Friday, October 27, 2017

Arrestawni minħabba Daphne

Bħal lum 4 snin ilu, kont xogħol l-airport. Kien għada baqali l-aħħar siegħa minn tnax biex intemm ix-xift tiegħi u mmur lura d-dar, mal-familja.
F’daqqa waħda tfaċċa grupp imdaqqas ta’ pulizija li bdew mexjin fid-direzzjoni ta’ fejn jien u l-kollegi tiegħi konna bilqiegħda. Ħsibna li ġara xi ħaġa fuq xi ajruplan għax dak il-ħin ma kienx għad hemm passiġġieri fit-terminal.
Iżda l-mixja tal-pulizija waqfet ħdejna. Bdew iduruna wieħed wieħed u waħda waħda, jitolbuna l-mobile. Lili ħallewni għall-aħħar. Iżda kien biss il-mobile tiegħi li riedu.
Kien ġara li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia u l-kollega tiegħu fil-Ministeru tal-Intern Ramona Attard irraportawni lill-Kummissarju tal-Pulizija. L-akkuża kienet li ħadtilhom ritratt waqt li kienu sejrin lejn Londra u li dar-ritratt bgħattu lil Daphne Caruana Galizia.
Minkejja li m’hemm ebda liġi tipprojbixxi li xi ħadd jieħu ritratt fl-ajruport u minkejja li Daphne Caruana Galizia qatt ma ppublikat ritratt ta’ Farrugia u Attard huma u jsiefru, il-Kummissarju Peter Paul Zammit qagħad fuq li qalulu u minn barra minn Malta (inzerta kien imsiefer) ordna l-arrest immedjat tiegħi u s-sekwestru tal-mobile u ta’ kull apparat elettroniku ieħor li kelli fuqi.

Norman Vella ħiereġ mill-Qorti mal-avukati
Therese Comodini Cachia u Karol Aquilina 
Din hi l-Malta ta’ Joseph Muscat: fejn jiġu jiġru jarrestawk għal ħmerija bħal din iżda r-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers, ir-rapporti tal-FIAU, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni u l-għexieren ta’ stejjer ta’ korruzzjoni u abbużi mxandra f’dawn l-aħħar erbgħa snin jinkinsu taħt it-tapit biex jintesew.
Ħmistax-il ġurnata qabel dan l-arrest, kont ftaħt kawża lill-Prim Ministru Muscat għall-vendikazzjoni politika li għamel miegħi meta temmli l-impjieg mal-istazzjon nazzjonali. Dakinhar iddikjarajt bil-ġurament li dil-vendikazzjoni Muscat kien wegħdieli qabel l-elezzjoni, meta kont mort niltaqa’ miegħu bħala ġurnalist fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
“Għal kull daqqa li nħossu li qed tagħtu lill-Partit Laburista jien se nagħtikom tnejn, b’saħħti kollha, taħt iċ-ċintorin, fejn iweġġa” kien wissiena Muscat meta kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni. Dan huwa l-mod li bih Muscat kien ikellem lill-ġurnalisti li kien iħoss li qed jistaqsu wisq mistoqsijiet.

