewwel infattru r-riformi imbghad naraw kif se nhaddmuhom minflok bil-kontra. Filwaqt li huwa vera li kull haga gdida jkollha dak li nsejhulhom "teething problems", nahseb li f' Malta dan il-fenomenu huwa daqsxejn esagerat. Jitqabbdu hafna "esperti" bhala 'Konsulenti" meta fil-fatt dawn in-nies ma jkunux jifhmu fil-qasam. Nahseb ikun tajjeb li l-awtoritajiet jibdew jikkonsultaw ma min vera jkun imdahhal f'dak il-qasam partikolari u mhux jonfoq il-miljuni u jiehu prodott medjokri. Kif jghid il-malti "Il-hobz tih lil mion jaf jieklu"
ReplyDelete