Thursday, September 29, 2016

Mhux Għax Jimpurtani mil-lejla fuq NET Television

Mil-lejla se jirritorna fuq NET Television il-programm ta' diskussjoni u ġrajjiet kurrenti 'Mhux Għax Jimpurtani'.

Il-programm se jkun qed jixxandar kull nhar ta' Ħamis fl-10pm u se jkollu repetizzjoni l-għada l-Ġimgħa fit-8:20am.

Titilfuhx!

Wednesday, September 28, 2016

Owen Bonnici ma jridx lil Franco Debono aktar ma' saqajh

L-esklużjoni tal-Kummissarju għal-Liġijiet Franco Debono minn fuq il-mejda li minn fuqha tħabbar li min se jkun arrestat se jibda jkollu dritt għall-assistenza legali, tixhed dak li ilu jaf kulħadd: li l-Ministru Owen Bonnici ma jridx lil Franco Debono aktar ma' djulu.

Anke Luciano Busuttil frustrat bit-traffiku

Id-Deputat Laburista Luciano Busuttil dalgħodu sploda fuq Facebook wara li minħabba t-traffiku dam siegħa wara l-isteering tal-karozza biex minn Marsaxlokk wasal il-Marsa.

Nistenna li minn ħin għall-ieħor il-Ministru Joe Mizzi jċempillu u jagħtih ħasla kif tmiss il-liġi: "Tort tiegħek Luciano. Minn Marsaxlokk sal-Marsa missek mort bid-dgħajsa."

Tuesday, September 20, 2016

Illejla niltaqgħu fuq il-fosos


Iwieġeb Saviour Balzan: "Lill-udjenza se nħallasha jien minn buti"

Wara li lbieraħ irrapurtajt li l-udjenza li se tkun qed tattendi għall-programm il-ġdid ta' Saviour Balzan fuq TVM se titħallas mill-PBS, Balzan ċempilli biex jgħidli li lil dawn in-nies se jkun qed iħallashom hu minn butu (jew minn but il-kumpanija tiegħu) u li l-PBS mhux se jkun qed jagħmel tajjeb, bl-ebda mod, għal din l-ispiża.

Balzan ċaħad ukoll l-għidut persistenti li hu ried li l-programm ġdid tiegħu jieħu post Xarabank u qalli li hu ma qabilx li Xarabank jitwaqqaf minn fuq TVM u li meta internament kienet qed issir din id-diskussjoni huwa stqarr din l-opinjoni anke mal-Bord tal-PBS.

Nota: Jiena offrejt lil Saviour Balzan jiktibli risposta biex nippublikaha hawnhekk iżda hu rrifjuta. Jiena xorta nħossni obbligat li l-qarrejja tiegħi ikunu jafu l-verzjoni ta' Balzan, u għaldaqstant qed nirraporta dak li qalli fuq it-telefown.

Monday, September 19, 2016

Panama Papers? Mhux importanti daqs il-kaz tat-toilet paper!



Il-PBS se jħallas lin-nies biex imorru jċapċpu lil Saviour Balzan

Saviour Balzan - dak li jmexxi l-gazzetta li darba Lou Bondi sejjaħ il-'Malta Labour Party Today' - ingħata programm ġdid fuq TVM.

M'għandniex għalfejn niddubitaw li dan il-programm ingħatalu bis-sistema meritokratika li ntroduċa f'pajjiżna l-Gvern ta' Joseph Muscat. Dan wara li kull programm li preżenta Balzan dejjem irnexxielu jikseb l-agħar riżultati mmaġinabbli.

Fil-kuriduri tal-PBS intqal li l-ħsieb oriġinali ta' Balzan kienet li dan il-programm jieħu post Xarabank ta' Peppi Azzopardi.

