Għall-ħnieżer li
kienu jmexxu r-razzett Orwelljan il-kelma ‘ugwaljanza’ kienet tfisser li filwaqt
l-annimali huma kollha ugwali, ċertu annimali huma iktar ugwali mill-bqija. Ovvjament,
la kienu jmexxu l-ħnieżer, l-annimali l-iktar ugwali ma kienu ħadd ħlief
l-istess ħnieżer. Allura dawk imwielda ħmir kien ikollhom iħallsu sal-inqas
ċenteżmu taxxa filwaqt li l-ħnieżer setgħu jkollhom karus moħbi f’razzett Panamensi
fejn jaħżnu l-għalf tal-korruzzjoni.
Dawk fost il-ħmir li
kienu jazzardaw jinħqu b’rabja malajr kienu jixluhom li qed ikunu negattivi u li
bin-naħqa tagħhom qed jagħmlu l-ħsara lir-reputazzjoni tar-razzett. Il-ħnieżer
kienu jinqalgħu ħafna biex jikkonvinċu ’l-maġġoranza tal-annimali l-oħra u dawn
dlonk kienu jduru kontra l-ħmir u bis-sewwa jew bid-dnewwa jsikktuhom. L-agħar
li kienu jmorru f’din l-istorja kollha kienu l-fniek li kienu jispiċċaw moqlija
fit-tewm u mtektka fiz-zalza biex jittieklu mill-klieb imħallsa biex joqogħdu
għassa b’għajn waħda magħluqa għall-għemejjel tal-ħnieżer.
Għall-ħames snin li
ġejjin il-kelma ‘ugwaljanza’ fl-Unjoni Ewropea se tkun personifikata fil-Kummissarju
Helena Dalli, li sa ftit ilu kienet Ministru tar-razzett ta’ Malta. Ilbieraħ
qattajt ftit ħin naraha tkun intervistata mill-Parlamentari Ewropej.
M’iniex se nuża l-kelma grilling għal dak li rajt ilbieraħ. Onestament, inħoss li anke ‘intervista’ hija kelma kbira wisq għax l-eżamijiet orali li kien ikolli l-iskola sekondarja wkoll kienu jkunu aktar ebsin. Ibda biex, ebda għalliem milli kelli ma kien se jħallini ndaħħal miegħi r-risposti miktubin biex xħin jistaqsini, kemm naqrahomlu!
M’iniex se nuża l-kelma grilling għal dak li rajt ilbieraħ. Onestament, inħoss li anke ‘intervista’ hija kelma kbira wisq għax l-eżamijiet orali li kien ikolli l-iskola sekondarja wkoll kienu jkunu aktar ebsin. Ibda biex, ebda għalliem milli kelli ma kien se jħallini ndaħħal miegħi r-risposti miktubin biex xħin jistaqsini, kemm naqrahomlu!
Kif mistenni, il-Parlamentari
Ewropej staqsew lill-eks Ministru Maltija dwar l-iskandlu tal-kumpaniji
sigrieti fil-Panama. Jgħidu li naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema imma,
milli jidher, sa Brussell tasal.
Dalli tat daqqa t’għajn x’kellha miktub u dlonk weġbithom li hi kienet tagħmel l-affarijiet “totalment differenti”.
Dalli tat daqqa t’għajn x’kellha miktub u dlonk weġbithom li hi kienet tagħmel l-affarijiet “totalment differenti”.
“Differenti, kif?”
staqsejt jien minn fuq is-siġġu tal-kċina.
Kieku Dalli kienet
qed tagħmel intervista biex tidħol imqar skrivan mal-Gvern ibqgħu żguri li din
il-mistoqsija kienet issirilha minnufih. Imma x-xogħol ta’ Kummissarju Ewropew
mhux ugwali għal dak ta’ skrivan mal-Gvern! Bix-xieraq li biex tidħol skrivan
mal-Gvern l-intervista tkun aktar diffiċli minn dik biex issir Kummissarju
Ewropew għax għal tal-ewwel japplikaw il-ħmir, filwaqt li tat-tieni hija
riservata għall-ħnieżer Orwelljani.
Allura ħadd mill-Ewro-Parlamentari
m’azzarda jistaqsi l-ovvju u ħallewni b’kurżità kbira jekk Dalli kinetx twieġeb
li post Mizzi u Schembri huwa barra mill-politika jew jekk kinetx tgħid li dawn
jixirqilhom nomina għall-medalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika. Lanqas ħadd m’azzarda
jagħti daqqa t’għajn ’il-kurrikulu ta’ Dalli biex jinnota li f’kemm-il vot ittieħed
fil-Parlament Malti hija qatt ma vvotat b’mod differenti minn Muscat u l-bqija dwar
l-iskandlu tal-Panama. Lanqas ħadd ma indenja ruħu jittawwlilha fuq il-paġna
tal-Facebook biex jara jekk hix miżgħuda stqarrijiet ta’ kundanna jew jekk hix imballata
ritratti tagħha mgħannqa mal-protagonisti tal-istess skandlu.
Kieku għamlu dan
id-daqsxejn ta’ eżerċizzju kienu jindunaw li l-wiċċ ġdid Ewropew tal-ugwaljanza
u t-twemmin tal-ħnieżer tar-razzett ta’ Orwell huma għalkollox ugwali.
Meta xi ħmar bħali
kien joqgħod jinħaq biex fir-razzett tagħna l-affarijiet isiru differenti, u biex
tintrefa’ r-responsabbiltà politika, kulma kienet tagħmel il-Ministru Helena Dalli
kien li tkompli mal-litanija ta’ kemm aħna ħmir negattivi u kemm aħna l-ħmir missna
nistħu li bi kliemna qed nagħmlu ħsara lir-razzett Malti.
Il-verità hi li l-uniku
ħaġa “totalment differenti” li kienet lesta tagħmel Dalli hija li tibdel id-diska
biex tkun tista’ tieħu postha f’razzett ikbar, isbaħ u li jħallas bosta iktar;
razzett li fih hi se tkun annimal ferm iktar ugwali, saħansitra iktar ugwali mill-aktar
annimali ugwali.
No comments:
Post a Comment