Il-vot huwa sigriet. Liema
kaxxa nimmarkaw fuq dik il-karta hija xi ħaġa li nkunu nafu aħna biss.
Għaldaqstant dak li ngħidu li se nagħmlu jew li għamilna jista’ jitwemmen u
jista’ ma jitwemminx.
Malli ħabbar id-data
tar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa l-Prim Ministru Joseph Muscat
qalilna li hu se jivvota favur il-kaċċa. Jien ma nemmnux. Konvint li Muscat se
jivvota KONTRA l-kaċċa.
Ħafna interpretaw id-dikjarazzjoni
ta’ Muscat li se jivvota favur il-kaċċa bħala messaġġ lill-partitarji Laburisti
biex huma wkoll jivvotaw hekk. L-interpretazzjoni tiegħi hija l-iskop ta’
Muscat ma kienx li jikkomunika mal-partitarji Laburisti. Dak il-ħin
huwa ried jitkellem biss mal-kaċċaturi.
Il-Prim Ministru ma jirraġunax
f’termini ta’ referenda, iżda f’termini ta’ elezzjonijiet. Huwa jaf li
fl-elezzjoni ta’ tliet snin oħra l-issue tal-kaċċa fir-rebbiegħa se tkun mejta,
midfuna u minsija għal dawk li se jivvotaw kontra l-kaċċa.
Mill-banda l-oħra Muscat jaf ukoll li l-kaċċaturi
mhux se jaħfruha lil dawk il-politiċi li se jistqarru li se jivvotaw kontrihom,
speċjalment jekk il-verdett tar-referendum ikun kontra tagħhom.
Ilbieraħ Muscat qabad u qatgħalha
rasha biex ir-rabja tal-kaċċaturi għall-aħbar tad-data tar-referendum ma tkunx għalih. U m’għandix
dubju li Muscat mar jorqod bit-tama li din ir-rabja eventwalment iddur fuq
Simon Busuttil.
Iżda fil-11 ta’ April, meta Joseph
Muscat se jkun waħdu quddiem il-karta tal-vot mhux se jkollu kalkoli ta’ komunikazzjoni u
telf u rebħ ta’ voti x’jagħmel. Minflok se jkollu jagħżel jekk jeħlisx minn din
l-issue darba għal dejjem jew ikollux jiffaċjaha kull April sakemm idum Prim
Ministru.
Muscat jaf li rebħa
għall-kaċċaturi ttihom poter ikbar fuqu. Jaf li jekk il-kaċċaturi jirbħu
r-referendum mhux se jkun jista’ jġibilhom iktar skużi biex ma jtihomx dak li
jridu u dak li wiegħedhom jew li ħasbu li wiegħedhom. Jaf ukoll li kull staġun li
jerġa’ jiftaħ fir-rebbiegħa jista’ jsarraf f’immaġini ħażina għall-Gvern
immexxi minnu u possibbilment anke’ inkwiet mal-Kummissjoni Ewropea.
Iffaċċjat b’dawn l-għażliet,
m’għandix dubju li waħdu f’kaxxa fi skola f’Burmarrad Joseph Muscat se jivvota kif
jaqbillu: se jivvota KONTRA l-kaċċa fir-rebbiegħa.
Imbagħad jekk fir-referendum tgħaddi tiegħu, tal-ambjentalisti u tal-għasafar lill-kaċċaturi jgħidilhom li ma kienx tort tiegħu għax hu vvota bħalhom!