Taħlix ħin tfittex
il-kelma li qed tittitola dan l-artiklu għax m’int se ssibha fl-ebda
dizzjunarju. Mill-banda l-oħra, l-aħħar tliet ittri tagħha – il-morfema u s-suffiss ‘ata’ – tiltaqa’ magħhom f’bosta kliem ieħor li wħud minnu jiddeskrivi
ikliet magħmulin minn taħlita ta’ ingredjenti. M’għandix dubju li int u taqra
diġà ġew f’moħħok il-kawlata u l-balbuljata. Jekk tfittex dawn fid-dizzjunarju
ssib li apparti t-taħlita ta’ ħaxix mgħolli mal-majjal u t-tadam u l-brunġiel
moqli mal-bajd, dawn ifissru wkoll xi storja ta’ konfużjoni, taħwid u griefex
liema bħalu.
Ngħaddu issa għal
dak li huwa z-zokk jew il-morfema bażika ta’ din il-kelma. Minkejja li ngħiduha
‘efbijaj’ iktar imdorrijin narawha miktubha FBI. Tfisser Federal Bureau of
Investigation, hija Amerikana u għandha fama ta’ waħda mill-aqwa
organizzazzjonijiet investigattivi fid-dinja. Issa li żgur fhimt li se tkun qed
taqra dwar storja ta’ konfużjoni relatata mal-FBI, ngħaddi biex nagħtik ftit
sfond. Ma nagħtikx tort li forsi din l-istorja qabżitlek int u tifraħ u
tiċċelebra li sirt sinjur żgħir, però tagħmel tajjeb tagħti ftit kas.
Ġara li nhar
l-Erbgħa l-ambaxxata Amerikana fi stqarrija qalet ċar u tond li l-possibiltà li
jinqabad min ħallas għall-bomba li assassinat lil Daphne Caruana Galizia għadha
teżisti u li għaldaqstant mhuwiex tard wisq biex insiru nafu l-verità kollha u
ssir ġustizzja sħiħa. Peress li kulħadd kien mingħalih li l-FBI qed jgħinu
lill-Pulizija Maltija f’din l-investigazzjoni, dikjarazzjoni bħal din imlietna
bil-kuraġġ u bil-fiduċja li dan il-każ wasal biex jingħalaq. Iżda fl-istqarrija
l-Amerikani qalu wkoll li filwaqt li huma lesti jgħinu b’kull mod
fl-investigazzjonijiet, din l-għajnuna tista’ tingħata biss jekk mitluba
mill-awtoritajiet Maltin.
Jien u naqra
dis-sentenza, l-ewwel kelma li ġietni f’moħħi kienet bl-ilsien li jużaw
l-Amerikani: Oops! Imbagħad, bħalek li qed taqra, bdejt nistaqsi lili nnifsi
għaliex l-awtoritajiet Maltin mhux qed jużaw l-għajnuna li qed joffrulhom
l-Amerikani biex isolvu dan il-każ. Ftakart f’kemm kien ftaħar bl-FBI l-Prim
Ministru meta qalilna li bl-għajnuna tagħhom inqabdu l-eżekuturi tal-assassinju
u setgħu jitressqu l-Qorti. X’ġara minn dakinhar ’l hawn?
Lanqas ilħaqt ħadt
kafè b’żewġ ottijiet li ma ħarġitx stqarrija tal-Gvern Malti tgħidilna li
l-Gvern għandu fiduċja sħiħa fix-xogħol investigattiv li qed isir mill-Maltin.
Fl-istqarrija ma serrħulniex moħħna li l-Amerikani għandhom raġun jgħidu li
l-moħħ jew l-imħuħ wara l-assassinju għad jistgħu jinqabdu. Lanqas ma tawna xi
raġuni għaliex m’għadhiex meħtieġa l-għajnuna tal-FBI biex jaslu għall-moħħ jew
l-imħuħ wara dan l-assassinju feroċi. Qalulna biss li l-Gvern Muscattjan għandu
fiduċja sħiħa u allura aħna nistgħu nkomplu nbillu l-ottijiet.
Ma stajtx insib
kelma biex niddeskrivi din l-imġiba tal-Gvern. M’iniex f’moħħu u ma nafx hux
qed jagħmel qassata u se jħallina bla soluzzjoni għall-assassinju jew jekk hux
qed jagħmel bravata għax jaf li dal-każ diġà solvut u daqt se naraw in-nies
akkużati fil-Qorti. Lanqas ma naf hux qed jipprova jagħmel xi għata u allura
kelli nivvinta kelma oħra tispiċċa b’ata u ħriġt b’efbijajata.
Din il-kelma se
nibqa’ niftakarha biex infakkarha jekk l-investigazzjonijiet jibqgħu ma jwasslu
għal imkien. Din il-kelma se niftakarha anke jekk l-investigazzjonijiet
jingħalqu mingħajr ma jkunu nstabu provi biżżejjed biex il-persuni implikati
jinstabu ħatja fil-Qorti. Bid-deċiżjoni tiegħu li jirrifjuta l-għajnuna
tal-FBI, il-Gvern qed jgħabbi fuq spallejh ir-responsabbiltà kollha tal-eżitu
ta’ dawn l-investigazzjonijiet. Ladarba ddeċieda li m’għandux bżonn l-għajnuna
ta’ min, fi kliemu stess, kien strumentali biex inqabdu l-eżekuturi, il-Gvern
issa għandu obbligu ikbar minn qatt qabel li jaqbad il-mandanti tal-assassinju
ta’ Daphne Caruana Galizia u jiżgura li jintbagħtu f’ċella f’Kordin għal ħafna
u ħafna snin.
No comments:
Post a Comment