Tuesday, August 30, 2011

San Gaddafi protettur tal-Kristjaneżmu


Fuq il-venda n-Nazzjonalisti u l-Laburisti tgħidx x’jogħxew jinku u jgħajjru lil xulxin b’kemm il-mexxeja tagħhom kienu jitqaħħbu mar-reġim tal-Kurunell Gaddafi. “Gonzi l-aħħar wieħed li ħadlu b’idejh.” “Muscat mar jarah u ġie lura jiftaħar li tant huma ħbieb li urieh xi dokumenti sigrieti.” “Fi żmienkom kontu ġġibuh jitkellem fil-mass meetings.” “Qas ilu sebgħa snin li tajtuh medalja.” “Karmenu, li kien il-Prim tagħkom, baqa’ l-uniku wieħed fid-dinja jiddefendieh sal-aħħar.”

Jien ħlift li ma noqgħodx naħli ħin u li din ma nidħolx fiha. Għax min jaf li filgħodu jkollna d-dawl tax-xemx u filgħaxija jaqa’ d-dlam, jaf sewwa liema partit Malti nnamra l-iktar mal-Jamahiriya.

Imma lil dawn li issa tgħidx kemm huma ferħanin li lil Gaddafi se jneħħulu l-medalji, lil dawn li qed isegwu l-updates tas-CNN jistennew b’ħerqa li jisimgħu li Muammar inqabad u ġabuh kapuljat għall-klieb, niftakarhom jitkellmu bħal daż-żmien sena, meta lil dan Gaddafi rieduh santo subito.

Infakkarkom li meta s-sajf li għadda, f’daqqa waħda, ma baqgħux jiġu dgħajjes mimlijin bl-immigranti suwed fix-xtut tagħna ftit kienu dawk li qomsu. Il-ħafna gew jitnejjku li dan il-'miraklu' kien qed iseħħ biss għax Berlusconi ffirma ftehim moqżież ma' Gaddafi d-dittatur. Ftit kienu dawk li kienu lesti jibgħatu l-interess nazzjonali jieħdu f’sormu u jgħidu ċar u tond li aħjar niffaċjaw il-problema tal-immigrazzjoni milli nħallu f’idejn bniedem alabiebu mid-drittijiet tal-bniedmin l-oħra.

Dakinhar il-ħafna lil Gaddafi rawh qaddis. Qaddis li kien qed iħares lil pajjiżna u lill-Ewropa mill-invażjoni Musulmana. Qaddis protettur tal-kultura ‘kristjana’ tagħna. U kien hemm ukoll min għajjar lil Gonzi ‘bla boċċi’ għax ma kienx kapaċi jasal ma’ Gaddafi kif kien wasal Berlusconi!

Allura dalgħodu fuq il-venda għidtilhom li issa Gaddafi jista’ jżomm il-medalji li tajnieh kemm il-qaħbeċ irid. Kont nippreferi kieku ma ħallejniehx iżomm il-bnedmin.

1 comment:

  1. fil venda ma xtaqtx tidhol fija biex ma tahlix hinek, u hlejtu hawn!! U min jaf x'hin titla xemx u tinzel jaf ukoll illi dak il partit li nnamra l-iktar mal jamahiriya hallas il-pagi ta' nies tal gvern fl-1971 wara li il-gvern ta qablu ma halliex sold!!
    U nies taf ukoll li dak il partit li nnamra li izjed mal jamahiriya halla 600,000,000 miljun lira maltija fil kaxxa ta' malta!! id-differenza bejn il partiti hija li min nnamra ghal gid tal-pajjiz u min innamra ghal gid tal partit!!

    ReplyDelete