Tuesday, September 30, 2014

Għada jogħla l-gass

Minħabba li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi bħalissa huma mħabbtin wisq biex jagħmlu xi press conference, qed ninfurmakhom f’isimhom li minn għada kull ċilindru gass se jkun iqum 90 ċenteżmu iktar milli jqum illum.

Monday, September 29, 2014

Indħil politiku fil-PBS

Il-Malta Independent tikkonferma dak li ili nsostni fil-kawża tiegħi kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, jiġifieri li ċertu deċiżjonijiet fil-Public Broadcasting Services qed jittieħdu direttament minn Kastilja u li dawn huma deċiżjonijiet purament politiċi u partiġġani.

Saturday, September 27, 2014

Kandidat tal-Labour ivvota PN

Il-Perit Karmenu Vella ivvota lill-Partit Nazzjonalista minkejja li kien kandidat tal-Labour!

Din kienet l-unika ħaġa li stajt tagħmel fl-2003 biex pajjiżna jsir membru fl-Unjoni Ewropea. Infakkar li r-rebħa tal-Iva fir-Referendum tal-2003 ma kienet tiswa’ xejn għax Alfred Sant kien iddikjara li dan ir-Referendum kien rebħu hu u li jekk il-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali hu ma kienx se jiffirma t-trattat ta’ sħubija u Malta ma kienetx se ssir membru tal-Unjoni Ewropea. 

Għaldaqstant, biex Karmenu Vella jkun jista’ jiftaħar li vvota biex Malta tissieħeb fl-UE, irid jibda jiftaħar li vvota PN!

Qallek LE u għamel IVA


Il-Perit Karmenu Vella iddikjara bil-miktub li hu vvota biex Malta tkun membru fl-Unjoni Ewropea. 
Dan ifisser li fl-2003 hu vvota kontra l-pożizzjoni tal-Partit Laburista, minkejja li hu kien Deputat, Kelliem Ewlieni u Kandidat tal-istess Partit Laburista.
Dan ifisser li fl-istess ħin li hu kien qed iħeġġeġ lin-nies jivvotaw kontra s-sħubija, hu kien jaf li din ma kienetx it-triq it-tajba għal pajjiżna u bil-moħbi għamel bil-maqlub ta’ dak li kien qed jippriedka. 
Dan ifisser li minkejja li kien jemmen li s-sħubija kienet se ġġib iktar effetti pożittivi milli negattivi, ma tkellimx u ssogra l-futur tagħna, ta’ wliedna u ta’ min ġej warajna għall-konvenjenza politika tiegħu.
Addio l-prinċipji. Addio l-verità. Addio l-irġulija.

Wednesday, September 24, 2014

Il-monument tal-ħela


Ir-rebħa ta' Antoinette


Nifraħ lil Dr Antoinette Cutajar għal din ir-rebħa li minnha se jgawdu ħafna ħaddiema oħrajn. Il-każ ta’ Dr Cutajar huwa prova oħra ta’ kemm il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat jiġi jaqa’ u jqum mid-drittijiet li l-ħaddiema Maltin akkwistaw meta dħalna membri fl-Unjoni Ewropea.

Dan il-każ huwa prova oħra li dan il-“moviment” mhux vera għandu għall-qalbu l-ħaddiema kollha, imma jimpurtah biss minn dawk tal-qalba. Ir-rebħa ta’ Dr Cutajar għandha tagħmel kuraġġ lil dawk il-ħafna ħaddiema oħrajn li jħossu li saret jew li qed issir inġustizzja magħhom biex jiġġieldu għal dak li hu tagħhom.

Ikklikkja hawn għall-istorja minn TIMESOFMALTA.COM

Sunday, September 21, 2014

Qasam it-tessera tal-Labour

Dan ir-raġel, li llum għandu bħala profile picture ritratt tat-tessera tal-Partit Laburista maqsuma fi tnejn, huwa l-kaċċatur li fil-kampanja elettorali 2013 "ta sorpriża" lil Simon Busuttil fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid quddiem il-kameras ta’ One News.

Għal min insieh, il-filmat jinsab hawn:

Gvern li jisma'... għall-kaċċaturi

Nipproponi laqgħa pubblika mis-sensiela ‘Gvern li jisma’’ li għaliha jkunu mistiedna l-kaċċaturi biex jiddiskutu wiċċ imb’wiċċ mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Din il-laqgħa għandha tkun imxandra live fuq l-istazzjon nazzjonali TVM biex il-poplu kollu jkun jista’ jisma’ x’għandhom xi jgħidu l-kaċċaturi u x’kienu mwiegħda qabel l-aħħar elezzjoni u x’se jirrispondi l-Prim Ministru.

Infakkar li fi żmien in-Nazzjonalisti l-Prim Ministru kemm-il darba kellu jiffaċċja folol irrabjati live fuq ix-xandir. Per eżempju niftakar lil Eddie Fenech Adami fil-programm Xarabank wara li waqqaf is-sussidji tat-tarzna u lil Lawrence Gonzi fl-istess programm meta għalqet il-fabbrika VF u mijiet ta’ ħaddiema tilfu x-xogħol u darb’oħra meta għolew il-prezzijiet tal-petrol, id-diesel u l-gass.

Saturday, September 20, 2014

L-istess deċiżjoni ta' 7 snin ilu

Id-deċiżjoni li ħa l-Gvern Laburista illum, li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa minħabba n-numru kbir ta’ illegalitajiet li kienu qed jiġu rrapurtati, hija l-istess deċiżjoni li kien ħa 7 snin ilu l-Gvern Nazzjonalista f’ċirkostanzi simili.

Hemm hi r-roadmap.

Wednesday, September 17, 2014

Malta għandha biex tiftaħar


Il-kultura tas-solidarjetà; il-kultura favur il-ħajja; il-kultura li dejjem inkunu mal-iżgħar fost iż-żgħar. Din hija l-kultura Maltija li tagħmilna kburin. Din hija l-kultura Maltija li għandna nipproteġu mill-invażjoni tal-egoiżmu u ta’ sentimenti oħra ħżiena u irrazzjonali.

Saturday, September 13, 2014

Talenti mhux miljuni


Hawn Malta jgħidilna li jrid jakkwista biljun Ewro u disa’ xhur wara jmur New York u jgħidilhom li jrid it-talenti.

Skont il-loġika ta’ Joseph Muscat jekk xi ħadd jitħajjar juża t-talenti tiegħek għall-ġid u l-progress tiegħu għandek tkun int li tħallsu u mhux hu li jħallsek.

Allura nifhem li dawk il-ħafna talenti Maltin li kemm ilu jmexxi hu ngħataw il-ġenb, x’aktarx kienu qed jippretendu li minflok iħallsu, jitħallsu. X’għarukaża ta’ nies!