Tuesday, February 28, 2017

Mhux Għax Jimpurtani - 28 ta' Frar 2017

IKKLIKKJA HAWN biex tara l-ewwel parti tal-programm, jew araha hawn taħt:


IKKLIKKJA HAWN biex tara t-tieni parti tal-programm, jew araha hawn taħt:


IKKLIKKJA HAWN biex tara t-tielet parti tal-programm, jew araha hawn taħt:


IKKLIKKJA HAWN biex tara r-raba' parti tal-programm, jew araha hawn taħt:

Friday, February 24, 2017

"Simon Busuttil vjolenti" Franco Mercieca mwerwer

Maqbud fit-traffiku tal-ħamsa ta' wara nofsinhar, ilbieraħ iddeċidejt li nisma' ftit l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista.

Kien qed jitkellem id-Deputat Laburista Għawdxi Franco Mercieca, dak li wara li ġie elett b'numru sabiħ ta' voti nħatar Segretarju Parlamentari imma mbagħad ħaseb li jkun aħjar għalih li jerġa' lura għall-professjoni tiegħu. Biex niftiehmu, illum Mercieca minflok l-paga miżera ta' Segretarju Parlamentari għandu dħul ħafna ikbar mill-professjoni tiegħu, l-onorarja tal-Parlament u xi ħaġa extra pocket money talli jippresjedi l-Kumitat tal-Parlament dwar l-Ambjent.

Mela fuq is-Super One dan Franco Mercieca nstema' mwerwer minn kif qed iġib ruħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, tant li sejjaħlu 'vjolenti'.

Komplejt nisma' biex nipprova nifhem x'qed jgħid. Għal mument ħsibt li kien Simon Busuttil li qam jhedded lil xi Membru Parlamentari li se 'jmur għaliha u jifqagħha'.

Imbagħad ftakart li dak kien Deputat ieħor tal-Labour!

Franco Mercieca kompla jispjega. "Simon Busuttil" qalilna "għamel att vjolenti meta fil-Parlament qatta l-kuntratti tal-enerġija!" Ovvjament kien qed jgħid għal dawk il-gozz karti bojod li tant għamlulhom linji suwed li ġabuhom qishom zebra crossing jew flokk tal-Juventus.

X'ħin smajt din l-istqarrija tal-Onorevoli Mercieca ripetuta għal darbtejn, tlieta, tant bdew jinqalbuli għajnejja li għal ftit ma kellix impatt 'vjolenti' mal-karozza ta' quddiemi! Ħtija tiegħi. Qatt m'għandek tisma' s-Super One u ssuq fl-istess ħin.

Thursday, February 23, 2017

Lanqas bi ħlas ma rnexxielu jsib lil min imur iċapċaplu

F'Settembru li għadda Saviour Balzan beda jirreklama biex isib ponn nies lesti jissagrifikaw sagħtejn minn ħajjithom biex imorru jsegwu l-programm il-ġdid li kien se jibda jagħmel fuq TVM live mill-istudio.

Fir-reklam Saviour Balzan ħabbar li dawk li kienu se jmorru jċapċaplu fl-istudio kienu se jitħallsu.

Wara li rrapurtajt din l-istorja, niftakar li Saviour kien ċempilli u fost ħafna tgħajjir u insulti, ikkjarifika li lill-udjenza kien se jħallasha hu minn butu u mhux mill-flus tal-PBS.

Iżda ġara li wara ftit programmi Saviour ma baqa jsib lil ħadd biex imurlu fl-istudio. Issa għandu l-provi li lanqas bi ħlas ma jissaportuhom il-programmi tiegħu!


Sunday, February 19, 2017

Job ta' €104,000 fis-sena, €8,666 fix-xahar jew €2,000 fil-ġimgħa għas-Segretarja Internazzjonali tan-Nisa Laburisti Carmen Ciantar

Meta tinzertaha fuq xi programm tal-istazzjon Laburista u tismagħha tgħidlek kemm hu kbir u kemm hu tajjeb il-Gvern u l-Prim Ministru tiegħu Joseph Muscat, oħroġ l-islippa tal-paga tiegħek, qabbilha ma' tagħha, aħdem id-differenza u żgur tifhem aħjar x'hemm wara dak il-kliem sabiħ.

