Wednesday, October 19, 2016

F'Xarabank ma' Glenn

Ilbieraħ Mark ta' Xarabank bgħat stedina għal dibattitu fil-programm ta' nhar il-Ġimgħa lili u lill-ħabib intimu u mpjegat tal-Prim Ministru, Glenn Bedingfield.

Ftit tal-minuti wara Bedingfield wieġeb hekk:
if he doesn't chicken out like the other one ... it's fine by me

Din hija r-risposta tiegħi:

“Għażiż Mark,

Ippermettili nuża kliem is-Sur Bedingfield u ngħidlek li m'għandi ebda ħsieb naħrab (chicken out) mill-ebda dibattitu u/jew diskussjoni kif ilu jagħmel il-boss tiegħu Joseph Muscat għal dawn l-aħħar sentejn meta mistieden minnek għal dibattitu f'Xarabank ma' Simon Busuttil u kull meta jħossu skomdu jiffaċċja l-ġurnalisti Maltin u anke barranin u jkollu jaħrab minn xi emergency exit.

Lanqas ma jien biħsiebi nagħmel bħall-kollegi tas-Sur Bedingfield f'Kastilja - Konrad Mizzi u Keith Schembri (tal-Panama, biex niftiehmu) - li ilhom jaħarbu l-istediniet għall-programmi tiegħi għal dawn l-aħħar seba' xhur.

Biex inkun onest miegħek, nippreferi niddibatti lill-Ministru Mizzi u lis-Sur Schembri - għax għandi ħafna x'nistaqsihom - imma nfurmat li dawn anke l-istediniet ta' Xarabank ilhom jaħarbu (chicken out) għal bosta xhur. Jekk jerġa' jibdielhom, count me in.

Sa dakinhar, ladarba l-uniku wieħed f'Kastilja li mhux qed jaħrab (chicken out) l-istediniet ta' Xarabank huwa l-istar candidate Glenn Bedingfield, ikun pjaċir tiegħi li niltaqa' miegħu fil-programm ta' nhar il-Ġimgħa.

Nirringrazzjak għall-istedina tiegħek u nselli għalik u għat-tim kollu ta' Xarabank.

Norman Vella


Tuesday, October 18, 2016

Kemm qed jisraqna mid-diesel u l-petrol

Illum il-prezz internazzjonali taż-żejt jinsab fil-livelli tal-2004.

Dakinhar f'Malta l-petrol kien 44ċ orħos kull litru u d-diesel kien 48ċ orħos.

Daqshekk qed jisirquna Konrad Mizzi u Joseph Muscat kull darba li nieħdu l-karozza timtela' għand tal-pompa.

Mhux ta' b'xejn is-sħab soċjali rrabjati li fil-Budget ma tħabbar ebda roħs fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

Monday, October 17, 2016

Il-Profs iparla u ta' Kastilja jaħbu

Fl-ewwel budget imnissel u moqri mill-Ministru Edward Scicluna (4 ta' Novembru 2013), il-Profs kien qalilna hekk:

"Se nagħmlu kampanja kontra l-evażjoni fiskali sabiex infiehmu lil kulħadd għaliex din m'hemmx lokha f'soċjeta' demokratika u żviluppata" (Budget 2014, Paġna 14)

Min jaf x'qalu bejnhom u bejn ruħhom u bejniethom Konrad Mizzi, Keith Schembri u Egrant x'ħin semgħuh jgħid dan id-diskors!

Għax meta l-Profs kien qed jaħseb biex jikteb din il-linja huma kienu ilhom jaħsbu biex jaħbu l-miljuni li kien biħsiebhom idaħħlu mis-senseriji, mill-konsulenzi u mir-riċiklaġġ fil-Panama.

Illum li kulħadd jaqbel li f'soċjeta' demokratika mhux f'loku li Mizzi, Schembri u Egrant iżommu posthom fit-tmun tal-pajjiż, il-Profs se jkun qed jaqralna Budget ieħor bihom bilqiegħda ħdejh.

Joseph Muscat: Il-poplu jkun irid ibiddel anke meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb

Ilejla l-Gvern ta' Joseph Muscat se jippreżenta l-Budget ta' qabel tal-aħħar, jew tal-aħħar, qabel l-elezzjoni ġenerali.

