Thursday, May 11, 2017

Kampanja tal-corned beef, Twistees, ċikkulata u nbid: qed iqassmu ikel u xorb biex jixtru l-voti!

Ir-rivalità bejn Konrad Panama Mizzi u Chris Fearne fir-raba' distrett ġabithom fis-sitwazzjoni ridikola li issa qed iqassmu hampers b'ikel u xorb biex mingħalihom jixtru l-vot!

Filwaqt li fil-hamper ta' Fearne issib biss żewġ fliexken inbid, f'ta' Dr Panama għandek issib anke pakkett Twistees, naqra ċikkulata tajba u daqsxejn ta' landa corned beef.


Saturday, May 6, 2017

Kandidat għall-5 u u t-8 distrett

Għandi pjaċir inħabbar li se nkun kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju fil-5 Distrett (Birżebbuġa, Ħal Kirkop, L-Imqabba, Ħal Farruġ, Il-Qrendi, Ħal Safi u ż-Żurrieq) u fit-8 Distrett (Ħal Balzan, Birkirkara, Fleur-de-Lys, Is-Swatar, L-Iklin u Ħal Lija).

Grazzi tal-appoġġ tagħkom.

Jien Nagħżel Malta għax Malta hija int


Friday, May 5, 2017

Qed jiksru sfaċċatament ir-regoli tal-imparzjalità f'TVM

"Produtturi, ġurnalisti u preżentaturi ta' programmi ta' ġrajjiet kurrenti fuq l-istazzjon nazzjonali m'għandhomx jipparteċipaw f'dibattiti pubbliċi dwar suġġetti ta' kontroversja politika."

Il-'Linji Gwida dwar l-Obbligu tal-Imparzjalità' (ara taħt) jagħmluha ċara li l-preżentaturi ta' TVM m'għandhomx jiktbu ittri jew artikli f'gazzetti, u lanqas blogs jew kummenti fuq siti soċjali bħal Facebook u Twitter.

Dawn ir-regolamenti qed jinkisru sfaċċatament mill-preżentaturi Saviour Balzan (Xtra) u Brian Hansford (Networks).

Minkejja li jippreżentaw programmi ta' ġrajjiet kurrenti fuq l-istazzjonijiet nazzjonali dawn qatt ma qagħdu lura milli jidħlu f'kontroversji politiċi. Balzan baqa' għaddej jikteb l-artikli u jikkummenta fuq Facebook u Twitter u Hansford  ma waqaf qatt jippromwovi l-aġenda tal-Labour ta' Muscat, l-aktar fuq Facebook.

Lanqas il-bidu ta' kampanja elettorali ma rażżnithom. Anzi, Hansford dan l-aħħar żied id-doża u sar il-portavuċi mhux uffiċjali tal-Pilatus Bank f'kampanja ta' tfigħ ta' tajn fuq il-whistleblower li kixfet u xehedet bil-ġurament dwar dokumenti li juru r-rabta bejn Egrant u Michelle Muscat.

Huwa evidenti li l-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet Reno Bugeja mhux qed jinforza dawn ir-regoli u qed iħalli lil Balzan u Hansford jagħmlu li jridu u li jogħġbhom, anke issa li bdiet il-kampanja elettorali.

M'għandix dubju li jekk xi preżentatur jew ġurnalist ieħor ta' TVM jazzarda jikkummenta favur xi proposta tal-PN jew kontra l-korruzzjoni tal-klikka ta' Muscat, Bugeja ma jdumx ma jiftakar f'dawn il-Linji Gwida u jmur itemmagħhomlu.

Wednesday, May 3, 2017

Min hu Laburist ta' vera mhux postu ma' Muscat - Godfrey Farrugia


Ugwaljanza? Jien irrid inħallas taxxa daqs Keith Schembri u l-oħrajn

Joseph Muscat qed iwiegħed l-ugwaljanza. Fl-istess nifs qed iwiegħed li jnaqqas xi ftit taxxi.

Biex tassew inkunu ugwali, aħna rridu nħallsu taxxa daqs kemm iħallsu Keith Schembri, Konrad Mizzi, Brian Tonna u Egrant bil-kumpaniji moħbija fil-Panama u l-BVI, jiġifieri XEJN.

Hekk tkun il-vera ugwaljanza!

Meta Kurt Farrugia għamel rapport falz fuqi, il-pulizija ġew jarrestawni. Kieku vera ugwali, kienu jmorru fenkata l-Imġarr!