Biex juri lil kulħadd kemm għandu lanżit għal Peppi, Balzan ra kif għamel u daħħal ix-'X' ta' Xarabank fil-logo tal-programm il-ġdid u bħala slogan qed juża l-frażi 'Bla Kantunieri' li huwa l-isem ta' rokna li ilha ssir f'Xarabank minn żmien żemżem.

Biex żgur ma jkollu xejn inqas minn Xarabank, Saviour Balzan irid ukoll li jkollu udjenza live - sala mimlija nies iċapċpu lilu u lill-mistiedna tiegħu.

Iżda hawn Saviour Balzan sab intopp kbir. Saviour kellu jiffaċċja r-realta' li lanqas jekk jiġbor l-udjenza kollha li tissaporti tara programm minn tiegħu mill-kumdita tas-sufan tad-dar ma jirnexxielek timla sala!

Iżda la Saviour irid iċ-ċapċip wara kull mistoqsija li jistaqsi, kellu jinstab mod kif din il-ħolma ssirlu realta' - għax dan huwa Gvern li jappoġġja l-aspirazzjonijiet (ta' Saviour u ta' xi nofs tużżana oħra).

Allura ddeċidew li jibdew iħallsu lil min jattendi għall-programmi ta' Saviour Balzan. Iva, sewwa qrajtu. Il-PBS se jibda jagħti l-flus lil Balzan biex hu jagħti remunerazzjoni lil min jattendi għall-programmi tiegħu.

M'għandix dubju li kieku din l-istorja ġrat fi żmien Gvern Nazzjonalista, Saviour Balzan kien isejjħilha 'skandlu'. Immaġinaw kemm kien jitbaqbaq u jitmansaħ kieku l-Gvern ta' dak iż-żmien ta mqar Ewro wieħed lill-Where is Everybody? biex bih tħallas lill-udjenza fis-sala.

Iżda issa tant wiċċ Saviour qagħdlu għal kollox li qed ikun hu li jirreklama biex in-nies imorru jċapċpu lilu minn fuq dahrna.

Sunday, September 18, 2016

Qed jiffilmjawna npixxu

Filmat li xxandar fuq il-website u fuq l-Aħbarijiet ta' TVM li fih jidher raġel ikisser biex jisraq żewġ rollijiet toilet paper, irrabbjani iktar għall-fatt li f'latrina pubblika hemm kamera li minnha s-Sindku (f'dan il-każ ta' Marsaxlokk) u minjaf min iktar, jista' joqgħod jara n-nies ipixxu mill-kumdita' tal-uffiċċju, ta' daru jew saħansitra mill-mobile.

Insibha oġġezzjonabbli għall-aħħar u ksur qawwi tal-privatezza li minħabba li kultant jitfaċċa xi vandalu li ma jaffordjax idaħħal idu fil-but biex jimsaħ il-warrani, ikun hemm kamera tiffilmjani npixxi.

Friday, September 16, 2016

Sant jinfexx f'Juncker

Fil-blog stqarrija ta' Alfred Sant li fih jippromwovi l-politika ta' "għajn għal għajn u sinna għal sinna", il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew attakka wkoll lill-Partit Popolari Ewropew u lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker.

Għax lejliet il-Presidenza ta' Malta tal-Unjoni Ewropea u l-għada ta' vot qawwi fil-Parlament Ewropew kontra l-korruzzjoni tal-Gvern Malti, kull ma kien jonqosna kien li xi ħadd bħal Alfred Sant jiftaħ il-kanuni kontra l-ikbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew u kontra l-President tal-Kummissjoni Ewropea.

They lost the plot, completely.

Thursday, September 15, 2016

Mission impossible għall-MEPs Laburisti

Kull meta l-media Laburista ttambar li l-vot qawwi fil-Parlament Ewropew kontra Leo Brincat kien ir-riżultat tal-ħidma tal-MEPs Nazzjonalisti, tkun qed tagħti ċertifikat ta' inkompetenza lill-MEPs Laburisti Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi.