The Sunday Times dalgħodu rrapurtat li Carmen Ciantar qed titħallas €104,000 fis-sena, li jiġu €8,666 fix-xahar jew €2,000 fil-ġimgħa għax-xogħol mogħti lilha mill-Gvern ta' Joseph Muscat, dak ta' Kap Eżekuttiv tal-FMS.

Dan ifisser li Ciantar, li hija wkoll is-Segretarja Internazzjonali tan-Nisa Laburisti, qed titħallas id-doppju ta' kemm jitħallas Ministru tal-Gvern.

Ovvjament meta ngħid li qed titħallas 'id-doppju ta' Ministru tal-Gvern' mhux qed nirreferi għal dak il-Ministru li ntrabat li jiddepożita miljun Ewro fis-sena fil-Panama. Dak każ għalih!

Il-labra li nefħet il-bużżieqa

Dalgħodu minn Kastilja marru jagħtu labra lill-Malta Today biex jippruvaw jifqgħu l-bużżieqa 'Egrant'.

Dalgħodu, ftit sigħat qabel il-protesta nazzjonali organizzata mill-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta. Dalgħodu, lejliet il-laqgħa f'Malta tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu Panama Papers,

L-ispekulazzjoni dwar ta' min hi jew 'ta' min tista' tkun jekk mhux ta'...' din it-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama ilha għaddejja u ilha tkidd lill-Gvern ta' Joseph Muscat u lil Joseph Muscat innifsu.

Egrant, il-kumpanija fil-Panama identika għall-kumpaniji sigrieti ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri. Egrant, il-kumpanija li isem sidha tant hu importanti li ma setax jinkiteb u kellu jingħad fuq Skype.

Iżda ġara li minflok il-bużżieqa nfaqgħet, il-bużżieqa iktar kompliet tintefaħ. Il-labra ta' Kastilja ħadmitilhom bil-kontra.

L-uniku effett tal-gidba banali u evidenti ppubblikata dalgħodu mill-Malta Today kien li s-suspetti raġunati tan-nies komplew jissaħħu aktar.

IL-PROVA TAL-GIDBA: Ara l-email li tgiddeb lil Brian Tonna u miegħu, lil Joseph Muscat

Miktuba ċara u tonda, iswed fuq l-abjad:

"Is-sid ta' Egrant MHUX se jkun Nexia BT (ta' Brian Tonna). Se jkun individwu u se nkellem lil Luis bi Skype biex nagħtih aktar dettalji"


Egrant: gidba ħoxna u evidenti

Lejliet li f'pajjiżna se jiltaqa' l-Kumitat tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu Panama Papers, il-Gvern Laburista qed jipprova joqtol is-suspetti dwar is-sid misterjuż tal-kumpanija 'Egrant' li dwaru min hu, għal bosta raġunijiet, hemm ħafna suspetti.

Dalgħodu l-gazzetta ta' Saviour Balzan 'Malta Today' ippubblikat email li suppost tikkonferma li s-sid ta' 'Egrant' huwa Brian Tonna, l-accountant u sid ta' Nexia BT li fetħet il-kumpaniji fil-Panama lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Huwa evidenti li din l-email hija gidba ħoxna li tista' titwemmen biss minn min għandu livell ta' intelliġenza inferjuri għal tat-tiġieġa li bi ħsiebni niekol f'nofsinhar ma' ftit patata l-forn u kisra ħobż tal-Malti.

Is-sid veru ta' Egrant għadu mhux magħruf għax ismu qatt ma nkiteb fl-emails li nqabdu fl-Panama Papers. Ir-raġuni għal dan hija li Karl Cini (partner tal-istess Brian Tonna f'Nexia BT u l-persuna li fetaħ il-kumpaniji ta' Mizzi u Schembri) deherlu li dan l-isem tant għandu jibqa' riservat li ma setax jiktbu imma kkomunikah bil-vuċi fuq Skype.

Hawn xi ħadd jiblagħha li din ir-riservatezza kollha kienet meħtieġa għal Brian Tonna? Ma naħsibx li hawn min hu daqshekk ċuċ.

Iżda lil dawk il-ftit li jibilgħu kollox ngħidilhom li isem Brian Tonna jinsab fil-Panama Papers għax issemma meta vera infetħet kumpanija oħra għalih fil-BVI. Għal din il-kumpanija ma ntuża ebda Skype. Isem Brian Tonna inkiteb iswed fuq l-abjad.