Tuesday, May 2, 2017

Titkellem il-whistleblower ta' Egrant - Programm Speċjali

Biex tara l-ewwel parti tal-programm IKKLIKKJA HAWN jew arah hawn taħt:


Biex tara t-tieni parti tal-programm IKKLIKKJA HAWN jew arah hawn taħt:


Biex tara t-tielet parti tal-programm IKKLIKKJA HAWN jew arah hawn taħt:

4 snin ilu ma tilifx lanqas minuta ... issa tilef sena sħiħa

Joseph Muscat fl-2013 ma riedx jitlef imqar minuta biex jibda jaħdem għall-poter, tant li kien bagħat għall-ġurnalisti f'nofsillejl biex inedi l-kampanja elettorali.

Illum, 4 snin wara, Muscat mar għall-elezzjoni sena qabel.

Filli ma jridx jitlef minuta u filli rema sena sħiħa.

Kulħadd f'Malta jaf x'inhi r-raġuni għal din l-għaġġla kollha, għal dan il-paniku, għal din il-kriżi enormi li ħakmitu.

Konferma li l-programm intervista maċ-chairman tal-Bank Pilatus tħassar minn Reno Bugeja

Wara li lbieraħ f'dan il-blog irrapurtajt li TVM ħassar programm li għalih kien mistieden iċ-chairman tal-Pilatus Bank dalgħodu nista' nikkonferma li l-programm tħassar ftit minuti qabel beda b'intervent tal-Kap tal-Aħbarijiet ta' TVM Reno Bugeja.

Il-preżentatur Brian Hansford ikkonferma li l-ordni biex il-programm ma jsirx ingħatat madwar kwarta qabel kien se jibda l-programm, x'ħin iċ-chairman tal-Pilatus Bank kien diġa' fl-istudios ta' TVM.

Ir-raġuni mgħotija minn Bugeja għal din id-deċiżjoni kienet li 'bdiet il-kampanja elettorali'.

Monday, May 1, 2017

Illejla TVM ħassar programm li għalih kien mistieden iċ-chairman tal-Bank Pilatus

Għall-programm Networks tal-lejla fuq ix-xandir tal-istat kellu jkun mistieden iċ-chairman tal-Bank Pilatus Seyed Ali Sadr Hashemineja.

Biex niftiehmu dan Ali Sadr huwa l-Iranjan li għandu wkoll passaporti ta' St Kitts and Nevis, li nqabad ħiereġ bil-bagalji mill-bank fis-satra tal-lejl li fih ħarġet l-istorja li Egrant hija ta' Michelle Muscat.

Sa ftit minuti qabel il-programm il-preżentatur Brian Hansford kien qed jirreklama din l-intervista fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu.

Iżda jidher li xi ħaġa marret żmerċ il-għaliex il-program Networks misterjożament ma sarx u minfloku xxandret ripetizzjoni ta' programm ieħor li m'għandu x'jaqsam xejn.

X'ġara?

Ali Sadr ħarab mill-emergency exit ta' TVM?

Jew kien hemm xi ħadd fil-poter li ma xtaqx li ssir din l-intervista fuq ix-xandir nazzjonali?

Jew forsi din l-intervista kienet irrekordjata u dak li qal Ali Sadr ma daqqx għal widnejn min qed imexxi l-istazzjon nazzjonali llum, cioe Kastilja?

NOTA: Qabel ippubblikajt dan il-blog ċempilt u bgħatt messaġġi lil Brian Hansford biex nistaqsieh x'ġara u għażel li ma jweġibnix.


L-għażla li għandek fit-3 ta' Ġunju

Keith iridna naraw il-billboards ... imma flusu mar jaħbihom il-Panama!

Vote Joseph, get Panama Keith

Kriżi totali: Muscat se jsejjaħ elezzjoni fit-3 ta' Ġunju

It-3 ta' Ġunju 2017: din se tkun id-data tal-elezzjoni ġenerali.

Il-kriżi totali ta' korruzzjoni ġabet fix-xejn ir-rebħa kbira li Joseph Muscat għamel erbgħa snin ilu u issa se jkollu bilfors isejjaħ elezzjoni ġenerali sena qabel iż-żmien.

Joseph Muscat qatt ma kellu l-intenzjoni jew il-ħsieb li jxolji l-Parlament daqshekk kmieni, tant li kemm-il darba ġie kwotat jgħid li l-elezzjoni se jagħmilha f'Marzu 2018.

Żgur ħadd ma kien qed jistenna lanqas li l-elezzjoni ssir fil-mument storiku meta pajjiżna għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Iżda llum jew għada Muscat se jkun qed iħabbar li l-kriżi li ħoloq hu stess ġabitu fi stat li m'għandux għażla oħra biex isalva ġildtu ħlief dik li jdaħħal lill-pajjiż f'kampanja elettorali u elezzjoni ġenerali barra minn żmienha.

Dan se jkun ifisser li l-aħħar żewġ Gvernijiet Laburisti, dak ta' Sant (1996-98) u ta' Muscat (2013-17) mhux se jkun irnexxielhom jagħmlu legiżlatura sħiħa.