Monday, December 14, 2015

Araw x'qalilna l-Awditur Ġenerali, Jeffrey u Lara





Bħalissa qed iċemplu lill-pulizija biex tinfetaħ inkjesta Maġisterjali

M'għandix dubju li hemm ħafna fost dawk li l-ġimgħa l-oħra riedu ras il-Kap tal-Oppożizzjoni fuq platt li bħalissa qed iċemplu lill-pulizija jħeġġuhom jinvestigaw u jiftħu inkjesta bil-Maġistrat. Sa għada filgħodu dawn it-talin se jkunu qed jinsistu għat-tkeċċija ta' dawk f'Kastilja li kienu responsabbli minn dan l-abbuż. Wara se jitolbu lill-Prim Ministru jġorr ir-responsabbiltà tal-għażliet li għamel u jirriżenja.

Prosit kemm huma konsistenti!


Saturday, December 12, 2015

Viva r-Repubblika

Ma nara xejn ħażin li persuna li tkun mexxiet l-ikbar Union fil-pajjiż għal sittax-il sena tingħata Ġieħ ir-Repubblika. Anzi, nqisha bħala xi ħaġa normalissima li għandha ssir.

Li din il-persuna jkun jisimha Tony Zarb u f'dawn is-sittax-il sena tkun għamlet dak li għamel hu, jirrifletti ħażin u huwa ta' għajb għall-membri u d-delegati tal-Union li m'għarfux jagħżlu toroq u persuni aħjar.

L-agħa li qed iqum illum dwar id-deċiżjoni li Zarb ikun onorat mill-istat għandu jkun indirizzat lejn dawk li għal sittax-il sena sħaħ għażluh bħala l-mexxej tagħhom u ntelqu għal warajh u wara ċ-ċuċati li kien jgħid u jagħmel. Povru ħaddiem!

Intant, minjaf Mario Cutajar (illum Kap taċ-Ċivil), Ronnie Pellegrini (illum Kap tas-Segretarjat ta' Helena Dalli) u Manuel Micallef (illum kandidat Laburista u preżentatur fuq ONE) x'igelglu x-xampanja u jogħrku jdejhom bil-pjaċir li tathom din l-aħbar!


Friday, December 11, 2015

Mill-Baħrija sar-Rabat: X'differenza!

Fl-2009, Victor Scerri ma kellu ebda kariga fil-Gvern ta’ Lawrence Gonzi. La kien Ministru, la Segretarju Parlamentari u lanqas Deputat. Kien jokkupa kariga biss fil-Partit Nazzjonalista - dik ta’ President tal-Kunsill Ġenerali.

Rapport tal-Awditur tal-MEPA, li Scerri u l-perit tiegħu Robert Musumeci kkontestaw bil-qawwa kollha, kien tefa’ dell fuq permess maħruġ fuq propjetà ta’ mart Scerri fil-Baħrija.

Victor Scerri irriżenja mill-kariga ta’ President tal-partit.

Ftit wara, minkejja li ma kien għadu jokkupa ebda kariga pubblika, Scerri aċċetta stedina biex jieħu sehem fil-programm Xarabank.

Hu, martu u l-perit tiegħu marru fil-programm live, poġġew il-karti kollha fuq il-mejda, iffaċċjaw u wieġbu dak li kien qed jgħid l-Awditur, dak li kienu qed jgħidu l-NGOs ambjentali u anke dak li kienet qed tgħid il-media Laburista u dik indipendenti.

Dik irġulija!

Dik trasparenza!

X’differenza minn kif qed iġib ruħu llum is-Segretarju Parlamentari Ian Borg.

Jistgħu idumu jgħidulu l-NGOs biex jirriżenja ... jista’ jħambaq l-Ombudsman... tista’ tinvestiga l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni.

Ian Borg kien, għadu u se jibqa’ fil-kariga u li għalih ikompli għaddej anke bil-bini.

Dawk li vvotaw għall-bidla ħaduha tassew - il-kontabilità u t-trasparenza ingħataw majnata tant kbira li għerqu. 



Wednesday, December 9, 2015

Is-sospensjoni tax-xufier ta’ Simon Busuttil

Iktar ma naqra u nisma dwar l-allegazzjonijiet fuq il-konsum tal-fuel tal-karozza tal-Kap tal-Oppożizzjoni, iktar nikkonvinċi ruħi li din hija storja minfuħa b’mod eżaġerat biex tattakka l-integrita tiegħu.

Minkejja li kull ħażin, żgħir jew kbir, huwa ħażin, inqisha tad-daħk (jew tal-biki) li allegazzjoni bħal din tiddomina l-aħbarijiet daqs jew aktar mill-iskandli miljunarji li qed idarruna bihom xi Ministri u Deputati Laburisti.

