Sunday, October 20, 2019

Efbijajata

Ippubblikat minn Newsbook

Taħlix ħin tfittex il-kelma li qed tittitola dan l-artiklu għax m’int se ssibha fl-ebda dizzjunarju. Mill-banda l-oħra, l-aħħar tliet ittri tagħha – il-morfema u s-suffiss ‘ata’ – tiltaqa’ magħhom f’bosta kliem ieħor li wħud minnu jiddeskrivi ikliet magħmulin minn taħlita ta’ ingredjenti. M’għandix dubju li int u taqra diġà ġew f’moħħok il-kawlata u l-balbuljata. Jekk tfittex dawn fid-dizzjunarju ssib li apparti t-taħlita ta’ ħaxix mgħolli mal-majjal u t-tadam u l-brunġiel moqli mal-bajd, dawn ifissru wkoll xi storja ta’ konfużjoni, taħwid u griefex liema bħalu.

Ngħaddu issa għal dak li huwa z-zokk jew il-morfema bażika ta’ din il-kelma. Minkejja li ngħiduha ‘efbijaj’ iktar imdorrijin narawha miktubha FBI. Tfisser Federal Bureau of Investigation, hija Amerikana u għandha fama ta’ waħda mill-aqwa organizzazzjonijiet investigattivi fid-dinja. Issa li żgur fhimt li se tkun qed taqra dwar storja ta’ konfużjoni relatata mal-FBI, ngħaddi biex nagħtik ftit sfond. Ma nagħtikx tort li forsi din l-istorja qabżitlek int u tifraħ u tiċċelebra li sirt sinjur żgħir, però tagħmel tajjeb tagħti ftit kas.

Ġara li nhar l-Erbgħa l-ambaxxata Amerikana fi stqarrija qalet ċar u tond li l-possibiltà li jinqabad min ħallas għall-bomba li assassinat lil Daphne Caruana Galizia għadha teżisti u li għaldaqstant mhuwiex tard wisq biex insiru nafu l-verità kollha u ssir ġustizzja sħiħa. Peress li kulħadd kien mingħalih li l-FBI qed jgħinu lill-Pulizija Maltija f’din l-investigazzjoni, dikjarazzjoni bħal din imlietna bil-kuraġġ u bil-fiduċja li dan il-każ wasal biex jingħalaq. Iżda fl-istqarrija l-Amerikani qalu wkoll li filwaqt li huma lesti jgħinu b’kull mod fl-investigazzjonijiet, din l-għajnuna tista’ tingħata biss jekk mitluba mill-awtoritajiet Maltin.

Jien u naqra dis-sentenza, l-ewwel kelma li ġietni f’moħħi kienet bl-ilsien li jużaw l-Amerikani: Oops! Imbagħad, bħalek li qed taqra, bdejt nistaqsi lili nnifsi għaliex l-awtoritajiet Maltin mhux qed jużaw l-għajnuna li qed joffrulhom l-Amerikani biex isolvu dan il-każ. Ftakart f’kemm kien ftaħar bl-FBI l-Prim Ministru meta qalilna li bl-għajnuna tagħhom inqabdu l-eżekuturi tal-assassinju u setgħu jitressqu l-Qorti. X’ġara minn dakinhar ’l hawn?

Lanqas ilħaqt ħadt kafè b’żewġ ottijiet li ma ħarġitx stqarrija tal-Gvern Malti tgħidilna li l-Gvern għandu fiduċja sħiħa fix-xogħol investigattiv li qed isir mill-Maltin. Fl-istqarrija ma serrħulniex moħħna li l-Amerikani għandhom raġun jgħidu li l-moħħ jew l-imħuħ wara l-assassinju għad jistgħu jinqabdu. Lanqas ma tawna xi raġuni għaliex m’għadhiex meħtieġa l-għajnuna tal-FBI biex jaslu għall-moħħ jew l-imħuħ wara dan l-assassinju feroċi. Qalulna biss li l-Gvern Muscattjan għandu fiduċja sħiħa u allura aħna nistgħu nkomplu nbillu l-ottijiet.