Għax jekk skont il-ONE Casa, Metsola u Commodini Cachia kienu kapaċi jikkonvinċu maġġoranza daqstant kbira ta' MEPs, awtomatikament ikun ifisser li l-MEPs Laburisti mmexxija minn Dr Partnership ma kkonvinċew lil ħadd.

Iżda l-verita' mhix dik. Il-verita' hi li l-MEPs Laburisti kellhom mission impossible x'iwettqu.

Għax, ejja ngħiduha kif inhi, minjaf kif baqgħu iċċassati jħarsu lejhom sħabhom l-MEPs meta semgħuhom jiġġustifikaw il-kumpaniji fil-Panama ta' Konrad Mizzi u ta' Keith Schembri.

Minjaf kemm ħakkew rashom kif saru jafu li Mizzi u Schembri għadhom f'posthom f'Kastilja minflok tneħħew wara ftit minuti.

Minjaf kemm qalbu għajnejhom meta qalulhom li għal darba darbtejn il-Grupp Parlamentari kollu Laburista ivvota favur Mizzi u Schembri.

Kif setgħu qatt jikkonvinċu lil xi ħadd li mhux brainwashed bil-gideb tas-Super One u bil-blog ta' sieħeb il-Prim Ministru biex jivvota favur min m'għamel xejn kontra dil-korruzzjoni?

U issa Sant, Dalli u Mizzi qed jaqilgħuha minn żewġ naħat. Fi Brussell u Strasburgu qed jaqilgħuha għax qed jidhru parti minn Gvern korrott u f'Malta qed jaqilgħuha għax il-media tagħhom stess qed tgħajjarhom inkompetenti!

Xi jrid ifisser il-Labour ta' Joseph Muscat meta jgħid 'l-aqwa fl-Ewropa'

It-tielet Deputat Mexxej tal-Partit Laburista f'din is-sena straordinarja, illum fissrilna xi jkun irid jgħid biha l-partit ta' Joseph Muscat meta jgħid li jaspira li jagħmel lil Malta 'l-aqwa fl-Ewropa.'

Għal Chris Cardona 'l-aqwa fl-Ewropa' tfisser li tkun l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea kollha li ma jkollokx kandidat approvat għall-Qorti tal-Awdituri.

'L-aqwa fl-Ewropa' skonthom tfisser li minn 751 Membru Parlamentari Ewropew jivvotaw favur tiegħek biss 30%.

Għal Cardona u Muscat li tkun 'l-aqwa fl-Ewropa' tfisser li jkollok l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea b'ismu mċappas fl-iskandlu 'Panama Papers' u li ma jirnexxielek tikkonvinċi lanqas lil sħabek tal-istess partit (is-Soċjalisti Ewropej) biex jivvotaw favur tiegħek.

Kieku dawn in-nies qed jieħdu sehem f'xi kummiedja, tidħak daħka, tieħu drink u tmur torqod.

Imma meta tiftakar li lil dawn in-nies fdajnielhom il-preżent u l-futur tat-tfal għeżież tagħna jkollok aptit minflok drink tieħu erbgħa, tibki bikja tajba u tinfexx issabbat rasek mal-ħajt.

Ara l-filmat billi tikklikkja hawn jew hawn taħt.


Fl-Ewropa bħal f'Malta: Iwegħdu mod u jagħmlu bil-kontra

Minkejja li lill-Parlamentari Ewropej wegħdhom li kien se jbaxxi rasu għad-deċiżjoni li kienu se jieħdu dwaru, tkun xi tkun, Leo Brincat se jmur lura minn kelmtu u se jibqa' għaddej bin-nomina tiegħu quddiem il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li fih jiltaqgħu t-28 Prim Ministru tal-Unjoni.

Probabbli, knowing him, se jkollu jagħmel hekk għax imġiegħel minn Joseph Muscat u hu he had no choice miskin!

Insomma, jgħid sewwa l-Malti: lil min tafu tistaqsix għalih.