Ħadd m'għandu l-iċken dubju li llejla u l-ġranet li ġejjin se jintużaw mill-magna tal-propoganda ta' Kastilja biex jikkonvinċu lill-poplu li l-ekonomija sejra tajjeb u li l-ġid se jibda jitqassam b'ġustizzja.

Illejla mhux se nisimgħu b'taxxi ġodda.

Dawn drajna nsiru nafu bihom inkiss inkiss matul is-sena bħal ma ġara fil-każ tal-irduppjar tal-kirjiet tal-housing soċjali, il-liċenzji tal-karozzi, il-miżati tal-eżamijiet, in-nollijiet tat-trasport pubbliku u bosta oħrajn.

Bi skandlu wara l-ieħor jiddominaw l-aħbarijiet, b'Ministru u Chief of Staff li żammew posthom f'Kastilja minkejja l-kontijiet moħbija fil-Panama u l-miljuni li riedu jiddepożitaw fihom, din tal-'ekonomija sejra tajjeb' se tkun il-karta li Muscat se jkun qed jipprova jisfrutta kemm jiflaħ biex jerġa' jirbaħ l-elezzjoni ġenerali.

Iżda f'intervista ma' Lou Bondi meta kien qed jikkontesta għall-kariga ta' Mexxej tal-Partit Laburista (ikklikkja hawn biex tara l-filmat fuq YouTube) Muscat innifsu kien stqarr li ekonomija 'sejra tajjeb' mhix garanzija ta' rebħa elettorali. Dakinhar Muscat kien qal li l-elezzjoni tista' tintrebaħ u tintilef għal bosta raġuniet oħra li mhumiex marbutin mal-ekonomija.


Friday, October 14, 2016

Mhux Għax Jimpurtani - 13 ta' Ottubru 2016

Ara l-programm kollu hawn:


Mistiedna fl-ewwel parti: Dr Andrea Dibben u Dr Miriam Sciberras
Mistiedna fit-tieni parti: Marthese Portelli u Toni Bezzina

Thursday, October 13, 2016

Jason Micallef jammetti: "Fallejna bil-kbir"

Ic-Chairman tal-istazzjonijiet tal-Partit Laburista Jason Micallef dalgħodu stqarr fuq Facebook li fil-qasam tat-trasport il-Gvern Laburista falla bil-kbir.

Micallef ammetta li "t-traffiku ta' pajjiżna sar kriżi u pjaga nazzjonali."


Jidher ċar li fil-Partit Laburista hemm skuntentizza kbira bl-operat tal-Ministru Joe Mizzi u tal-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta James Piscopo. Piscopo, li kien Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, qed jitħallas 85,000 Ewro fis-sena u fl-eqqel ta' din il-kriżi qed isib il-ħin jiftaħ, imexxi u jħaddem waħdu kumpanija privata.

Ftit tal-ġranet ilu kien id-Deputat Laburista Luciano Busuttil li għamel kumment simili għal ta' Micallef.

Wednesday, October 12, 2016

Se jagħtu żewg pastizzi fix-xahar biex jitimgħu lil dawk fil-faqar

Dalgħodu l-orizzont ħabbar li biex jiġġieled il-faqar il-Gvern ta' Joseph Muscat se jkun qed iqassam bi 300,000 ikel fis-sena.

L-orizzont ikkwota lill-Ministru Michael Farrugia jgħid li minn dan il-fond se jkunu qed jieklu 41,000 persuna li qed jgħixu f'riskju ta' faqar.

Għamilt ftit kalkoli ta' malajr bil-calculator li għandi fil-mobile.

Iddividejt 300,000 b'41,000 persuna u ġietni s-somma ta' 7.32.

Dan huwa l-ammont li l-Gvern se jkun qed jalloka għal kull persuna kull sena.

Komplejt niddividi. Is-7.32 qsamta bi 12-il xahar u ġietni s-somma ta' 61 ċenteżmu - il-prezz (b'ċenteżmu bqija) taż-żewġ pastizzi li kont għadni kif kilt u mlewli l-flokk bil-frak.

Mill-elezzjoni ġenerali sal-lum dawk fil-faqar żdiedu b'6,000 persuna.