Ma stajtx insib kelma biex niddeskrivi din l-imġiba tal-Gvern. M’iniex f’moħħu u ma nafx hux qed jagħmel qassata u se jħallina bla soluzzjoni għall-assassinju jew jekk hux qed jagħmel bravata għax jaf li dal-każ diġà solvut u daqt se naraw in-nies akkużati fil-Qorti. Lanqas ma naf hux qed jipprova jagħmel xi għata u allura kelli nivvinta kelma oħra tispiċċa b’ata u ħriġt b’efbijajata.

Din il-kelma se nibqa’ niftakarha biex infakkarha jekk l-investigazzjonijiet jibqgħu ma jwasslu għal imkien. Din il-kelma se niftakarha anke jekk l-investigazzjonijiet jingħalqu mingħajr ma jkunu nstabu provi biżżejjed biex il-persuni implikati jinstabu ħatja fil-Qorti. Bid-deċiżjoni tiegħu li jirrifjuta l-għajnuna tal-FBI, il-Gvern qed jgħabbi fuq spallejh ir-responsabbiltà kollha tal-eżitu ta’ dawn l-investigazzjonijiet. Ladarba ddeċieda li m’għandux bżonn l-għajnuna ta’ min, fi kliemu stess, kien strumentali biex inqabdu l-eżekuturi, il-Gvern issa għandu obbligu ikbar minn qatt qabel li jaqbad il-mandanti tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u jiżgura li jintbagħtu f’ċella f’Kordin għal ħafna u ħafna snin.

Xejn anqas minn hekk mhu aċċettabbli wara l-efbijajata li għamel nhar l-Erbgħa!



Monday, October 14, 2019

Fejn huma l-Laburisti?