Is-sempliċi fatt li dwar allowance ta’ ftit Ewro fuel fil-ġimgħa nħasset il-ħtieġa ta’ investigazzjoni tal-pulizija u inkjesta bil-Maġistrat bil-konsegwenza ovvja ta’ bumbardament medjatiku, lili jgħidli biss li Busuttil m’għadux jitqies bħala avversarju kkundannat li jitlef l-elezzjoni li jmiss.

Malli l-Kap Nazzjonalista sar jaf b’dak li kien qed jinħema talab li x-xufier tiegħu ikun sospiż minn xogħolu.

Irrid ngħid li nifhem ir-raġunament kollu wara d-deċiżjoni li ħa Simon Busuttil u nifhem ukoll x’messaġġ ried jibgħat biha.

Bdanakollu nħoss li dwarha għandi nagħmel ftit riflessjonijiet.

Anke lili dan il-Gvern għaddieni minn arrest u investigazzjoni bla bażi bl-uniku skop ikun li jħammiġni u jiskreditani. Għaldaqstant, jekk huwa tassew akkużat għalxejn, nista’ nifhem minn xiex inhu għaddej dan ix-xufier bħalissa.

Minkejja li għadda ż-żmien u ħfirt, dawk il-ġranet tal-arrest ma ninsihom qatt. U l-iktar li ma ninsiex huwa lil dawk li ħarġu għonqhom jiddefenduni.

Allura, minkejja li ma nafx id-dettalji kollha tal-każ, illum irrid inkun fost dawk li jemmnu lix-xufier ta’ Simon, li bħali għandu isem, kunjom u ġieħ x’jiddefendi u familja x’jieħu ħsieb.

Inżid ngħid li jekk tassew m’hemmx suspett raġunat li dan ix-xufier abbuża, huwa m’għandux ikun sospiż u għandu jitħalla jkompli jaqdi d-dmirijiet tiegħu.

Jekk vera nemmnu li din l-istorja hija biss attakk infondat ieħor, il-pożizzjoni politika tagħna għandha tkun li niġġieldu s-sors ta’ dan l-attakk, hu min hu jew hi min hi.

Wisq nibża li jekk kull darba li xi ħadd ifettillu jabbuża mill-poter u jattakka lil wieħed jew waħda minna, isib Oppożizzjoni li tissospendik minflok tiddefendik b’saħħitha kollha, dawn l-episodji se jibqgħu jirrepetu ruħhom.

Il-kisba ta’ governanza tajba tibda bi ġlieda qalila kontra l-abbużi, il-gideb u l-inġustizzji.

Ma nistgħux inħallu l-iżbalji li saru fil-passat jikkundizzjonawna tant li biex il-partit jidher onest aktar minn qatt qabel nagħtu daharna lil dawk li biex jimxu għandhom bżonn riġlejna.

Iva, min fostna jiżbalja għandu jpatti proporzjonalment ta’ għemilu. Bl-istess mod dawk fostna li jkunu attakkati u mżebilħa għandhom isibuna spalla ma’ spalla magħhom.

Jekk l-Oppożizzjoni mhux se tkun tarka tal-azzar għall-vittmi ta’ dan il-Gvern u mhux se turi li lesta tiġġieled għalihom bil-mezzi kollha tagħha, se nispiċċaw kollha għarkuptejna quddiem Kastilja nitolbu lil Muscat u sħabu jkollhom ħniena minna.

U din tkun il-kundanna tagħna. Hekk, inkunu tlifna kull ċans li sentejn oħra naraw lill-PN fil-Gvern u lil Simon Busuttil Prim Ministru.

Saturday, December 5, 2015

Muscat u l-ħallelin miljunarji

Il-Prim Ministru lbieraħ qal li qabel jibda jagħmel xi ħaġa fuq il-boathouses illegali li nbnew fuq art li suppost hija tagħna lkoll, se jaffronta lill-miljunarji li fi kliemu ħatfu l-artijiet kontra l-liġi u saru sinjuruni minnhom.

Jibda minn fejn jibda u jibda minn min jibda, tkun ħaġa tajba li l-Prim Ministru jibda. Anzi, intendi naqbel miegħu li għandu jibda min dawk li ħatfu (serqu) l-aktar.

Iżda stqarrija bħal din ma tistax titħalla għaddejja mingħajr ftit mistoqsijiet pertinenti.

Sur Prim Ministru, min huma dawn il-miljunarji li kont qed tirreferi għalihom ilbieraħ?

Liema huma l-artijiet li semmejt u xi żvilupp sar fuqhom?

Kemm hemm minn dawn l-illegalitajiet u abbużi?

Meta se tibda tieħu passi?

X’se jkunu l-passi li se tieħu?

Wara li tlesti minn dawn il-ħallelin miljunarji, se tibda ddur lil dawk il-ħallelin ifqar, bħal tal-boathouses?

Tista’ jekk jogħġbok tagħti time frame lilna ċ-ċittadini li qatt ma sraqna xejn, la żgħir u lanqas kbir, meta se ssir ġustizzja magħna?