Qabel xi ħadd jakkużani li qed nivvinta, infakkar li din il-ġrajja kienet konfermata fil-Qorti bil-ġurament minn żewġ xhieda, fosthom l-istess Kurt Farrugia.
Waqt li kont arrestat ħsibt li din kienet it-tpattija ta’ Muscat għax-xhieda tiegħi, li kif mistenni kienet għamlet il-headlines tal-gazzetti kollha. Iżda ma domtx wisq ma ntbaħt li kien hemm iktar minn hekk.
Meta jumejn wara tlajna l-Qorti, kontra tiegħi tela’ l-Kummissarju tal-Pulizija nnifsu. Lanqas fl-iktar każ ikrah ta’ delitt ma jitla’ l-Kummissarju, imma fuq dar-ritratt li qatt m’eżista inħasset il-ħtieġa li jiġi l-Kap tal-Korp tal-Pulizija in persona. U peress illi ta’ dar-ritratt ma kien hemm ebda traċċa mkien, il-Kummissarju Zammit dlonk biddel l-akkuża.
F’daqqa waħda talab lill-Maġistrat tħallieh jaċċessa l-mobile tiegħi biex jinvestiga jekk jien kontx ikkomunikajt b’xi mod ma’ Daphne Caruana Galizia. Lill-Qorti qalilha li ried jiskopri jekk jien kontx is-sors ta’ storja li Caruana Galizia kienet ippubblikat dakinhar tal-arrest. Il-Kummissarju hedded li jekk isib li jien tkellimt ma’ Caruana Galizia, kien se jitlob li nintbgħat massimu ta’ sentejn ħabs u neħel multa ta’ ħamsin elf Ewro!
Norman Vella jpoġġi s-sentenza tal-Qorti fuq l-għatba ta' Kastilja
Għal ftit perspettiva, infakkar li hawn kien qed jitkellem fuq storja mill-aktar banali ta’ żewġ uffiċjali tal-Gvern li qabdu ajruplan għall-Ingilterra u mhux fuq xi każ ta’ korruzzjoni jew xi kumpanija moħbija l-Panama.
Issa kien ċar li l-arrest tiegħi kien ġara minħabba Daphne. Riedu jkunu jafu jekk kontx sors tagħha u riedu jwasslu messaġġ lil kull sors li kellha biex jieqaf jgħaddilha l-informazzjoni.
Il-Maġistrat tat is-sentenza dakinhar stess u lill-Kummissarju Peter Paul Zammit qaltlu ċar u tond li ma kien hemm ebda suspett raġjonevoli li għalih kellu jsir l-arrest u l-pantomima kollha li segwiet.
Fl-2013 din l-istorja kienet waħda mill-iktar moqrija fuq il-gazzetti online. Illum, fir-raba’ anniversarju tagħha, tidher ridikola ħdejn dak kollu li segwa.
Ewlenin fost ħafna oħrajn il-bejgħ taċ-ċittadinanza, il-Cafè Premier, l-art fiż-Żonqor, is-suldat tal-azzar Cyrus Engerer, l-Australia Hall, ix-xufier tal-Ministru li ħareġ jispara fuq karozza, Strada Zekka, Sai Mizzi, karozza bomba wara l-oħra u ħadd ma jinqabad, visas u permessi ta’ residenza bil-korruzzjoni, iż-żjarat fl-Ażerbajġan mingħajr uffiċjali tal-Gvern u ġurnalisti, il-bejgħ tal-isptarijiet lil kumpanija b’sidien moħbija, it-tanker tal-gass u l-bejgħ tal-Enemalta liċ-Ċiniżi, il-Panama Papers, ir-riżenja tad-Direttur tal-FIAU, il-korruzzjoni fil-bini tal-iskejjel, tnejn, tlieta, erbgħa, ħames Kummissarji tal-Pulziija, commissions fuq it-tenders tal-Kunsilli Lokali, Egrant, il-Bank Pilatus, l-elezzjoni ġenerali sena qabel iż-żmien u issa l-assassinju brutali ta’ Daphne Caruana Galizia.
Sentejn ilu ddeċidejt li naħfer lil min għaddieni minn dil-bawxata tal-arrest. Onestament ma sibtiex wisq diffiċli, anke għaliex danni kbar ma sofrejtx u din l-istorja mmotivatni nimpenja ruħi fil-politika.
Ħfirt iva, iżda ma nsejtx. Ikun baħnan min jinsa u min ma jitgħallem xejn dwar il-karattri tal-protagonisti fi storja li jkun għadda minnha. Ma nsejtx u wara dak kollu li ġara nħoss il-bżonn li nfakkar x’ġara meta arrestawni minħabba Daphne.