Chris, il-ministru, mhu ħadd ħlief il-Ministru Chris Cardona, li nzerta wkoll id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Il-Ministru tat-Turiżmu msemmi minn Luke Chetcuti huwa Konrad Mizzi, l-istess wieħed li tgħidx kemm hu dispjaċut li nqabad b’kumpanija moħbija fil-Panama lesta biex tilqa’ ħamest elef ewro kuljum minn kumpanija sigrieta ta’ negozjant li għandu lukanda ftit bogħod minn fejn ittieħed dal-filmat.
Nistqarr li ma tantx kont sorpriż b’dak rajt u smajt għax kif jgħid il-Malti, lil min tafu tistaqsix għalih. Iżda ġara li moħħi baqa’ jilgħab b’dad-diskors u bil-lejl spiċċajt ħlomt bih!
Kif tafu, il-ħolm qatt ma jkun eżatt bħar-realtà. Fil-ħolma tiegħi id-data tal-filmat ma baqgħetx l-2019 imma saret l-2012. Fil-ħolma tiegħi l-ministri ma kienx jisimhom Chris u Konrad imma Tonio u Austin u, fil-ħolma tiegħi, qamu l-irwiefen kollha tad-dinja. Ħlomt li l-Partit Laburista fl-oppożizzjoni kien irnexxielu jgħaqqad il-qawwa tal-Majjistral mas-saħħa tal-Grigal u ħoloq ċiklun politiku li lanqas l-iktar swar ħoxnin tat-tlett ibliet ma kien se jirnexxilhom iwaqqfu.
Smajt lil Alfred Sant isostni kemm kellu raġun meta tkellem fuq iċ-ċirku tal-barunijiet u tal-ħbieb tal-ħbieb, waqt li Chris Ferne kien pront ressaq vot ta’ sfiduċja fiż-żewġ ministri fil-Parlament. Fuq il-ONE Karl Stagno Navarra wera l-filmat tant drabi li aktarx se jkun imniżżel fil-ktieb tar-rekords tal-Guinness waqt li Emanuel Cuschieri reġa’ beda jagħmel programm filgħodu, ieħor waranosfinhar u ieħor tard bil-lejl. L-eżekuttiv Laburista ordna bojkott lil kull programm tal-PBS li jazzarda ma jiddiskutix dan l-iskandlu f’kull episodju tas-sensiela. Evarist Bartolo beda jorganizza press conference kuljum, daqqa biswit Manuel Mallia, darba ħdejn Rosianne Cutajar u ġieli ħdejn Robert Abela. Zammit Marmara u Privitera ma waqfux jitkażaw u jiktbu artikli u kummenti f’kull ġurnal, blog u paġna tal-Facebook immaġinabbli. Glenn Bedingfield kiteb ktieb jismu ‘L-iskandlu tal-bajja ta’ San Ġorġ u skandi oħra’ u l-gazzetta l-orizzont qed tirrekklama li dan se jkun għall-bejgħ fi protesta kbira li Joseph Muscat sejjaħ għall-Ħadd li ġej flimkien mal-General Workers’ Union. Intant, Anġlu Farrugia bagħat għall-ġurnalisti quddiem id-Depot biex jgħidilhom li kien għadu kif talab lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga.
Jien u nara dan kollu ma stajtx ma nagħtihomx raġun jirreaġixxu b’dal-mod. Kont determinat li malli nqum mir-raqda jien ukoll nikteb fuq il-Facebook li se mmur nipprotesta biex tintrefa’ r-responsabbiltà politika u tibda investigazzjoni mill-aktar fis. Ma jistax ikun li l-ministri tagħna jitħallew jikkontemplaw li jagħtu dak li hu tagħna lkoll lil min ikun għenhom waqt li jkunu qed jomogħdu l-għaġin jew xi biċċa laħam tajba. Għandhom raġun il-Laburisti: dan kollu huwa inaċċettabbli.
Imma mbagħad daqq l-iżveljarin. Dlonk qbadt il-mowbajl u kkonfermajt li s-sena hija l-2019 mhux l-2012. Erġajt fittixt il-filmat u kkonfermajt li l-protagonisti tal-istorja huma l-ministri Chris u Konrad. Imbagħad fittixt lil-Laburisti l-oħrajn li ħlomt bihom imma ma stajt insibhom imkien. Għal li jista’ jkun tafu fejn huma?

Thursday, October 3, 2019

Ugwaljanza għall-ħmir u oħra għall-ħnieżer

Blog ippubblikat minn Newsbook

Għall-ħnieżer li kienu jmexxu r-razzett Orwelljan il-kelma ‘ugwaljanza’ kienet tfisser li filwaqt l-annimali huma kollha ugwali, ċertu annimali huma iktar ugwali mill-bqija. Ovvjament, la kienu jmexxu l-ħnieżer, l-annimali l-iktar ugwali ma kienu ħadd ħlief l-istess ħnieżer. Allura dawk imwielda ħmir kien ikollhom iħallsu sal-inqas ċenteżmu taxxa filwaqt li l-ħnieżer setgħu jkollhom karus moħbi f’razzett Panamensi fejn jaħżnu l-għalf tal-korruzzjoni.

Dawk fost il-ħmir li kienu jazzardaw jinħqu b’rabja malajr kienu jixluhom li qed ikunu negattivi u li bin-naħqa tagħhom qed jagħmlu l-ħsara lir-reputazzjoni tar-razzett. Il-ħnieżer kienu jinqalgħu ħafna biex jikkonvinċu ’l-maġġoranza tal-annimali l-oħra u dawn dlonk kienu jduru kontra l-ħmir u bis-sewwa jew bid-dnewwa jsikktuhom. L-agħar li kienu jmorru f’din l-istorja kollha kienu l-fniek li kienu jispiċċaw moqlija fit-tewm u mtektka fiz-zalza biex jittieklu mill-klieb imħallsa biex joqogħdu għassa b’għajn waħda magħluqa għall-għemejjel tal-ħnieżer.