Is-soluzzjoni ta' Muscat u sħabu biex il-faqar ikun eradikat kif wegħdu qabel l-elezzjoni hija li jagħtu lil dawn in-nies żewg pastizzi fix-xahar. Kull ma jonqoshom jagħmlu biex jinsulentawhom iktar huwa li jsaqsuhom iriduhomx mimlijin bir-rikotta jew bit-taħlita tal-piżelli!

Monday, October 10, 2016

Għaliex ma jridux iserrħulna moħħna?

Dalgħodu kull supporter ta' Joseph Muscat u Konrad Mizzi kien qed jistenna li bil-veduta tat-tanker warajhom u bil-ġurnalisti quddiemhom, iħabbru li t-tanker fil-bajja ta' Marsaxlokk ma fih ebda riskju għas-saħħa u s-sigurta' tan-nies li jgħixu, jaħdmu jew jinzertaw fil-madwar.

Kulħadd stenna li r-rapport li sar biex ikejjel jekk hemmx riskji u jekk hemm, x'inhuma, ikun ippubblikat biex b'hekk kulħadd ikun jaf dak li jafu Muscat u Mizzi u jserraħ rasu darba għal dejjem.

Iżda minn dan kollu ma ġara xejn. Anke fil-Parlament, illejla, Joseph Muscat baqa jirrifjuta li jikkwota mqar sentenza waħda minn dan ir-rapport.

Mela x'fih dan ir-rapport? Għaliex Joseph Muscat u Konrad Mizzi ma jridux jippubblikawh? X'qed jaħbulna? La narawh se nserrħu moħħna kif qed jgħidulna, jew se jkollna għalxiex ninkwetaw aktar?

Sab ħin imur Singapore imma ma sabx ħin jinżel sa Marsaxlokk

Fl-aħħar ġranet ta' Lulju l-Prim Ministru Joseph Muscat sab il-ħin biex flimkien ma' sieħbu l-Ministru Konrad Mizzi imur Singapore biex flimkien ivaraw it-tanker tal-gass - vjaġġ ta' madwar 10,000 kilometru.

Iżda dalgħodu l-Prim Ministru ma sabx ħin biex jivjaġġa bejn 7 u 8 kilometri biex minn Kastilja jinżel sa Marsaxlokk jara t-tanker tal-gass dieħel fil-port u jwieġeb il-mistoqsijiet leġittimi tal-ġurnalisti.

Minflok, dalgħodu bagħat lil Konrad waħdu.

Minjaf għaliex?

Friday, October 7, 2016

Minn Kastilja riedu jkeċċu lil Salvu Mallia malli tniffes fuq il-Panama

Illum wiċċ Salvu Mallia reġa' deher fuq ix-xandir tal-istat, bħala mistieden (f'Xarabank) u mhux bħala preżentatur kif kien sa ftit xhur ilu.

Ħadd ma kellu l-iċken dubju li Salvu Mallia u l-programm ferm popolari 'Madwarna' tneħħew minn fuq TVM b'deċiżjoni politika bi tpattija għall-mod kif Salvu tkellem pubblikament dwar il-korruzzjoni tal-Gvern ta' Joseph Muscat.

Illum nista' nikkonferma aktar minn hekk.

Malli Salvu Mallia tniffes fuq l-iskandlu tal-Panama, minn Kastilja ngħatat struzzjoni lill-PBS biex il-programm ta' Mallia jieqaf minnufih, f'April.

Il-programm ma setax jitwaqqaf dakinhar, iżda mill-PBS serrħu moħħ Kastilja li l-programm ta' Mallia ma kienx se jkompli wara Ġunju. Dan kollu ġara bosta xhur qabel John Bundy nħatar Kap Eżekuttiv.

Dan huwa każ ieħor li juri kif Muscat jaħdem ma' min ma jaqbilx miegħu - il-wegħda tal-meritokrazija li nbidlet f'realta' ta' vendikazzjonijiet.

Franco Debono baqa' Assistent Parlamentari ta' Gonzi sa lejliet l-aħħar elezzjoni generali

Jekk illejla se taraw Xarabank u se tisimgħu lil Franco Debono jitgħajjar fuq kemm kien ħażin il-Gvern Nazzjonalista ta' Lawrence Gonzi, żommu f'moħħkom li dak iż-żmien Franco Debono kien l-Assistent Parlamentari tal-istess Prim Ministru Gonzi.

