Hemm bosta raġunijiet li għalihom nisa u koppji li jixtiequ jsiru ġenituri jirrikorru għal IVF barra minn xtutna. Aktar iva milli le, dawn ir-raġunijiet ikunu marbuta mal-limitazzjonijiet li tipprovdi l-liġi li ilha tirregola din il-proċedura medika għal dawn l-aħħar ħames snin.
Iva, sewwa qrajt: ħames snin. Qabel l-2012 ma kellniex liġi li tirregola x’jista’ u x’ma jistax isir f’pajjiżna. Dan ifisser li dak kollu li llum hawn min qed iwerwer lin-nies minnu, taħt gvernijiet immexxija mill-PN seta’ jsir bla ebda problema u bla ebda konsegwenza.
Mhux qed ngħid li kull ma jsir f’pajjiżi oħra huwa tajjeb jew li m’għandux ikun hemm diskussjoni serja dwaru, speċjalment fuq livell etiku u morali. Iżda huwa stat ta’ fatt li kien biss fl-aħħar ġimgħat tal-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni ġie approvat fil-Parlament u l-IVF ġie regolat.
Lura għal-lum, hawn min minħabba dak li jipprovdi dan l-Att ma jistax jagħmel IVF b’suċċess hawn Malta. Fost dawn issib min jirrassenja ruħu. Iżda ssib ukoll oħrajn li jonfqu flejjes kbar u jirrikorru għal din il-proċedura barra minn Malta, f’pajjiżi fejn hemm liġijiet differenti li jippermettu affarijiet li hawn huma projbiti.
Ir-riżultat ta’ dawn il-proċeduri li f’pajjiżna huma llegali huwa li dawn in-nisa u dawn il-koppji Maltin isiru ġenituri.
Kemm ilni nsegwi d-dibattiti dwar din l-issue qatt ma smajt lil ħadd jargumenta li lil dawn l-ommijiet ġodda għandna narrestawhom u nressquhom il-Qorti malli jaslu lura Malta! Lanqas qatt ħadd ma qal li għandna nċaħħdu lit-trabi tagħhom miċ-ċittadinanza Maltija sempliċiment għax kienu konċepiti bi proċedura medika li f’Malta hija llegali!
Bil-maqlub, dawn l-ommijiet dejjem ibbenefikaw mid-drittijiet kollha li għandhom l-ommijiet l-oħra, inkluż il-leave tal-maternità u inċentivi oħra li joħorġu mil-liġi tax-xogħol u liġijiet oħrajn.
Allura skantajt mhux ftit meta qrajt li hemm min irid li l-mitt siegħa leave żejda li se jkunu qed jingħataw il-ħaddiema li jkunu għaddejin minn proċedura ta’ IVF, ma jingħatawx indiskriminatament lill-ġenituri prospettivi kollha.
Mozzjoni mressqa mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista prattikament trid iċċaħħad dan il-leave lill-koppji tal-istess sess, lil nisa single u lil koppji oħrajn li jeħtieġu trattament differenti minn dak permess mil-liġi Maltija.
Fl-istess nifs li qed iressaq din il-mozzjoni, il-kelliem tal-Grupp ġie kwotat jgħid li ma jrid iċaħħad lil ħadd milli jkollu l-ulied. Bħal dak li qallu li hawn xi ħadd qed jistenna l-permess ta’ xi politiku jew ieħor biex jagħmel appuntament ma’ klinika barra minn Malta, jaqbad ajruplan u jagħmel IVF!
Argument ieħor li sar kien li m’għandniex ngħinu lil min jirrikorri għal IVF b’reġim legali differenti min tagħna. Għax tafu intom, mara li bi ħsiebha tonfoq ġidha, tagħmel disgħa xhur tqala, twelled u trabbi tarbija se taqta’ qalba għax ma jkollhiex mitt siegħa leave mix-xogħol!
Ovvjament il-Gvern se jibqa’ għaddej b’dan l-Avviż Legali u l-uniku skop li se jkun intlaħaq minn min qed jopponih se jkun ġlieda oħra bla bżonn mitlufa fuq kull front.
Ma narax li hemm loġika politika u prattika li tista’ twassal biex partit jipprova jċaħħad lill-ħaddiema minn dritt li se jingħatalhom biex jiffaċilitalhom ħajjithom f’mument daqstant delikat.
Partit politiku m’għandux jirrendi ruħu bħall-karattru Don Quixote li kien mingħalih qed jiġġieled u jegħleb għadu kbir u feroċi, waqt li kulħadd kien qed jiddieħek bih jarah jissara ma’ sempliċi mitħna tar-riħ.
Partit politiku m’għandux jirrendi ruħu bħall-karattru Don Quixote li kien mingħalih qed jiġġieled u jegħleb għadu kbir u feroċi, waqt li kulħadd kien qed jiddieħek bih jarah jissara ma’ sempliċi mitħna tar-riħ.
Naf li hemm bosta Deputati Nazzjonalisti li bħali ma jsibu ebda oġġezzjoni għal dan l-Avviż Legali.
Fl-aħħar mill-aħħar dawn huma l-istess nies li daħħlu fil-Kostituzzjoni l-prinċipju li ħadd m’għandu jkun diskriminat minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jew tagħha.
Fl-aħħar mill-aħħar dawn huma l-istess nies li daħħlu fil-Kostituzzjoni l-prinċipju li ħadd m’għandu jkun diskriminat minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jew tagħha.
Dawn id-Deputati għandhom jingħataw l-ispazju kollu biex jesprimu ruħhom kemm bil-fomm u kif ukoll bil-vot tagħhom fil-Parlament. Jeħtieġ li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jirrappreżenta l-ilwien kollha tas-soċjetà tagħna.
No comments:
Post a Comment