Thursday, April 16, 2015

Bil-filmat: Il-wegħda ta’ Muscat lill-kaċċaturi

Fl-aħħar jiem smajna ħafna dwar kif il-Prim Ministru u l-Partit Laburista taw sehem attiv biex il-kaċċaturi jirbħu r-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Qatt m’emmint u m’iniex se nibda nemmen issa li dan ġara għax Muscat u l-PL iħobbu l-kaċċa u l-inkwiet li ġġib magħha jew għax tant jemmnu fid-deroga li applika għal sena wara l-oħra l-Gvern Nazzjonalista.

Ir-raġuni bilfors hija waħda ta’ konvenjenza politika. Ir-raġuni żgur hija marbuta ma xi wegħda li saret qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Ovvjament ma nistax inkun naf x’intqal bejn Muscat u l-kaċċaturi wara bibien magħluqa. Għaldaqstant fittixt f’dak li ntqal fil-pubbliku.

Sibt li lill-kaċċaturi Muscat wiegħdhom aktar minn ftit għajnuna f’każ li jinġabru biżżejjed firem biex isir referendum. Muscat lill-kaċċaturi tahom x’jifhmu li jekk hu jsir Prim Ministru r-referendum lanqas biss isir.

Fis-26 ta’ Frar 2013, inqas minn ġimgħatejn qabel l-elezzjoni, mistoqsi quddiem il-kameras tat-Times “Lest li torganizza referendum fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa?”, Muscat mingħajr eżitazzjoni wieġeb LE.

Ara l-filmat hawn taħt jew f’din il-LINK.


Dakinhar Muscat kien jaf x’qed jagħmel. Kien jaf li qed jgħaddi lill-kaċċaturi biż-żmien. Kien jaf li ebda Prim Ministru m’għandu s-setgħa jwaqqaf referendum jekk jinġabru biżżejjed firem. Iżda xorta wieġeb kif wieġeb.

Aħna li m’aħniex kaċċaturi din il-wegħda konna nsejniha. Imma l-kaċċaturi le. Għaldaqstant, meta r-referendum sar realtà Muscat ma kellux għażla oħra għajr li jgħin lill-kaċċaturi jġibu rebħa. Hekk biss seta’ jnessihom il-wegħda li kien għamlilhom u ma żammx.

2 comments:

  1. Unbelievable. He went on record promising something that is out of his remit and that he could never stop or control. I can't fathom how nobody bat an eyelid at the time.

    ReplyDelete
  2. Ara veru KOHLRABI, Joseph Muscat. Taħsbu li qiegħed jgħix fil-qamar, jew x'imkien ieħor.

    ReplyDelete