Mal-Labour ta' Joseph Muscat drajna li jgħidulna mod imbagħad jagħmlu bil-kontra.

Għalina l-unika aħbar f'din l-istorja hija li r-roadmap ta' qerq u korruzzjoni issa bdew jesportawa anke lejn l-Unjoni Ewropea.


L-MEPs mhumiex ċwieċ li jemmnu kull ma jgħidilhom is-Super One

Bl-isforz imqanżaħ li esponenti Laburisti qed jagħmlu biex għall-umilazjoni li qed jgħaddu lil pajjiżna minnha jeħel kulħadd barra Joseph Muscat u l-Gvern korrott tiegħu, qed ipinġu stampa tal-Membri Parlamentari Ewropej qishom xi 751 ċuċ li biex jiddeċiedu kif jivvotaw joqgħodu fuq dak li jgħidilhom is-Super One, is-Super Two (TVM) jew in-NET.

Is-Soċjalista Ana Gomes - li vvotat kontra l-Gvern korrott ta' Joseph Muscat - qalet ċar u tond li hi għamlet ir-riċerka tagħha u ma kellha bżonn lil ħadd jgħidilha x'għandha tagħmel.

Il-fatt li Leo Brincat (bħal sħabu l-Parlamentari Laburisti kollha) ivvota kontra l-mozzjoni ta' sfiduċja wara li Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu b'kumpaniji sigrieti fil-Panama kien biżżejjed għas-Soċjalista Portugiża biex tiddeċiedi kif jiddeċiedi kull min ma jridx ikun kompliċi mal-korruzzjoni.

M'għandniex xi ngħidu, Ana Gomes mhix se tkun mistiedna fuq ebda programm tas-Super One jew tas-Super Two biex tgħidilna kif jaħsbuha s-Soċjalisti bħalha fuq dan il-Gvern korrott.

Liċ-ċwieċ li jemmnu kull ma jgħidilhom xi Glenn Bedingfield jibqgħu jigdbulhom u jbellgħulhom. L-aqwa li jgħattu d-dnubiet ħoxnin u maħmuġin li nħadmu f'Kastilja.

Wednesday, September 14, 2016

Anke s-Soċjalisti Ewropej qed iwissu lil Muscat


“Ignoring the vote by MEPs — it was not by one or two votes — does indeed spell trouble because, of course, this would create an even more adverse opinion about the Maltese government,” said Ana Gomes, a Portuguese Socialist MEP who is also vice president of the Panama Papers inquiry committee.

Source: Politico

Tuesday, September 13, 2016

Joseph, wake up and smell the coffee

In-numri jitkellmu ċar: kienu biss 30% tal-Membri Parlamentari Ewropew li vvotaw favur in-nomina ta' Joseph Muscat. Is-70% l-oħra jew ivvotaw kontrih, jew astjenew jew lanqas biss attendew għall-vot.

Leo Brincat ma kienx għadu Ministru meta vvota favur Konrad Mizzi

Meta l-Parlament Malti ddibatta l-mozzjoni ta' sfiduċja f'Konrad Mizzi, Leo Brincat ma kienx għadu Ministru tal-Gvern. Kien nhar l-4 ta' Mejju u dakinhar Brincat kien diġa' n-nominat tal-Prim Ministru Muscat għall-post fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Leo Brincat dakinhar kien wieħed mill-backbenchers u kien jinsab f'dik il-pożizzjoni propju għaliex kien qed iħejji għall-grilling fil-Parlament Ewropew. Brincat dakinhar kien konxju li jekk ikun approvat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri kien se jkollu jħalli s-siġġu Parlamentari Malti.

Aktar milli l-vuċi tiegħu issir 'a voice in the wilderness' Brincat kien jaf li jekk ikun approvat din il-vuċi se tisparixxi għal kollox.