Lanqas kieku m'għandniex dawn il-fatti f'idejna, huwa ovvju li kieku vera Egrant inxtrat għal Brian Tonna, ma kien ikun hemm ebda ħtieġa li dan l-isem jinżamm mistur għal sena sħiħa. Kieku kienu jitkellmu minnufih u kienu joqtlu l-ispekulazzjoni kollha sa mill-ewwel ġurnata.

Nota żgħira wkoll dwar l-email li qed tikkwota l-Malta Today, li tajjeb wieħed jinnota li ntbgħatet biss tlett iiem ilu.

Din l-email hija ffirmata minn Ricardo Samaniego ta' Mossack Fonseca. Dan huwa l-istess persuna li nstab li ffirma minuti foloz!

Friday, February 17, 2017

Jien minix Daphne...

...u din hija l-istorja tiegħi, ġurnalist fuq l-istazzjon tal-iStat Malti, fil-qosor.

Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali l-Prim Ministru Joseph Muscat (dakinhar Kap tal-Oppozizzjoni) għedded lili u lil ġurnalist ieħor li għal kull daqqa li jħoss li se nagħtu lill-partit tiegħu se jkun qed jagħtina lura tnejn b'saħħtu kollha, taħt iċ-ċintorin, fejn iweġġa.

Sa mill-għada tar-rebħa elettorali, il-Gvern Laburista beda jaħdem biex ikeċċini mix-xogħol tiegħi fuq l-istazzjon nazzjonali.

Dan minkejja li r-rekord tiegħi kien impekkabbli (qatt, ebda partit, inkluż il-Partit Laburista, ma lmenta dwari) u minkejja li l-programm ta' ġrajjiet kurrenti ta' kuljum li kont bdejt nipproduċi u nippreżenta ftit xhur qabel fuq l-istazzjon nazzjonali kien qed jagħmel is-suċċess mixtieq.

Dan minkejja li ħadd (kif irriżulta anke minn xhieda fil-Qorti) fit-tmexxija tal-istazzjon nazzjonali, inkluż dawk appuntati mill-Gvern Laburista, ma talbu jew ma xtaqu li jiena nitneħħa.

L-unika ħtija tiegħi kienet, kif qalli xi ħadd qrib tal-Prim Ministru, li miegħi 'ma tirranġax'. Darba din il-persuna sabitni u qaltli li jekk irrid inżomm xogħoli fil-PBS, naf x'għandi nagħmel biex nieħu ħsiebu. Ir-risposta tiegħi kienet li ġurnalist li jieħu ħsieb lill-poter biex 'jieħu ħsieb xogħolu' ikun tilef xogħolu minnufih u miegħu d-dinjita`.

U r-risposta ta' Joseph Muscat kienet id-daqqiet taħt iċ-ċintorin u t-tkeċċija.

Tliet xhur wara jiena ftaħt kawża kontra l-Prim Ministru dwar din l-istess tkeċċija. Jgħaddu ftit jiem u l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-istess Joseph Muscat u kollega tiegħu ordnaw lill-Pulizija biex jarrestawni u jissekwestrawli ħwejġi (mobile phone u tablet) fl-ajruport internazzjonali ta' Malta (fejn kont bdejt naħdem) bl-iskuża li kont ħadtilhom ritratt f'post pubbliku, liema ritratt lanqas biss jeżisti.

Ovvjament, il-Pulizija obdew. U mistagħġbin kemm dakinhar Joseph Muscat kien ferħan u paxxut u kemm ċempel nies jiftaħar b'li kien ġara.

Ftit tal-jiem wara l-Qorti ddikjarat li ma kien hemm ebda 'suspett raġunat' li jien dakinhar stajt ikkommettejt xi reat, ħelsitni minn kull akkuża u ordnat li l-mobile u t-tablet jingħatawli lura.

L-arrest kien biss vendikazzjoni oħra maħsuba u magħġuna minn nies f'Kastilja li l-uniku intenzjoni tagħhom kienet li jbeżżgħu u jintimidaw lil kull min jażżarda jgħolli rasu u jieqfilhom.

Dan huwa l-mod kif il-Gvern Laburista jimxi ma' ġurnalist li jrid ikun biss ġurnalist, li mhux lest jinxtara u li mhux lest jilgħaqlu l-warrani.

Bija, fil-bidu tat-treġija tiegħu, Joseph Muscat ried jibgħat messaġġ ċar lill-ġurnalisti kollha. Il-ġurnata minn filgħodu turik.

