Il-Prim Ministru għalaq l-istaġun tal-kaċċa b’effett
immedjat. L-oppożizzjoni qablet. Jien ma naqbilx.
Qabel kollox niddikjara li lili l-kaċċa ma togħġobni xejn
u qatt ma qbilt li pajjiżna japplika xi deroga għall-kaċċa fir-rebbiegħa, la
issa u lanqas fil-passat. Niddikjara wkoll li qbilt mija fil-mija mal-pożizzjoni
li ħadu ż-żewġ partiti l-kbar u l-mexxeja tagħhom fir-referendum tal-11 ta’
April. Għal bosta raġunijiet li mhux se noqgħod nispjega hawn kien ikun assurd
kieku xi wieħed mill-partiti ħa pożizzjoni differenti.
Ir-referendum sar, il-poplu vvota u ta rebħa lill-kaċċaturi.
Kif, b’kemm u għaliex issa huwa irrilevanti. Il-fatt huwa li l-maġġoranza ta’
dawk li vvotaw riedu li l-kaċċa fir-rebbiegħa tkompli ssir.
F’demokrazija hija l-maġġoranza li tieħu r-raġun.
Il-ħafna diskors fuq il-minoranza kbira li vvotat kontra huwa biss diskors.
L-istaġun fetaħ u hekk kellu jkun.
Ġara li mat-tħabbira tar-riżultat il-Prim Ministru Joseph
Muscat iddikjara li lest imur kontra din d-deċiżjoni demokratika tal-poplu jekk
ikun hemm illegalitajiet flagranti matul l-istaġun.
B'konsegwenza ta’ din id-dikjarazzjoni kull illegalità li
ġrat matul dan l-istaġun kienet minfuħa mit-telliefa tar-referendum biex dak li
ma rebħux bid-demokrazija jieħduh billi jirkbu fuq il-paroli vojt tal-Prim
Ministru. Bdiet kampanja medjatika qalila biex il-Prim Ministru jżomm kelmtu u
jagħlaq l-istaġun.
Wara l-każ gravi tal-lum il-Prim Ministru ma kellux għażla
ħlief li jċedi għal din il-pressjoni u jagħmel dak li l-poplu vvota biex ma
jsirx. B’sempliċi tweet l-istaġun
tal-kaċċa ingħalaq.
Dan huwa preċedenti perikoluż għad-demokrazija
f’pajjiżna. It-tweets tal-Prim Ministru m’għandux ikollhom dan il-poter
assolut.
Forsi mhux kumbinazzjoni li dan it-tweet inkiteb fl-Azerbajġan, imma dik storja oħra!
Forsi mhux kumbinazzjoni li dan it-tweet inkiteb fl-Azerbajġan, imma dik storja oħra!
Jekk il-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jaqblu li ma ssirx
kaċċa legali għax matul l-istaġun ikun hemm l-illegalitajiet imisshom ilhom li
waqqfu l-kaċċa fir-rebbiegħa u f’kull staġun ieħor.
Lanqas ħaqq il-flus, il-ħin, l-enerġija u r-riżorsi li ħlejna f’referendum.
Lanqas ħaqq il-flus, il-ħin, l-enerġija u r-riżorsi li ħlejna f’referendum.