Allura huwa ovvju li meta Brincat stqarr li vvota favur Konrad Mizzi għax ma 'kellux għażla' - jew hekk jew ikollu jirriżenja mill-Grupp Parlamenari u jitlef il-vuċi li skontu kienet qed tinsisti internament għal dak li hu sewwa - ma kienx qed jgħid il-verita'.

Il-verita' hi li Leo Brincat konxjament għażel li jbus l-id li ried jiekol minnha. Il-verita' hi li Brincat iddeċieda li ma jigdimx l-id ta' min kien għadu kif innomiah għal job tajjeb fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Il-verita' hi li Brincat dakinhar ġie jaqa u jqum minn dak li hu sewwa, ġie jaqa u jqum mill-interess nazzjonali u għażel l-interessi personali tiegħu, ta' Muscat u ta' sħabu f'Kastilja b'interessi fil-Panama.

Il-verita' hi li Brincat la kien onest mal-poplu Malti u lanqas ma kien onest mal-Parlamentari Ewropej li ntervistawh. U min mhux onest fi kliemu żgur ma jistax jitpoġġa f'pożizzjoni ta' għassies tal-finanzi Ewropej fil-Qorti tal-Awdituri. U wisq inqas ma huwa denju li jirrapreżenta lilna l-Maltin.

Monday, September 12, 2016

Sant ried iħalli lilna lkoll barra imma ra kif għamel biex idaħħal lil Leo

Sirna nafu li nhar it-Tnejn l-MEP Laburista Alfred Sant ra kif għamel biex daħal jivvota favur Leo Brincat fil-grilling quddiem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Budget.

Kieku ma kienx għal Sant, li rnexxielu jieħu post membru ta' dan il-kumitat, jaf Leo kien jeħel mill-eżami kif weħel qablu Toni Abela.

Biex sieħbu Leo jiddaħħal fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Sant ra kif għamel biex akkwista vot u użah.

Għalina storja oħra. Meta aħna lkoll ridna nidħlu fl-Unjoni Ewropea Alfred Sant għamel eżatt l-oppost.

Dakinhar Alfred Sant żamm il-vot fil-but.

Imbagħad meta beda ħiereġ ir-riżultat tar-referendum mar fuq is-Super One u qagħad ixejjirulna f'wiċċna hu u jgħidilna li r-rebħa kienet tal-Partnership.

Sunday, September 11, 2016

Leo Brincat irriżenja ftit wara li ma rriżenjax

Lill-Parlamentari Ewropej Leo Brincat qalilhom li minħabba l-iskandlu tal-Panama Papers, f'April li għadda kien qed jikkunsidra jirriżenja minn Ministru.

Aħna nafu għal liema konklużjoni wassluh il-kunsiderazzjonijiet tiegħu. Leo Brincat iddeċieda li minflok jivvota favur is-sewwa, jivvota favur Joseph Muscat u sħabu f'Kastilja Konrad Mizzi u Keith Schembri. B'hekk Leo seta' jibqa Ministru tal-Gvern.

Ftit tal-jiem wara, Leo Brincat reġa' kellu x'jikkunsidra. Jibqa' Ministru jew jaċċetta n-nomina ta' Muscat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri?

Din id-darba Leo ġie jaqa u jqum mill-Ministeru.

Issa li l-alternattiva saret job tajjeb 'il bogħod minn xtutna, Leo Brincat għażel il-job u ma ddejjaq xejn iħalli l-Kabinett.

Għal Leo il-job il-ġdid huwa iktar importanti milli jibqa' Ministru. Iżda li jivvota għas-sewwa fil-Parlament Malti ma kienx iktar importani. Huwa ċar li l-kunsiderazzjonijiet li tkellem dwarhom Leo Brincat fil-Parlament Ewropew kienu biss dwar x'jaqbel lil Leo Brincat innifsu u mhux dwar x'inhu tajjeb għal pajjiżna.