Tuesday, October 24, 2017

​Illejla l-PBS reġa’ qatel lil Daphne

Fil-jum li fih il-Parlament Ewropew biddel l-aġenda biex wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jiddiskuti l-ħarsien tal-ġurnalisti, tal-libertà tal-istampa u l-espressjoni ħielsa f’Malta; fil-ġurnata li fiha kien hawn f’pajjiżna Kummissjoni Taljana Anti-mafja;
Jumejn biss wara li eluf ta’ Maltin ħonqu t-toroq tal-Belt Valletta jitolbu ġustizzja; wara li s-soċjetà ċivili talbet għat-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali; wara l-protesti spontanji quddiem id-Depot tal-Pulizija; wara d-dibattiti mqanqla li saru fil-Parlament Malti;
U fl-istess waqt li dak kollu li ġara u li qed jiġri f’pajjiżna qed jissemma’ bi prominenza u qed jiġi diskuss u analizzat f’gazzetti, portals, bulettini tal-aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti madwar id-dinja kollha;
Isiru l-għaxra u kwart ta’ filgħaxija, taqliblu fuq l-istazzjon nazzjonali biex tara l-programm ta’ ġrajjiet kurrenti li tipproduċi l-Kamra tal-Aħbarijiet, preżentat minn ħadd ħlief il-Kap tal-istess Kamra tal-Aħbarijiet, u ssib intervista maċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar!
Qlibtlu fuq TVM biex nara l-iktar clips qawwija mid-dibattitu tal-lum fil-Parlament Ewropew, siltiet minn dak li ntqal fil-Parlament Malti matul dil-ġimgħa, intervisti ma’ nies li ħarġu jipprotestaw u analiżi u diskussjoni dwarhom.

Ħsibt li se nara l-ġurnalisti ta’ TVM jiġru għall-kummenti tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali.
Minflok sibt ma’ wiċċi lil Reno Bugeja li bla ebda mistħija ta’ xejn injora kollox u ġab mistieden u ddiskuta suġġett li seta’ ddiskuta f’kull ġurnata oħra tas-sena.
Qtil politiku ieħor, din id-darba b’eluf ta’ xhieda.
Illejla quddiem għajnejn kulħadd, id oħra tal-istat, istituzzjoni oħra mħallsa minn flus il-poplu li d-dmirijiet u l-obbligi tagħha huma biss lejn il-poplu, reġgħet qatlet lil Daphne biex isservi lil min iridna ndawru ħarsitna u ma nitkellmux iktar fuqha u fuq xi jfisser tassew l-assassinju tagħha.

