Il-President Abela iffirma. Id-divorzju issa sar dritt ċivili anke għall-Maltin. U dan qed iseħħ illum taħt Gvern Nazzjonalista. Qed iseħħ meta l-poter jinsab f’idejn partit li għad għandu l-kelma “reliġjon” fil-motto tiegħu. Qed iseħħ taħt Prim Ministru prodott tal-Azzjoni Kattolika u proneputi ta’ Arċisqof li inqas ma nitkellmu fuqu, iktar aħjar. Dan kollu qed iseħħ minkejja li fost min qed imexxi - il-kabinett, l-eżekuttiv - hemm maġġoranza assoluta li ma ridetx li d-divorzju jidhol fi żmienha.
Fuq il-venda qaluli li dawn il-ħsibijiet kollha issa huma irrelevanti. Qaluli “La darba kellna referendum u fil-kaxxi kien hemm iktar IVA milli LE, ma kienx hemm x’tagħmel iktar għal Gonzi u sħabu.” Jien qbilt magħhom, imma ma waqaftx naħseb x’seta’ ġara biex għaddiet tal-IVA.
Għax ir-referendum tiftakru min ħareġ bih l-ewwel darba? Ħadd ħlief l-istess Prim Ministru Lawrence Gonzi tal-LE. Minflok qal lil JPO idaħħal il-Private Member’s Bill fl-istess post fejn il-Prim Ministru Alfred Sant kien qal lil Joe Brincat idaħħal tiegħu, Gonzi ivvinta vot popolari. Dakinhar niftakar li kulħadd fuq il-venda qal li Gonzi għamel din il-mossa għax kien konvint li meta se niġu għas-si u n-no, il-maġġoranza se tgħid no.
Dakinhar jien tgħidx kemm irrabjajt għal Gonzi. Irrabjajt għax jien kont naqbel ma’ Joseph Muscat qabel dan għamel U-Turn u beda jaqbel mal-Prim. Bħal Joseph kont naħseb, ngħid u nippriedka li d-divorzju m’għandux jidħol b’referendum għax huwa dritt tal-minoranza.
Kont ngħid li tan-nejk li l-maġġoranza timponi fuq il-minoranza. Għadni ngħid hekk sal-lum għax allaħares inħallu f’idejn il-maġġoranza biex, pereżempju, niddeċiedu x’nagħmlu b’minoranza bħal ma hija tal-immigranti. F'każ bħal dan imn'alla tkun il-kuxjenza!
Imma fuq din tad-divorzju mort żmerċ. Illum li wara li ġejna għas-si u n-no, għażilna s-si, indunajt bil-kitba fuq il-ħajt: id-divorzju mhuwiex dritt tal-minoranza. Min qed joħlom li r-referendum għadda għax il-poplu fehem il-ħtiġijiet tal-minoranza u vvota b’solidarjeta` magħha għandu żball daqs kemm kelli żball jien bħal daż-żmien sena.
Għax id-divorzju llum sar dritt li filwaqt li min se jużah (dawk li tkissrilhom iż-żwieġ) huwa fil-minoranza, min jista’ jużah (il-miżżewġin) jagħmel parti mill-maġġoranza.
Id-divorzju mhux qiegħed hemm biss għas-separati, għal min qala’ daqqa f’għajnejh, għal min sab waħda size 10 u għal min safa abbandunat. Id-divorzju issa qiegħed hemm biex jekk jien, ħuti, uliedi, l-kuġini u z-zijiet niġu bżonnu, nużawh.
Għalhekk biss kellna iktar IVA milli LE fil-kaxxi. Għalhekk Gonzi ħa falza stikka u kellu jagħmel li ma riedx. Għax il-maġġoranza riedet insurance - garanzija li jekk tiġi fis-sitwazzjoni ta’ dawk li llum huma minoranza, ma jkolliex l-istess inkwiet.
Lil dawk li mhumiex jaqblu mal-ħsibijiet tiegħi, nissuġġerilhom jistħarrġu kemm l-istess argumenti li nġiebu mill-IVA jinżlu tajjeb mal-poplu Malti meta applikati fuq drittijiet li jridu l-minoranzi li vera jinsabu fil-minoranza. Kultant jiġrilek li jkollok bilfors tara biex temmen. L-aqwa li aħna l-miżżewġin issa nxurjati!
No comments:
Post a Comment