European Federation of Journalists, International Federation of Journalists, International Press Institute, Index on Censorship and Committee to Protect Journalists please note.

Nota tal-aħħar. Wara dawn l-esperjenzi koroh jiena sseħibt politikament u ġurnalistikament mal-uniku partit politiku f'Malta li jista' jneħħi lil Joseph Muscat u lil sħabu (ħafna minnhom maqbuda fi skandli oxxeni ta' korruzzjoni) mis-siġġijiet tal-poter.

Sunday, February 12, 2017

Il-kumpanija Brażiljana, Konrad Mizzi, Keith Schembri u Mr Egrant

Tiftakruh il-billboard tal-Labour b'Lawrence Gonzi bil-flokk tal-Brażil b'qagħqa kbira fuq dahru? Kif tista' tinsieh!

Dan kien sar wara li Gonzi kien ħabbar investiment mill-kumpanija Brażiljana Odebrecht f'pajjiżna, liema investiment imbagħad irriżulta li kien wieħed żgħir ħafna li ma damx wisq fostna.

F'dawn il-ġimgħat isem din il-kumpanija tfaċċa bi prominenza fl-aħbarijiet internazzjonali b'rabta ma' skandlu kbir ta' korruzzjoni.

U balleċ, ma taqtgħux lil min arrestaw fil-Panama b'rabta ma' dan l-iskandlu?

Lil ħadd ħlief Juergen Mossack u Ramon Fonseca, is-sidien ta' Mossack Fonseca, l-istess nies li fetħu l-kumpaniji fil-Panama ta' Konrad Mizzi, Keith Schembri u Mr Egrant.

Dan ifisser li l-korrotti ta' Odebrecht fil-Brazil - li waqqgħu għaċ-ċajt lill-Prim Ministru Gonzi ftit ġimgħat qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali - huma klijenti tal-istess kumpanija korrotta (Mossack Fonseca) li tagħha huma klijenti il-Ministru Konrad Mizzi, Keith Schembri u Mr Egrant. Kumbinazzjoni?

Saturday, February 11, 2017

Politiċi mwerwrin

Qed jingħad li xi politiċi u oħrajn li jaspiraw li jkunu politiċi jinsabu xi ftit (jew ħafna) imħassbin u mwerwrin. (Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri kitbet xi ħaġa f'dan is-sens f'Talking Point fit-Times tal-lum.)

Fhimt li dawn qed jinkwetaw li xi darba jkunu f'xi burdell jew fil-kumpanija ta' nies b'rekord kriminali jew x'imkien f'sakra ma jarawx art (per eżempju) u xi ħadd jarahom u minflok jibda' jkanta 'rajt ma rajtx, smajt ma smajtx' iċempel lil xi ġurnalist biex ixandarhom mal-erbat irjiħat ta' Malta u Għawdex.

Deborah Schembri trid tagħmel liġijiet biex tipproteġi lill-politiċi.
Bil-maqlub tagħhom, jien ninkwieta jekk min jarahom minflok iċempel lill-ġurnalist iċempel lilhom, jgħidilhom li ra kollox u jisfrutta din l-informazzjoni biex jakkwista xi ħaġa għalih jew għal oħrajn qrib tiegħu.

Ovvjament dan se jkun qed jakkwistaħ minn dak li hu tal-pubbliku, permezz tal-poter li għandu l-politiku, poter li fdajnielu aħna bil-vot tagħna.

F'tebqa t'għajn, minħabba l-imġieba li dan il-politiku jrid jaħbi mill-votanti tiegħu, dan il-poter jgħaddi f'idejn din il-persuna misterjuża li l-uniku mertu tagħha huwa li nzertat fil-post it-tajjeb, fil-ħin it-tajjeb (jew il-ħażin, skont minn fejn taraha!).

M'għandniex xi ngħidu, hemm oħrajn li jkollhom dal-poter fuq il-Ministru. Fl-eżempji li semmejt hemm il-prostituti, min iħaddimhom, il-kriminali, is-sidien tal-postijiet, min jaħdem hemm u nista' nkompli nsemmi.

Għaldaqstant min jaspira li jgħix tip ta' ħajja li teħtieġ ħafna ħabi, il-politika u l-karigi pubbliċi m'għandux xi jridhom. Dawn il-karigi jġibu magħhom ħafna responsabbilta` u din ir-responsabbilta` trid tinġarr kullimkien u l-ħin kollu. Daqshekk hija sempliċi.