Blogg ippubblikat minn Newsbook
Il-ġimgħa l-oħra mort niekol ma’ Chris, il-ministru, u qalli … dak il-ħin qabad u beda jibgħat lill-Ministru tat-Turiżmu u qallu. Qallu, ‘Irridu ngħinuhom lil Hugo’s. Dejjem għenuna u rridu ngħinuhom u rridu nagħtuhom biċċa mill-bajja.’ U l-ieħor qallu, ‘Il-bajja naqra żgħira imma ħa naraw x’nistgħu nagħmlu biex inkabbru l-bajja.’
Il-ġimgħa l-oħra mort niekol ma’ Chris, il-ministru, u qalli … dak il-ħin qabad u beda jibgħat lill-Ministru tat-Turiżmu u qallu. Qallu, ‘Irridu ngħinuhom lil Hugo’s. Dejjem għenuna u rridu ngħinuhom u rridu nagħtuhom biċċa mill-bajja.’ U l-ieħor qallu, ‘Il-bajja naqra żgħira imma ħa naraw x’nistgħu nagħmlu biex inkabbru l-bajja.’
Din il-konverżazzjoni bejn in-negozjant Luke Chetcuti u waħda mill-impjegati tiegħu kienet irrekordjata minn ġurnalisti Franċiżi li ftit ġimgħat ilu kienu qed iżuru pajjiżna biex jagħmlu dokumentarju dwar dan l-aqwa żmien li qed ngħixu u li ġabna l-għira tad-dinja.
Chris, il-ministru, mhu ħadd ħlief il-Ministru Chris Cardona, li nzerta wkoll id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Il-Ministru tat-Turiżmu msemmi minn Luke Chetcuti huwa Konrad Mizzi, l-istess wieħed li tgħidx kemm hu dispjaċut li nqabad b’kumpanija moħbija fil-Panama lesta biex tilqa’ ħamest elef ewro kuljum minn kumpanija sigrieta ta’ negozjant li għandu lukanda ftit bogħod minn fejn ittieħed dal-filmat.
Nistqarr li ma tantx kont sorpriż b’dak rajt u smajt għax kif jgħid il-Malti, lil min tafu tistaqsix għalih. Iżda ġara li moħħi baqa’ jilgħab b’dad-diskors u bil-lejl spiċċajt ħlomt bih!
Kif tafu, il-ħolm qatt ma jkun eżatt bħar-realtà. Fil-ħolma tiegħi id-data tal-filmat ma baqgħetx l-2019 imma saret l-2012. Fil-ħolma tiegħi l-ministri ma kienx jisimhom Chris u Konrad imma Tonio u Austin u, fil-ħolma tiegħi, qamu l-irwiefen kollha tad-dinja. Ħlomt li l-Partit Laburista fl-oppożizzjoni kien irnexxielu jgħaqqad il-qawwa tal-Majjistral mas-saħħa tal-Grigal u ħoloq ċiklun politiku li lanqas l-iktar swar ħoxnin tat-tlett ibliet ma kien se jirnexxilhom iwaqqfu.
Smajt lil Alfred Sant isostni kemm kellu raġun meta tkellem fuq iċ-ċirku tal-barunijiet u tal-ħbieb tal-ħbieb, waqt li Chris Ferne kien pront ressaq vot ta’ sfiduċja fiż-żewġ ministri fil-Parlament. Fuq il-ONE Karl Stagno Navarra wera l-filmat tant drabi li aktarx se jkun imniżżel fil-ktieb tar-rekords tal-Guinness waqt li Emanuel Cuschieri reġa’ beda jagħmel programm filgħodu, ieħor waranosfinhar u ieħor tard bil-lejl. L-eżekuttiv Laburista ordna bojkott lil kull programm tal-PBS li jazzarda ma jiddiskutix dan l-iskandlu f’kull episodju tas-sensiela. Evarist Bartolo beda jorganizza press conference kuljum, daqqa biswit Manuel Mallia, darba ħdejn Rosianne Cutajar u ġieli ħdejn Robert Abela. Zammit Marmara u Privitera ma waqfux jitkażaw u jiktbu artikli u kummenti f’kull ġurnal, blog u paġna tal-Facebook immaġinabbli. Glenn Bedingfield kiteb ktieb jismu ‘L-iskandlu tal-bajja ta’ San Ġorġ u skandi oħra’ u l-gazzetta l-orizzont qed tirrekklama li dan se jkun għall-bejgħ fi protesta kbira li Joseph Muscat sejjaħ għall-Ħadd li ġej flimkien mal-General Workers’ Union. Intant, Anġlu Farrugia bagħat għall-ġurnalisti quddiem id-Depot biex jgħidilhom li kien għadu kif talab lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga.
Jien u nara dan kollu ma stajtx ma nagħtihomx raġun jirreaġixxu b’dal-mod. Kont determinat li malli nqum mir-raqda jien ukoll nikteb fuq il-Facebook li se mmur nipprotesta biex tintrefa’ r-responsabbiltà politika u tibda investigazzjoni mill-aktar fis. Ma jistax ikun li l-ministri tagħna jitħallew jikkontemplaw li jagħtu dak li hu tagħna lkoll lil min ikun għenhom waqt li jkunu qed jomogħdu l-għaġin jew xi biċċa laħam tajba. Għandhom raġun il-Laburisti: dan kollu huwa inaċċettabbli.
Imma mbagħad daqq l-iżveljarin. Dlonk qbadt il-mowbajl u kkonfermajt li s-sena hija l-2019 mhux l-2012. Erġajt fittixt il-filmat u kkonfermajt li l-protagonisti tal-istorja huma l-ministri Chris u Konrad. Imbagħad fittixt lil-Laburisti l-oħrajn li ħlomt bihom imma ma stajt insibhom imkien. Għal li jista’ jkun tafu fejn huma?
No comments:
Post a Comment