Tuesday, October 17, 2017

L-agħar żmien ta’ pajjiżna

Dan il-blogg kien ippubblikat minn Newsbook


F’pajjiżna m’għandna ebda theddida għal-libertà tal-espressjoni; m’għandna ebda theddida għas-saltna tad-dritt; m’għandna ebda theddida għad-demokrazija.
Dak li qed ngħixu llum m’għadux aktar theddid. Dan huwa ż-żmien li fih dan it-theddid qed jitwettaq, bl-iktar mod vili, bl-iktar mod oxxen u issa bl-iktar mod vjolenti immaġinabbli. U qed jitwettaq fid-deher, fid-dawl tax-xemx, f’wiċċ kulħadd, mingħajr ebda mistħija, mingħajr ebda skruplu ta’ xejn.
Id-dinja kollha llum qed tħares lejn pajjiżna bħala pajjiż li fih ġurnalista tista’ tinqatel bl-iktar mod spettakolari possibbli, biex joqtluha u kulħadd jara, biex ibiċċruha u kulħadd jitwerwer, biex jeliminawha u kulħadd jiskot.
Id-dinja kollha qed tara stat Malti li naqas bil-goff fid-dover tiegħu li jipprevjeni li dan iseħħ. U qed tara li għal darb’oħra ebda responsabbiltà mhi se tinġarr, minn ħadd.
Din hija l-istess dinja li fl-aħħar snin kull meta lemħet isem Malta fil-midja, ratu assoċjat ma’ skandli ta’ nies li l-ewwel ħaġa li għamlu malli ħadu l-poter kienet li marru jiftħu kumpaniji sigrieti fejn jinħbew il-flus. U waqt li dawk kollha li ċappsu lil pajjiżna b’din it-tebgħa għadhom poġġuti fuq it-tron tal-poter, il-ġurnalista li kixfithom, ilbieraħ poġġiet fuq bomba li tertqitha biċċiet u li magħha tertqet biċċa minna lkoll.
Żmien agħar minn dan f’pajjiżna jien m’għixtu qatt.
Għax il-mistoqsija li qed nagħmlu llum m’għadhiex jekk aħniex ngħixu f’pajjiż normali jew le.  Il-mistoqsija hija jekk dan li qed ngħixu sarx in-‘normali’ ta’ pajjiżna. U t-tweġiba tkexkixni aktar mix-xena li rajt ilbieraħ fil-Bidnija.
Għax dak li d-dinja mhix qed tara u qed nilmħu aħna li ngħixu hawn hija dik in-nofs tbissima fuq fomm xi wħud li ddardarlek l-istonku. Konna ħsibna li missejna l-qigħ meta rajna grupp ta’ nies jiċċelebraw quddiem bank protagonist fi storja ta’ ħasil ta’ flus. Mur għidilna li ftit xhur wara kien se jkun hemm min fostna se jasal jiċċelebra anke assassinju feroċi.
U meta dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jaslu anke minn Surġent tal-Korp tal-Pulizija, tasal il-konferma krudili ta’ dak li tassew hu pajjiżna llum. Meta quddiem xeni bħal dawn issib min jgħidlek ‘imma’ jew ‘stednitha’ tibda taqta’ qalbek mill-iktar valuri bażiċi li tkun mingħalik kulħadd xorob mal-ewwel treddiegħ t’ommu.
Iqabbadni l-bard il-ħsieb li rrid inrabbi lil uliedi f’pajjiż hekk, f’soċjetà li tista’ b’xi mod tasal taċċetta jekk mhux tiġġustifika jew tapprova dan kollu.
Kont għadni nilbes il-ħarqa dakinhar tat-Tnejn l-iswed tal-1979. Meta ħafna snin wara, f’żogħżiti, xejjirt il-bandiera Maltija flimkien mal-bandiera tal-Unjoni Ewropea kont ċert li l-Malta ta’ tfuliti kienet saret biss rikordju li se nkun nista’ nerġa’ ngħixu biss fil-kotba tal-istorja.
Iżda kont żbaljat.
F’għajnejn id-dinja llum pajjiżna sar jixbaħ aktar lil dawk il-pajjiżi ddominati mill-kriminalità organizzata fejn l-istat huwa assenti għax kompliċi jew impotenti. F’għajnejna jista’ biss ikollna dmugħ u rabja għal dan li huwa l-agħar żmien ta’ pajjiżna.

Saturday, October 14, 2017

Passport Junkies: is-surplus li ma jeżistix

Dan il-blogg kien ippubblikat minn Newsbook

Fil-Budget sirna nafu li s-surplus li tant ilu jiftaħar bih il-Gvern jiddependi fuq kemm jirnexxielna nbiegħu passaporti. Fi żmien li fih l-ekonomija dinjija rkuprat mill-ikbar kriżi finanzjarja tal-aħħar mitt sena u bil-prezz taż-żejt fiss f’livell baxx, ir-riċetta mlaqqma Muscatonomics ġabet lill-pajjiżna dipendenti fuq kemm jirnexxielna nsibu multi-miljunarji lesti jħallsu għal passaport li jiftħilhom il-bibien tal-Unjoni Ewropea.

Aħna u nagħmlu l-kontijiet ma rridux ninsew li dawn huma s-snin li matulhom pajjiżna għandu biljun, mija u tmienja u għoxrin miljun Ewro x’jonfoq u x’jinvesti minn fondi Ewropej li nnegozja Gvern Nazzjonalista lejliet l-elezzjoni tal-2013.
Dan huwa wkoll żmien li fih il-Gvern fetaħ idejh bħal qatt qabel għall-iżvilupp, bil-prezzijiet tal-propjetà u tal-kirjiet jisplodu ‘l fuq.
Realtà oħra ta’ dan iż-żmien hija n-numru rekord ta’ ħaddiema barranin li qed jipproduċu, jħallsu t-taxxa, jikru l-propjetà u jonfqu ħafna minn flushom f’pajjiżna.
Dawn il-fatturi, flimkien ma’ oħrajn, jirriżultaw fi tkabbir tal-ekonomija. Iżda issa sirna nafu li dan it-tkabbir mhux iservina biex insostnu l-ispiża tal-Gvern.