Għall-ħames snin li ġejjin il-kelma ‘ugwaljanza’ fl-Unjoni Ewropea se tkun personifikata fil-Kummissarju Helena Dalli, li sa ftit ilu kienet Ministru tar-razzett ta’ Malta. Ilbieraħ qattajt ftit ħin naraha tkun intervistata mill-Parlamentari Ewropej.

M’iniex se nuża l-kelma grilling għal dak li rajt ilbieraħ. Onestament, inħoss li anke ‘intervista’ hija kelma kbira wisq għax l-eżamijiet orali li kien ikolli l-iskola sekondarja wkoll kienu jkunu aktar ebsin. Ibda biex, ebda għalliem milli kelli ma kien se jħallini ndaħħal miegħi r-risposti miktubin biex xħin jistaqsini, kemm naqrahomlu!

Kif mistenni, il-Parlamentari Ewropej staqsew lill-eks Ministru Maltija dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Jgħidu li naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema imma, milli jidher, sa Brussell tasal.

Dalli tat daqqa t’għajn x’kellha miktub u dlonk weġbithom li hi kienet tagħmel l-affarijiet “totalment differenti”.

“Differenti, kif?” staqsejt jien minn fuq is-siġġu tal-kċina.

Kieku Dalli kienet qed tagħmel intervista biex tidħol imqar skrivan mal-Gvern ibqgħu żguri li din il-mistoqsija kienet issirilha minnufih. Imma x-xogħol ta’ Kummissarju Ewropew mhux ugwali għal dak ta’ skrivan mal-Gvern! Bix-xieraq li biex tidħol skrivan mal-Gvern l-intervista tkun aktar diffiċli minn dik biex issir Kummissarju Ewropew għax għal tal-ewwel japplikaw il-ħmir, filwaqt li tat-tieni hija riservata għall-ħnieżer Orwelljani.

Allura ħadd mill-Ewro-Parlamentari m’azzarda jistaqsi l-ovvju u ħallewni b’kurżità kbira jekk Dalli kinetx twieġeb li post Mizzi u Schembri huwa barra mill-politika jew jekk kinetx tgħid li dawn jixirqilhom nomina għall-medalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika. Lanqas ħadd m’azzarda jagħti daqqa t’għajn ’il-kurrikulu ta’ Dalli biex jinnota li f’kemm-il vot ittieħed fil-Parlament Malti hija qatt ma vvotat b’mod differenti minn Muscat u l-bqija dwar l-iskandlu tal-Panama. Lanqas ħadd ma indenja ruħu jittawwlilha fuq il-paġna tal-Facebook biex jara jekk hix miżgħuda stqarrijiet ta’ kundanna jew jekk hix imballata ritratti tagħha mgħannqa mal-protagonisti tal-istess skandlu.

Kieku għamlu dan id-daqsxejn ta’ eżerċizzju kienu jindunaw li l-wiċċ ġdid Ewropew tal-ugwaljanza u t-twemmin tal-ħnieżer tar-razzett ta’ Orwell huma għalkollox ugwali.

Meta xi ħmar bħali kien joqgħod jinħaq biex fir-razzett tagħna l-affarijiet isiru differenti, u biex tintrefa’ r-responsabbiltà politika, kulma kienet tagħmel il-Ministru Helena Dalli kien li tkompli mal-litanija ta’ kemm aħna ħmir negattivi u kemm aħna l-ħmir missna nistħu li bi kliemna qed nagħmlu ħsara lir-razzett Malti.

Il-verità hi li l-uniku ħaġa “totalment differenti” li kienet lesta tagħmel Dalli hija li tibdel id-diska biex tkun tista’ tieħu postha f’razzett ikbar, isbaħ u li jħallas bosta iktar; razzett li fih hi se tkun annimal ferm iktar ugwali, saħansitra iktar ugwali mill-aktar annimali ugwali.