Tuesday, September 13, 2016

Leo Brincat ma kienx għadu Ministru meta vvota favur Konrad Mizzi

Meta l-Parlament Malti ddibatta l-mozzjoni ta' sfiduċja f'Konrad Mizzi, Leo Brincat ma kienx għadu Ministru tal-Gvern. Kien nhar l-4 ta' Mejju u dakinhar Brincat kien diġa' n-nominat tal-Prim Ministru Muscat għall-post fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Leo Brincat dakinhar kien wieħed mill-backbenchers u kien jinsab f'dik il-pożizzjoni propju għaliex kien qed iħejji għall-grilling fil-Parlament Ewropew. Brincat dakinhar kien konxju li jekk ikun approvat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri kien se jkollu jħalli s-siġġu Parlamentari Malti.

Aktar milli l-vuċi tiegħu issir 'a voice in the wilderness' Brincat kien jaf li jekk ikun approvat din il-vuċi se tisparixxi għal kollox.

Allura huwa ovvju li meta Brincat stqarr li vvota favur Konrad Mizzi għax ma 'kellux għażla' - jew hekk jew ikollu jirriżenja mill-Grupp Parlamenari u jitlef il-vuċi li skontu kienet qed tinsisti internament għal dak li hu sewwa - ma kienx qed jgħid il-verita'.

Il-verita' hi li Leo Brincat konxjament għażel li jbus l-id li ried jiekol minnha. Il-verita' hi li Brincat iddeċieda li ma jigdimx l-id ta' min kien għadu kif innomiah għal job tajjeb fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Il-verita' hi li Brincat dakinhar ġie jaqa u jqum minn dak li hu sewwa, ġie jaqa u jqum mill-interess nazzjonali u għażel l-interessi personali tiegħu, ta' Muscat u ta' sħabu f'Kastilja b'interessi fil-Panama.

Il-verita' hi li Brincat la kien onest mal-poplu Malti u lanqas ma kien onest mal-Parlamentari Ewropej li ntervistawh. U min mhux onest fi kliemu żgur ma jistax jitpoġġa f'pożizzjoni ta' għassies tal-finanzi Ewropej fil-Qorti tal-Awdituri. U wisq inqas ma huwa denju li jirrapreżenta lilna l-Maltin.

1 comment:

  1. jekk l-ewropa taccetta lil leo brincat u jaccettaw din il korruzzjoni jien ma jibqalix fiducja xejn fija u bhali hafna ohrajn.

    ReplyDelete