Minkejja l-ftaħir kollu minn fuq il-podium armat quddiem Kastilja, Muscat u Scicluna qed ikollhom jistennew lil xi proxxmi jixtru passaport Malti għalihom u għal qrabathom biex jibbilanċjaw il-kotba.
Waqt li l-bumbardament minn reklami tas-surplus ineżistenti u ta’ ekonomija li issa nafu hija addict ta’ skema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza ma jaqta' xejn, aħna u nħarsu madwarna ħlief deficit ma narawx, minn x’ħin niftħu għajnejna filgħodu sa x’ħin nagħlquhom tard filgħaxija.
Għandna deficit fit-toroq tagħna, bit-traffiku jiżdied b’mod eżaġerat u bil-Gvern jirrispondi billi jċekken ftit roundabouts u jagħti ftit biljett tal-linja b’xejn.
Għandna deficit fl-infrastruttura fejn il-Gvern waqaf jinvesti u l-uniċi proġetti li għadek tara huma investiment fil-kruha u f’inqas spazji miftuħa, bl-uniku skop tagħhom ikun li jitħaxxnu l-bwiet tal-ftit.
Għandna deficit fl-iskejjel. Mhux talli lanqas għadna kapaċi nibnu skola ġdida fis-sena, talli l-Gvern lanqas għadu kapaċi jwettaq dak li jippjana hu stess. Għandna deficit anke fil-klassijiet, fejn lanqas għadna nsibu għalliema biex jgħallmu lil uliedna.
Għandna deficit kbir fl-ambjent, mhux biss fl-ambjent naturali, imma anke fl-ambjent fl-irħula u fl-ibliet tagħna. Fejn huma l-investiment fi spazji u ġonna pubbliċi ġodda, bankini u postijiet oħra ta’ rikrejazzjoni għall-familji?
Għandna deficit saħansitra fl-iskart li wasslitna f’sitwazzjoni fejn ma nafux x’se naqbdu nagħmlu bl-iskart li se nkunu qed nipproduċu għada u pitgħada.
Għandna deficit anke fil-fama u fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. U jekk nibdew nitkellmu fuq id-deficit li ħolqot din l-amministrazzjoni fil-governanza u fis-saltna tad-dritt ikollna nagħmlu diskors ferm itwal minn dak moqri mill-Ministru Scicluna nhar it-Tnejn fil-Parlament.
Għandna deficit fil-bwiet tal-familji li jaqilgħuha u jiekluha bi prezzijiet dejjem jogħlew tal-ikel u tal-bżonnijiet essenzjali ta’ kuljum. Għandna deficit soċjali li qed jherri s-sinsla tas-soċjetà tagħna.
Għandna deficit fil-futur, b’ebda viżjoni għas-suq tax-xogħol u għall-ekonomija ta’ għada.
Imma l-aqwa li Muscat u Scicluna jieħdu injezzjoni ta’ flus mill-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza u bi tbissima jgħidulna li dan hu l-aqwa żmien għax għandna surplus li fil-fatt ma jeżistix. Jekk jew b’hekk x’ħin jgħaddi l-effett ta’ dawn l-injezzjonijiet u l-junkie jibda ġej f’sensieh u jara d-dinja kif fil-fatt hi, huma jkunu daħlu fil-kotba tal-istorja.

Saturday, October 7, 2017

Don Quixote u l-leave għall-IVF

Dan il-blogg kien ippubblikat minn Newsbook

Hemm bosta raġunijiet li għalihom nisa u koppji li jixtiequ jsiru ġenituri jirrikorru għal IVF barra minn xtutna. Aktar iva milli le, dawn ir-raġunijiet ikunu marbuta mal-limitazzjonijiet li tipprovdi l-liġi li ilha tirregola din il-proċedura medika għal dawn l-aħħar ħames snin.

Iva, sewwa qrajt: ħames snin. Qabel l-2012 ma kellniex liġi li tirregola x’jista’ u x’ma jistax isir f’pajjiżna. Dan ifisser li dak kollu li llum hawn min qed iwerwer lin-nies minnu, taħt gvernijiet immexxija mill-PN seta’ jsir bla ebda problema u bla ebda konsegwenza.

Mhux qed ngħid li kull ma jsir f’pajjiżi oħra huwa tajjeb jew li m’għandux ikun hemm diskussjoni serja dwaru, speċjalment fuq livell etiku u morali. Iżda huwa stat ta’ fatt li kien biss fl-aħħar ġimgħat tal-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni ġie approvat fil-Parlament u l-IVF ġie regolat.

