Sunday, February 19, 2017

Egrant: gidba ħoxna u evidenti

Lejliet li f'pajjiżna se jiltaqa' l-Kumitat tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu Panama Papers, il-Gvern Laburista qed jipprova joqtol is-suspetti dwar is-sid misterjuż tal-kumpanija 'Egrant' li dwaru min hu, għal bosta raġunijiet, hemm ħafna suspetti.

Dalgħodu l-gazzetta ta' Saviour Balzan 'Malta Today' ippubblikat email li suppost tikkonferma li s-sid ta' 'Egrant' huwa Brian Tonna, l-accountant u sid ta' Nexia BT li fetħet il-kumpaniji fil-Panama lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Huwa evidenti li din l-email hija gidba ħoxna li tista' titwemmen biss minn min għandu livell ta' intelliġenza inferjuri għal tat-tiġieġa li bi ħsiebni niekol f'nofsinhar ma' ftit patata l-forn u kisra ħobż tal-Malti.

Is-sid veru ta' Egrant għadu mhux magħruf għax ismu qatt ma nkiteb fl-emails li nqabdu fl-Panama Papers. Ir-raġuni għal dan hija li Karl Cini (partner tal-istess Brian Tonna f'Nexia BT u l-persuna li fetaħ il-kumpaniji ta' Mizzi u Schembri) deherlu li dan l-isem tant għandu jibqa' riservat li ma setax jiktbu imma kkomunikah bil-vuċi fuq Skype.

Hawn xi ħadd jiblagħha li din ir-riservatezza kollha kienet meħtieġa għal Brian Tonna? Ma naħsibx li hawn min hu daqshekk ċuċ.

Iżda lil dawk il-ftit li jibilgħu kollox ngħidilhom li isem Brian Tonna jinsab fil-Panama Papers għax issemma meta vera infetħet kumpanija oħra għalih fil-BVI. Għal din il-kumpanija ma ntuża ebda Skype. Isem Brian Tonna inkiteb iswed fuq l-abjad.

Lanqas kieku m'għandniex dawn il-fatti f'idejna, huwa ovvju li kieku vera Egrant inxtrat għal Brian Tonna, ma kien ikun hemm ebda ħtieġa li dan l-isem jinżamm mistur għal sena sħiħa. Kieku kienu jitkellmu minnufih u kienu joqtlu l-ispekulazzjoni kollha sa mill-ewwel ġurnata.

Nota żgħira wkoll dwar l-email li qed tikkwota l-Malta Today, li tajjeb wieħed jinnota li ntbgħatet biss tlett iiem ilu.

Din l-email hija ffirmata minn Ricardo Samaniego ta' Mossack Fonseca. Dan huwa l-istess persuna li nstab li ffirma minuti foloz!

2 comments:

  1. Kif ma jisthux mill-poplu?

    ReplyDelete
  2. Hasbuna kollha qabda bcicen nahseb. B'mid iridu jitnejku? Ja qatta korrotti zibel.

    ReplyDelete