Saturday, September 10, 2016

Għall-ġid ta' Leo u tal-Labour

Fil-grilling tat-Tnejn Leo Brincat qal lill-Ewro-Parlamentari li kienu qed jintervistawh li ddeċieda li ma jirreżenjax (minħabba l-iskandlu tal-Panama Papers) għax kieku għamel hekk kien ikun "eroj ta' ġurnata għal xi wħud" bir-riżultat aħħari jkun li jispiċċa "a voice in the wilderness".

La darba Leo Brincat tant xtaq (u nissopponi li għadu jixtieq) jibqa jkollu vuċi b'saħħitha biex, kif qal hu, jibdel l-affarijiet għall-aħjar minn ġewwa tal-Gvern u tal-Partit Laburista, tkun tassew ħasra jekk il-Parlament Ewropew japprova n-nomina tiegħu u jpoġġieh fil-Qorti tal-Awdituri.

Tkun ħasra li l-Gvern u l-Partit Laburista jitilfu din il-vuċi qawwija li l-ħitan biss jafu kemm irbumbjat fit-tmeninijiet, imbagħad fid-diskussjonijiet interni dwar l-isħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u dan l-aħħar, kontra l-korruzzjoni sfaċċata li qed nisimgħu biha ta' kuljum!

U la Leo jrid ikun din il-vuċi, ma jagħmlux sewwa jiksrulu xewqtu!

Friday, September 9, 2016

Thursday, September 8, 2016

Leo Brincat ivvota kontra Malta

Il-vot li se jittieħed fil-Parlament Ewropew nhar it-Tlieta mhux vot dwar Malta, iżda huwa vot dwar jekk il-Malti nominat minn Joseph Muscat hux tajjeb biex iservi bħala Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Jekk Leo Brincat ma jkunx approvat mill-maġġoranza tal-Parlamentari Ewropej, għal dan il-post ikollu jinstab Malti ieħor. Malta mhux se titlef il-post tagħha f'din il-Qorti.

Huma dawk li qed jipprovaw ibiegħu l-idea li dan huwa xi vot favur jew kontra Malta li konsistentement ivvotaw kontra Malta. Ewlenin fosthom huma Joseph Muscat u Leo Brincat innifsu.

Ibda biex fir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea it-tnejn li huma vvotaw biex Malta ma jkolliex membru f'din il-Qorti.

Imbagħad, minkejja li l-maġġoranza tal-Maltin ivvotaw favur Malta u kontra dak li qalulhom huma, Leo Brincat ġie jaqa u jqum u mar fil-Parlament Malti jivvota kontra t-trattat ta' sħubija. Joseph Muscat dakinhar ma kienx Membru Parlamentari, iżda kien ħeġġeġ (anke bil-kitba) lid-Deputati Laburisti jivvotaw bil-qalb kontra Malta, bħal m'għamel Leo Brincat.

Ftit xhur ilu fil-Parlament Malti Leo Brincat reġa' kellu għażla jivvottax favur Malta. Kellu din l-għażla darbtejn - fil-mozzjoni ta' sfiduċja tal-Oppożizzjoni u fil-mozzjoni ta' sfiduċja mressqa minn Marlene Farrugia.

Fiż-żewġ okkażjonijiet Leo Brincat ivvota kontra Malta.

Meta ġie biex jagħżel bejn Malta u bejn Joseph Muscat, Leo Bricat għażel lil Muscat. Imbagħad, nhar it-Tnejn mar fil-Parlament Ewropew u b'denbu bejn saqajh qalilhom li għamel hekk għax ma kellux għażla oħra.

Wednesday, September 7, 2016

La coppia piu bella del mondo

Il-Ministru Joe Mizzi dalgħodu qal lill-gazzetta Malta Today li ma jsib ebda problema bil-fatt li James Piscopo - Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta mħallas 85,000 fis-sena - fettillu jibda jopera l-kumpanija privata tiegħu.

Mizzi jifhem li b'salarju ta' iktar minn 7,000 fix-xahar, Piscopo jrid jara kif jagħmel biex idawwal Ewro żejjed. Mhux hekk!