Minkejja l-paroli, t-tejatrini u t-tisbit tas-saqajn, Franco Debono qatt ma rriżenja minn dik il-kariga u baqa' jżomm l-uffiċċju f'Kastilja sal-aħħar ġurnata tal-leġislatura.

Minkejja li fl-aħħar xhur (jew snin) ta' dak il-Gvern Debono qatt ma kien jersaq lejn dan l-uffiċċju, fl-aħħar ta' kull xahar xorta kien jirċievi l-ħlas (is-salarju) għal din il-pożizzjoni.

Dan il-ħlas baqa' jirċevieh sal-aħħar ġurnata tal-leġislatura.

Thursday, October 6, 2016

Mhux Għax Jimpurtani - 6 ta' Ottubru 2016

L-ewwel parti:



It-tieni parti:


Kieku lestew fil-ħin kien jieħdu l-mertu huma

Kieku Konrad Mizzi u Joseph Muscat irenexxielhom iwettqu l-wegħda elettorali li jlestu l-power station tal-gass fi żmien sentejn, kieku llum qed jiftaħru li l-emissjonijiet (il-ħmieġ) fl-arja naqas bin-nofs mertu tar-roadmap tagħhom.

Iżda ż-żejt dejjem jitla' f'wiċċ l-ilma, iridu u ma jridux Muscat u sħabu tal-kumpaniji moħbija fil-Panama.

Statistika tal-NSO ilbieraħ uriet li l-emissjonijiet fl-arja naqsu bin-nofs kemm ilna nieħdu l-elettriku mill-power station il-ġdida tal-BWSC u mill-interconnector bejn Malta u Sqallija.

Illum huwa ċar għal kulħadd li huwa mertu tal-proġetti li ħalla Gvern Nazzjonalista li naqsu l-emissjonijiet fl-arja. Altru milli 'fabbrika tal-kanċer' kif kien jgħid Muscat.

Il-'fabbrika tal-kanċer' illum tinsab fit-toroq tagħna frott l-inkompetenza ta' Ministru ieħor kunjomu Mizzi li tilef ir-roadmap (jekk qatt kellu) u prova s-seamap iżda xorta wasal tard!

Wednesday, October 5, 2016

La tista' tagħmel pipe sa Sqallija, tista' toħrog it-tanker 'l barra

Biex itaffi ftit mill-qatgħa li se nieħdu la naraw it-tanker tal-gass f'Marsaxlokk, il-Ministru (iva, għadu Ministru tal-Enerġija) Konrad Mizzi ħabbar li qed isiru t-testijiet biex jitwettaq il-pjan li kellu Gvern Nazzjonalista tal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija.

Iżda n-nies mhumiex boloh kemm jaħsibhom Mizzi.

Xlukkajr qalli "Allura la jista' jagħmel pipe minn Delimara sa Sqallija ma setax joħroġ it-tanker mill-port u jagħmel pipe sat-tanker?".

"Dażgur li seta'!", għidtlu. "F'Livorno, fejn għandhom power station simili, hekk għamlu u m'għandhom ebda tanker fil-port."

Iżda biex isir dan kienu jidħlu f'aktar spejjeż. U iktar spejjeż għall-Electrogas ifisser inqas qliegħ. U għal Konrad tal-Panama l-qliegħ fil-bwiet tal-miljunarji huwa iktar importanti mis-saħħa u s-sigurta' tagħna l-ħaddiema żgħar.

Monday, October 3, 2016

Mill-Mistra għall-ONE, minn KORROTT għal EROJ u ĦABIB

Dan ir-ritratt meħud mill-programm tal-istazzjon tal-Partit Laburista li huwa preżentat mill-ħabib intimu u kollega tal-Prim Ministru Glenn Bedingfield flimkien mat-tifel tal-Ministru Helena Dalli ma jeħtieġ ebda kumment miegħu.

Dak li kien ħażin issa sar tajjeb. Dak li kien korrott issa sar eroj. Dak li kien maħmuġ issa sar ħabib. Dak li kien l-iskandlu tal-Mistra issa sar ix-showman tal-ONE.

Imsieken dawk il-Laburisti li vvotaw biex jeħilsu minn dan l-imbarazz li issa Joseph qed iwaddbilhom quddiem biebhom!