Saturday, August 27, 2011

Double agents fil-Kurja


Sa mill-ewwel ġurnata tal-kampanja referendarja l-Avukat Deborah Schembri deheret li se tkun l-iktar wiċċ kredibbli u konvinċenti tal-kampanja tal-IVA għad-Divorzju. U hekk kien. Meta mbagħad l-għorrief tal-Kurja iddeċidew li juruha l-bieb ta’ barra tat-tribunal ekkleżjastiku, Deborah ma baqgħetx biss dik l-avukat li taf xi tgħid u li tgħidu tajjeb u mingħajr biża, imma f’daqqa waħda saret ukoll ‘vittma’.

Deborah saret dik li qed tbati konsegwenzi personali u professjonali għax kellha l-ardir tieħu pożizzjoni li m’għoġbitx lil dawk l-aktar potenti. U bħal ma ġara dejjem minn żmien David u Gulija, f’din il-ġrajja ta’ Deborah il-popolin beda jara lilu nnifsu. F’Deborah, Ċikku l-poplu ra r-rapreżentazzjoni ta’ xi inġustizzja li xi darba jew oħra għadda minnha hu stess.

Il-konsegwenza naturali ta’ dan kollu kellha tkun li s-simpatija għal Deborah tikber. U bl-istess mod kellha tikber l-antipatija għall-Knisja. Dan kollu seħħ u seħħ kemm fost dawk li fuq id-divorzju qablu ma’ Deborah, kif ukoll fost ħafna oħrajn li riedu li ż-żwieġ jibqa’ għal dejjem bilfors.

Imma allura possibli li ħadd fil-Kurja ma kien kapaċi jantiċipa din ir-reazzjoni kollettiva? Għax kienet miktuba fuq il-ħajt li t-tneħħija ta’ Deborah mit-tribunal kienet se tagħti palata lill-kampanja tal-IVA u majnata oħra lill-kampanja tal-LE. Peress li jien m’iniex wieħed minn dawk li nħobb noħloq it-teoriji m’iniex se ngħid li fil-Kurja kien hemm xi double agents li ħadu din id-deċiżjoni apposta biex id-divorzju jidħol f’pajjiżna.

Imma issa li llum fuq din id-deċiżjoni l-Arċidjoċesi għamlet U-Turn, joħroġ ċar li din ma kienetx xi deċiżjoni meħtieġa u lanqas ma kienet xi issue ta’ prinċipju li ma setgħux jiċċaqalqu minnha. Għax jekk il-Knisja kellha raġun tkeċċi lil Deborah mit-tribunal dakinhar, għaliex m’għadx għandha raġun illum? X’inbidel?

Jew il-mossa tal-lum hija speċi ta’ apoloġija lil Dr Schembri? Issa jekk il-Knisja qed titlob skuża, dan qed tagħmlu għax żbaljat. Mhux hekk? Allura jkollna nistaqsu x’kien dan l-iżball. Għandna nkunu nafu jekk din kienetx xi vendikazzjoni. U jekk inhu hekk, għandna nkunu nafu għaliex tħalliet issir din il-vendikazzjoni.

Mela qabel l-Arċisqof u Deborah jagħlqu din l-istorja bis-soltu “they lived happily ever after” ngħidilhom li aħna ta’ fuq il-venda għandna dritt sagrosant li ningħataw risposti ċari għal dawn il-mistoqsijiet. Fuq quddiem nett tal-kju għat-tweġibiet hemm il-Kattoliċi li għandhom dritt ikunu jafu x’għaffġu l-mexxejja tagħhom, u mbagħad hemm dawk tal-moviment LE (għad-divorzju) li għandhom dritt ikunu jafu l-għaliex għaffġulhom il-kampanja.

2 comments:

  1. Norman, sfortunatament f'dan il-pajjiz kulhadd jaghmel li jaqbillu fil-mument. Bhal ma jigri dejjem u kwazi fuq kull argument il-partijiet jghidu taghhom u jghaffgu li jridu imma mbaghad wara li kwistjoni tinqata favur xi parti minnhom, il-parti l-ohra araha tigri kemm tiflah biex tigbor gieha. Fuq id-double agents jien nahseb li dawn jezistu kullimkien u ma narax ghala il-Knisja ghandha tkun eccezzjoni.

    ReplyDelete
  2. Meta nara dan il-fatt u dak li gara fil-kampanja referendarja, nahseb li l-Arcisqof jaf fejn jixtieq imur ghax ghandu vizjoni cara tal-Knisja f'Malta, fil-kontribut li tista taghti ghal gid tas-socjeta u kif ukoll kif tista tirranga dak li mhux tajjeb. Imma nemmen ukoll li mieghu ma ghandux kollaboraturi tajbin u ghaqlin. Anzi li jigbdu fid-direzzjoni opposta.

    JMC

    ReplyDelete