B'dak is-salarju miżeru - id-doppju ta' Ministru - Mizzi ma jippretendix li Piscopo jgħaddi l-ġurnata kollha jaħdem biex isolvi l-problemi tat-traffiku u tat-trasport pubbliku fost oħrajn.

Ma tarax! Xi ftit ħin għal part-time irid iħallilu, hux?

Għax Joe Mizzi lil James Piscopo jħobbu. Tant iħobbu li meta kien għadu se jiddeċiedi lil min se jagħti l-kuntratt tat-trasport pubbliku ħadu miegħu Spanja.

U oħroġ il-għaġeb, ftit ġimgħat wara, il-kuntratt ta' iktar minn 30 miljun fis-sena ngħata propju lill-Ispanjoli.

Is-safra tinten ta' Mizzi u Piscopo fi Spanja kienet saret minkejja li waħda mill-kundizzjonijiet fl-Espressjoni ta' Interess kienet tgħid ċar u tond li l-Ministru ma seta' jitkellem ma' ebda kumpanija li tefgħet offerta.

Imma għall-koppja Mizzi Piscopo lanqas il-kundizzjoni li kitbu huma stess ma kienet problema.

Tuesday, September 6, 2016

M'hemmx flus għan-nurses

L-ekonomija b'saħħitha li tant jiftaħar biha l-Prim Ministru Joseph Muscat mhix b'saħħitha biżżejjed biex jitħaddmu in-nurses kollha li se jiggradwaw din is-sena.

Fil-jiem li għaddew l-istudenti tlaqqgħu mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) li qaltilhom ċar u tond li l-Gvern m'għandux flus biex iħaddem lin-nurses kollha.

Minn madwar 160 nurse ġdid/a, il-Gvern informa lill-MUMN li għandu flus biex iħaddem 100 biss.

Minn dak li ntqal jirriżulta li lill-Ministru Fearne tawh budget biex iħaddem biss 100 infermier u 100 tabib.

U l-oħrajn? Jidher li se jitħallew isaffru!

Dan aktarx ifisser li l-Ministeru tas-Saħħa lanqas mhu se jkollu flus biex jimpjega professjonisti oħra tas-saħħa bħal ma huma Radjografi, Fiżjoterapisti, Tekniċi tal-Laboratorju eċċetera.

Monday, September 5, 2016

Qatt smajtuh jitkellem hekk fuq il-ONE?

Wara li kellna lil Karmenu Vella imur quddiem il-Parlament Ewropew jiftaħar li vvota favur l-isħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, illum assistejna għal spettaklu ieħor li qatt ma rajna fuq il-ONE.

Illum kellna lil Leo Brincat jgħid li minħabba l-iskandu tal-Panama Papers kien qed jaħsibha jirriżenjax minn Ministru. LOL!

Leo qalilna wkoll li ma vvotax favur il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni kontra l-Gvern u favur il-mozzjoni ta' Marlene Farrugia kontra Konrad Mizzi għax il-Prim Ministru Joseph Muscat ma ħallilux għażla oħra. Tħassartu!

Fuq il-kejk, imbagħad ġiet iċ-ċirasa. Leo stqarr li kieku hu kien flok Konrad Mizzi kien jitlaq minn Ministru u jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari sakemm ismu jitnaddaf. Kos hux, dak l-audit li tant kien isemmi Joseph Muscat x'sar minnu?

Il-Laburisti l-iktar akkaniti li kienu qed isegwu lil Leo Brincat live żgur ħasbuh qiegħed f'Xarabank waqt il-programm ta' ipnożi ta' Alan Bates.

Surreali.

Sunday, September 4, 2016

Kuljum fuq Radio 101 fil-5pm

Minn għada se nibda nkun magħkom kuljum, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bil-programm 'Mhux Għax Jimpurtani' fuq Radio 101 bejn il-5pm u s-6pm.