Lura għal-lum, hawn min minħabba dak li jipprovdi dan l-Att ma jistax jagħmel IVF b’suċċess hawn Malta. Fost dawn issib min jirrassenja ruħu. Iżda ssib ukoll oħrajn li jonfqu flejjes kbar u jirrikorru għal din il-proċedura barra minn Malta, f’pajjiżi fejn hemm liġijiet differenti li jippermettu affarijiet li hawn huma projbiti.

Ir-riżultat ta’ dawn il-proċeduri li f’pajjiżna huma llegali huwa li dawn in-nisa u dawn il-koppji Maltin isiru ġenituri.

Kemm ilni nsegwi d-dibattiti dwar din l-issue qatt ma smajt lil ħadd jargumenta li lil dawn l-ommijiet ġodda għandna narrestawhom u nressquhom il-Qorti malli jaslu lura Malta! Lanqas qatt ħadd ma qal li għandna nċaħħdu lit-trabi tagħhom miċ-ċittadinanza Maltija sempliċiment għax kienu konċepiti bi proċedura medika li f’Malta hija llegali!

Bil-maqlub, dawn l-ommijiet dejjem ibbenefikaw mid-drittijiet kollha li għandhom l-ommijiet l-oħra, inkluż il-leave tal-maternità u inċentivi oħra li joħorġu mil-liġi tax-xogħol u liġijiet oħrajn.
Allura skantajt mhux ftit meta qrajt li hemm min irid li l-mitt siegħa leave żejda li se jkunu qed jingħataw il-ħaddiema li jkunu għaddejin minn proċedura ta’ IVF, ma jingħatawx indiskriminatament lill-ġenituri prospettivi kollha.
Mozzjoni mressqa mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista prattikament trid iċċaħħad dan il-leave lill-koppji tal-istess sess, lil nisa single u lil koppji oħrajn li jeħtieġu trattament differenti minn dak permess mil-liġi Maltija.
Fl-istess nifs li qed iressaq din il-mozzjoni, il-kelliem tal-Grupp ġie kwotat jgħid li ma jrid iċaħħad lil ħadd milli jkollu l-ulied. Bħal dak li qallu li hawn xi ħadd qed jistenna l-permess ta’ xi politiku jew ieħor biex jagħmel appuntament ma’ klinika barra minn Malta, jaqbad ajruplan u jagħmel IVF!
Argument ieħor li sar kien li m’għandniex ngħinu lil min jirrikorri għal IVF b’reġim legali differenti min tagħna. Għax tafu intom, mara li bi ħsiebha tonfoq ġidha, tagħmel disgħa xhur tqala, twelled u trabbi tarbija se taqta’ qalba għax ma jkollhiex mitt siegħa leave mix-xogħol!
Ovvjament il-Gvern se jibqa’ għaddej b’dan l-Avviż Legali u l-uniku skop li se jkun intlaħaq minn min qed jopponih se jkun ġlieda oħra bla bżonn mitlufa fuq kull front.
Ma narax li hemm loġika politika u prattika li tista’ twassal biex partit jipprova jċaħħad lill-ħaddiema minn dritt li se jingħatalhom biex jiffaċilitalhom ħajjithom f’mument daqstant delikat.

Partit politiku m’għandux jirrendi ruħu bħall-karattru Don Quixote li kien mingħalih qed jiġġieled u jegħleb għadu kbir u feroċi, waqt li kulħadd kien qed jiddieħek bih jarah jissara ma’ sempliċi mitħna tar-riħ.
Naf li hemm bosta Deputati Nazzjonalisti li bħali ma jsibu ebda oġġezzjoni għal dan l-Avviż Legali.

Fl-aħħar mill-aħħar dawn huma l-istess nies li daħħlu fil-Kostituzzjoni l-prinċipju li ħadd m’għandu jkun diskriminat minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jew tagħha.
Dawn id-Deputati għandhom jingħataw l-ispazju kollu biex jesprimu ruħhom kemm bil-fomm u kif ukoll bil-vot tagħhom fil-Parlament. Jeħtieġ li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jirrappreżenta l-ilwien kollha tas-soċjetà tagħna.